Language of document : ECLI:EU:F:2013:86

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tieni Awla)

24 ta’ Ġunju 2013

Kawża F‑144/11

Carlos Mateo Pérez

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Kompetizzjoni ġenerali — Talba għall-annullament ta’ rettifika ta’ avviż ta’ kompetizzjoni — Rettifika li ma tistabbilixxix kundizzjonijiet li jeskludu lir-rikorrent — Assenza ta’ att li jikkawża preġudizzju — Nuqqas ta’ ammissjoni għall-eżamijiet ta’ evalwazzjoni — Ammissibbiltà — Termini għall-preżentata ta’ rikors — Tardività — Inammissibbiltà manifesta”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat abbażi tal-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu C. Mateo Pérez jitlob, essenzjalment, l-annullament tar-rettifika tal-avviż tal-Kompetizzjoni Ġenerali EPSO/AST/111/10 (ĠU 2011, C 68 A, p. 2, iktar ’il quddiem ir-“rettifika”) u tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tal-imsemmija kompetizzjoni li ma tawtorizzahx jipparteċipa fit-tieni fażi tal-kompetizzjoni (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ ammissjoni”).

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament inammissibbli. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll l-ispejjeż sostnuti minn C. Mateo Pérez mill-14 ta’ Marzu 2012, jiġifieri d-data tal-preżentata tar-risposta.  C. Mateo Pérez għandu jbati l-ispejjeż tiegħu ta’ qabel l-14 ta’ Marzu 2012.

Sommarju

1.      Rikorsi tal-uffiċjali — Rikors kontra deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ ammissjoni għall-eżamijiet ta’ kompetizzjoni — Possibbiltà li tiġi invokata l-irregolarità tal-avviż ta’ kompetizzjoni — Portata — Rettifika tal-avviż ta’ kompetizzjoni li ma tistabbilixxix il-kundizzjonijiet ta’ natura li teskludi lir-rikorrent — Esklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90(2) u 91)

2.      Proċedura ġudizzjarja — Spejjeż — Responsabbiltà — Teħid inkunsiderazzjoni tar-rekwiżiti tal-ekwità — Kundanna għall-parti li tirbaħ l-ispejjeż

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikoli 87(1) u (2), u 88)

1.      Kemm l-ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel kif ukoll ir-rikors ġudizzjarju għandhom, skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, ikunu intiżi kontra att li jikkawża preġudizzju li jipproduċi effetti legali vinkolanti li jistgħu jaffettwaw direttament u immedjatament l-interessi tar-rikorrent, billi jibdlu b’mod sostanzjali s-sitwazzjoni ġuridika tiegħu.

Fir-rigward tal-avviżi ta’ kompetizzjoni, fid-dawl tan-natura partikolari tal-proċedura ta’ reklutaġġ, li hija eżerċizzju amministrattiv kumpless magħmul minn serje ta’ deċiżjonijiet marbuta b’mod strett, ir-rikorrent għandu dritt jinvoka irregolaritajiet li jkunu seħħew waqt l-iżvolġiment ta’ kompetizzjoni, inkluż dawk li joriġinaw mit-test innifsu tal-avviż ta’ kompetizzjoni, fil-każ ta’ rikors intiż kontra deċiżjoni individwali sussegwenti, bħal deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ ammissjoni għall-eżamijiet. Avviż ta’ kompetizzjoni jista’ wkoll, eċċezzjonalment, ikun suġġett għal rikors għal annullament fil-każ fejn, billi jimponi kundizzjonijiet li jeskludu l-kandidatura tar-rikorrent, jikkostitwixxi deċiżjoni li tikkawża preġudizzju lir-rikorrent skont l-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal.

Madankollu, dan ma huwiex il-każ ta’ rettifika ta’ avviż ta’ kompetizzjoni li temenda l-modalitajiet ta’ evalwazzjoni prevista minn dan l-avviż għat-testijiet ta’ aċċess iżda li ma timponi l-ebda kundizzjoni li teskludi l-kandidatura tar-rikorrent.

(ara l-punti 43 sa 47)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 8 ta’ Marzu 1988, Sergio et vs Il-Kummissjoni 64/86, 71/86 sa 73/86 u 78/86, punt 15; 11 ta’ Awwissu 1995, Il-Kummissjoni vs Noonan, C‑448/93 P, punti 17 sa 19

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 16 ta’ Settembru 1993, Noonan vs Il-Kummissjoni, T‑60/92, punt 21; 13 ta’ Lulju 2000, Hendrickx vs Cedefop, T‑87/99, punt 37

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 2 ta’ Lulju 2009, Bennett et vs UASI, F‑19/08, punti 65 u 66, u l-ġurisprudenza ċċitata; 14 ta’ April 2011, Clarke et vs UASI F‑82/08, punt 79

2.      Skont l-Artikolu 87(1) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet l-oħra tal-Kapitolu Tmienja tat-Tieni Titolu ta’ dawn ir-regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Madankollu, skont l-Artikolu 88 tal-imsemmija Regoli, parti, anki li tkun rebħet, tista’ tiġi parzjalment ikkundannata, anki totalment, għall-ispejjeż, jekk dan ikun iġġustifikat minħabba l-attitudni tagħha.

Hemm lok li l-imsemmi Artikolu 88 jiġi applikat fil-każ fejn il-parti li tirbaħ, anki wara li tkun ammettiet li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq it-tardività tar-rikors li hija tqajjem hija bbażata fuq qari żbaljat ta’ dokument prodott insostenn tagħha u li ma kellhiex il-provi insostenn tagħha, ma tkunx irrinunzjat għall-imsemmija eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà. Tali attitudni obbligat lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sabiex formalment ma tilqax l-imsemmija eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.

(ara l-punti 66, 68 u 69)