Language of document : ECLI:EU:F:2016:132

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tielet Awla)

15 ta’ Ġunju 2016

Kawża F‑88/12

Harald Gaertner

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku – Membri tal-persunal temporanju – Pensjonijiet – Trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni nazzjonali – Proposti ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz – Att li ma jikkawżax preġudizzju – Inamissibbiltà tar-rikors – Talba sabiex tingħata deċiżjoni mingħajr ma tinbeda d-diskussjoni fuq il-mertu – Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106(a) tiegħu, li permezz tiegħu Harald Gaertner talab l-annullament tad-“deċiżjoni” tas‑16 ta’ Jannar 2012, dwar il-kalkolu tal-akkreditazzjoni, fl-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni Ewropea, tad-drittijiet għall-pensjoni tiegħu miksuba qabel fil-kuntest ta’ skema oħra u, sa fejn huwa meħtieġ, tad-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tal-Kummissjoni Ewropea, tal-15 ta’ Ġunju 2012, li tiċħad l-ilment tiegħu kontra d-“deċiżjoni” li tiffissa l-imsemmija akkreditazzjoni.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. Harald Gaertner għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat ibati l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

Sommarju

Rikorsi tal-uffiċjali – Att li jikkawża preġudizzju – Kunċett – Proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz fid-dawl tat-trasferiment lill-iskema tal-Unjoni tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba qabel id-dħul fis-servizz tal-Unjoni – Esklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91(1) u Anness VIII, Artikolu 11(2))

Proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz, ikkomunikata lil uffiċjal fid-dawl tat-trasferiment lill-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni Ewropea tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba fil-kuntest ta’ sistema oħra, ma tipproduċix effetti legali vinkolanti li jaffettwaw direttament u immedjatament is-sitwazzjoni legali tad-destinatarju tagħha, billi tinbidel b’mod sinjifikattiv, u ma tikkostitwixxix att li ma jikkawżax preġudizzju, fis-sens tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal.

F’dan ir-rigward, it-talbiet għal annullament li jirrigwardaw proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz fid-dawl tat-trasferiment lill-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni Ewropea tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba fil-kuntest ta’ sistema oħra, għandhom jiġu interpretati bħala intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni finali li tirrigwarda r-rikonoxximent ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz ta’ pensjoni jekk, minn naħa, huwa paċifiku bejn il-partijiet li l-parti kkonċernata kienet tat il-kunsens tagħha sabiex il-proċedura ta’ trasferiment tad-drittijiet tagħha għall-pensjoni miksuba qabel id-dħul tagħha fis-servizz titkompla, billi mmarkat il-kunsens tagħha fuq il-proposta li kienet ġiet sottomessa lilha u, min-naħa l-oħra, jekk din id-deċiżjoni finali kienet ġiet adottata qabel il-preżentata tar-rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni.

Meta deċiżjoni li tirrigwarda r-rikonoxximent tal-akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz ta’ pensjoni li jirriżultaw mid-drittijiet għall-pensjoni miksuba qabel fil-kuntest ta’ skema oħra mir-rikorrent tkun ġiet adottata qabel il-preżentata tar-rikors, meta r-rikorrent ikun sostna espressament li r-rikors tiegħu seta’ jitqies bħala intiż, fir-realtà, għall-annullament tad-deċiżjoni finali li tirrigwarda r-rikonoxximent ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz, meta deċiżjoni ġdida tirrigwarda r-rikonoxximent ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz ta’ pensjoni li jirriżultaw mid-drittijiet għall-pensjoni miksuba qabel fil-kuntest ta’ skema oħra mir-rikorrent tkun ġiet adottata u meta din id-deċiżjoni l-ġdida tkun espressament irtirat u ssosstitwixxiet id-deċiżjoni li tirrigwarda r-rikonoxximent tal-akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz, b’tali mod li d-deċiżjoni l-ġdida tkun tista’ tiġi analizzata biss bħala irtirar, b’effett retroattiv, tad-deċiżjoni li għandha l-istess skop, din tal-aħħar għandha titqies li ma eżistiet qatt.

(ara l-punti 14 sa 18)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: sentenzi tat-13 ta’ Ottubru 2015, Il‑Kummissjoni vs Verile u Gjergji, T‑104/14 P, EU:T:2015:776, punti 62, 110 u 120, u Teughels vs Il-Kummissjoni, T‑131/14 P, EU:T:2015:778, punt 58