Language of document : ECLI:EU:F:2010:98

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (L-Ewwel Awla)

14 ta’ Settembru 2010

Kawża F-52/09

Delfina Da Silva Pinto Branco

vs

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

“Servizz Pubbliku — Uffiċjali — Reklutaġġ — Uffiċjal bi prova — Tkeċċija fi tmiem il-perijodu ta’ prova — Drittijiet tad-difiża — Evalwazzjoni tal-kompetenzi — Stħarriġ ġudizzjarju”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu D. Da Silva Pinto Branco titlob, prinċipalment, l‑annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-24 ta’ Ottubru 2008, li permezz tagħha tkeċċiet fi tmiem il-perijodu ta’ prova tagħha, kif ukoll il-kundanna tal-istituzzjoni sabiex tikkumpensaha għad-danni morali li kienu kkawżati lilha minn din it-tkeċċija.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Ir-rikorrenti hija kkundannata għall‑ispejjeż kollha.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Rikors — Att li jikkawża preġudizzju — Kunċett — Att preparatorju — Miżuri meħuda matul il-perijodu ta’ prova ta’ uffiċjal — Esklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 34, 90 u 91)

2.      Uffiċjali — Reklutaġġ — Perijodu ta’ prova — Tkeċċija fi tmiem il-perijodu ta’ prova — Talba għal smigħ tal-uffiċjal bi prova u tal-evalwatur — Rifjut — Nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża, tad-dmir ta’ premura u tal-obbligu ta’ assistenza — Assenza

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 24 u 34(3))

3.      Uffiċjali — Reklutaġġ — Perijodu ta’ prova — Evalwazzjoni tar-riżultati — Evalwazzjoni tal-kompetenzi tal-uffiċjal bi prova — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 34)

1.      Huma biss l-atti jew il-miżuri li jipproduċu effetti ġuridiċi vinkolanti b’mod li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrenti direttament u immedjatament billi jimmodifikaw, b’mod sinjifikattiv, is-sitwazzjoni ġuridika tagħha, li jistgħu jaffettwawha ħażin. Meta jkun hemm inkwistjoni atti jew deċiżjonijiet li t-tfassil tagħhom jitwettaq f’diversi fażijiet, b’mod partikolari fit-tmiem ta’ proċedura interna, bħala prinċipju jikkostitwixxu atti li jistgħu jiġu kkontestati biss dawk il‑miżuri li jistabbilixxu b’mod definittiv il-pożizzjoni tal-istituzzjoni fit-tmiem ta’ din il-proċedura, bl-esklużjoni tal-miżuri interim, li l-għan tagħhom huwa li jippreparaw id-deċiżjoni finali. B’hekk, fil-qasam tar-rikorsi tal-uffiċjali, l-atti preparatorji ta’ deċiżjoni ma jikkawżawx preġudizzju fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar‑Regolamenti tal-Persunal. Dan huwa l-każ tar-rapporti ta’ tmiem il-perijodu ta’ prova u tal-opinjoni tal-Kumitat tar-Rapporti li huma l-bażi ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija ta’ uffiċjal bi prova.

(ara l-punti 32 sa 34)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 24 ta’ Ġunju 1993, Seghers vs Il‑Kunsill, T‑69/92, ĠabraSP p. II‑651, punt 28; 17 ta’ Diċembru 2003, McAuley vs Il‑Kunsill, T‑324/02, ĠabraSP p. I‑A‑337 u II‑1657, punt 28; 11 ta’ April 2006, Angeletti vs Il‑Kummissjoni, T‑394/03, ĠabraSP p. I‑A‑2-95 u II‑A‑2-441, punt 36; 17 ta’ Mejju 2006, Lavagnoli vs Il‑Kummissjoni, T‑95/04, ĠabraSP p. I‑A‑2-121 u II‑A‑2-569, punt 33; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 24 ta’ Mejju 2007, Lofaro vs Il‑Kummissjoni, F‑27/06 u F-75/06, ĠabraSP p. I‑A‑1‑155 u II‑A‑1‑835, punt 58

2.      Fil‑qasam ta’ tkeċċija ta’ uffiċjal bi prova, ir-rifjut tal-Awtorità tal-Ħatra li tilqa’ talba sabiex din tinstema’ kif ukoll sabiex jinstema’ l-evalwatur ma jistgħux jikkaratterizzaw ksur tal-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża u tal-prinċipju ta’ kontradittorju, tad-dmir ta’ premura jew tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal‑Persunal.

Fil-fatt, il-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża, kif implementat mill‑Artikolu 34(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, ma jimplikax l-obbligu ġenerali tal-Awtorità tal-Ħatra li tisma’ lill-uffiċjal bi prova qabel ma tittieħed id-deċiżjoni ta’ tkeċċija, u dan anki jekk il-Kumitat tar-Rapporti jkun wera li huwa favorevoli li jsir dan.

Minn naħa tiegħu, id-dmir ta’ premura, li jirrifletti l-bilanċ bejn id-drittijiet u l‑obbligi li r-Regolamenti tal-Persunal ikkreaw fir-relazzjonijiet bejn l-awtorità pubblika u l-membri tal-persunal tas-servizz pubbliku, jimplika li, meta hija tiddeċiedi dwar is‑sitwazzjoni ta’ uffiċjal, l-amministrazzjoni tikkunsidra l-elementi kollha li jistgħu jaffettwaw id-deċiżjoni tagħha u li, billi tagħmel dan, tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss l-interess tas-servizz, iżda wkoll dak tal-uffiċjal ikkonċernat. Dan huwa l-każ meta hija jkollha għad-dispożizzjoni tagħha rapporti dwar il-perijodu ta’ prova kif ukoll il-kummenti mogħtija mill-parti kkonċernata dwar dawn ir-rapporti, jiġifieri, elementi li jirrigwardaw, minn naħa, l-interess tas‑servizz, u min-naħa l-oħra l-interess tal-uffiċjal bi prova kkonċernat.

Fl-aħħar nett, l-obbligu ta’ assistenza, li jaqa’ fuq l-amministrazzjoni taħt l‑Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, jipprevedi d-difiża tal-uffiċjali kontra l-azzjonijiet ta’ terzi u mhux kontra l-atti li jirriżultaw mill-amministrazzjoni stess, li huma rregolati minn dispożizzjonijiet oħra tar-Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punti 50 sa 53)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 12 ta’ Lulju 1973, di Pillo vs Il‑Kummissjoni, 10/72 u 47/72, Ġabra p. 763, punt 16; 4 ta’ Frar 1987, Maurissen vs Il‑Qorti tal‑Awdituri, 417/85, Ġabra p. 551, punt 12; Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 5 ta’ Marzu 1997, Rozand-Lambiotte vs Il‑Kummissjoni, T‑96/95, ĠabraSP p. I‑A‑35 u II‑97, punt 120

3.      Il-perijodu ta’ prova għandu l-funzjoni li jippermetti lill-amministrazzjoni li tiġġudika b’mod konkret il-kompetenzi tal-uffiċjal bi prova għal funzjoni speċifika, fuq il-mod kif iwettaq il-kompiti tiegħu u fuq l-effiċjenza fix-xogħol. Fi tmiem il-perijodu ta’ prova, l-amministrazzjoni għandha tkun f’pożizzjoni, mingħajr ma tkun marbuta mill-evalwazzjonijiet li saru fir-reklutaġġ, li tieħu deċiżjoni fuq il-kwistjoni dwar jekk l-uffiċjal bi prova jimmeritax li jinħatar bħala uffiċjal permanenti fil-funzjoni li jaspira għaliha. Din id-deċiżjoni timplika evalwazzjoni globali tal-kwalitajiet u tal-aġir ta’ uffiċjal bi prova, hekk kif jirriżulta kemm mill-elementi pożittivi kif ukoll mill-elementi negattivi li jirriżultaw matul il‑perijodu ta’ prova.

L-amministrazzjoni għandha marġni wiesa’ fl-evalwazzjoni tal-kompetenzi u l‑ħiliet murija ta’ uffiċjal bi prova skont l-interess tas-servizz. B’hekk, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jistax jissostitwixxi l-evalwazzjoni tiegħu minflok dik tal-istituzzjonijiet f’dak li jirrigwarda r-riżultat ta’ perijodu ta’ prova u l‑kompetenzi ta’ kandidat għal ħatra definittiva fis-servizz pubbliku, ħlief f’każ ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni jew ta’ użu ħażin ta’ poter.

(ara l-punti 59 u 61)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza: Rozand-Lambiotte vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 112; Il-Qorti tal-Ġustizzja: 17 ta’ Novembru 1983, Tréfois vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, 290/82, Ġabra p. 3751, punt 24