Language of document :

Rikors ippreżentat fl-4 ta’ Lulju 2018 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Taljana

(Kawża C-443/18)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: B. Eggers, D. Bianchi, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika Taljana

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tikkonstata li r-Repubblika Taljana

billi naqqset milli tiggarantixxi, fiż-żona ta’ trażżin, it-tneħħija immedjata ta’ mill-inqas il-pjanti kollha infettati mix-Xylella fastidiosa jekk jinsabu fiż-żona infettata sa distanza massima ta’ 20 kilometru mill-fruntiera bejn din iż-żona infettata u l-bqija tat-territorju tal-Unjoni, kissret l-obbligi li jaqgħu fuqha bis-saħħa tal-Artikolu 7(2)(c) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/789 1 ;

billi naqqset milli tiggarantixxi, ukoll fiż-żona ta’ trażżin, is-sorveljanza tal-preżenza ta’ Xylella fastidiosa permezz ta’ stħarriġ annwali imwettaq f’mumenti opportuni tas-sena, naqqset mill-obbligi li jaqgħu fuqha bis-saħħa tal-Artikolu 6(7) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/789;

billi naqqset barra minn hekk konsistentement li tintervjeni immedjatament biex tevita t-tixrid ta’ Xylella fastidiosa, permezz ta’ ksur sussegwenti tal-obbligi speċifiċi msemmija fid-Deċiżjoni (UE) 2015/789 dwar iż-żoni infettati, liema fatt ippermetta it-tixrid sussegwenti tal-marda, naqqset mill-obbligi li jaqgħu fuqha bis-saħħa tal-Artikolu 6(2), (7) u (9) u tal-Artikolu 7(2)(c) u (7) tad-Deċiżjoni (UE) 2015/789, mill-obbligi msemmija fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2000/29/KE 2 , u mill-obbligu ta’ kooperazzjoni leali fl-Artikolu 4(3) tat-Trattat fuq l-Unjoni Ewropea;

tikkundanna lir-Repubblika Taljana għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-provi fil-pussess tal-Kummissjoni, li huma bbażati fuq l-informazzjoni pprovduta mir-Repubblika Taljana, il-verifiki li twettqu mill-Kummissjoni, l-opinjonijiet xjentifiċi li ħarrġu mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) u minn organi oħra, juru investigazzjonijiet tardivi, dewmien kunsiderevoli u nuqqasijiet li jikkonċernaw il-qtugħ tal-pjanti infettati mhux biss fid-data meta ntbagħtet l-opinjoni motivata, iżda li komplew ukoll matul il-preżentata ta’ dan ir-rikors. Konsegwentement, il-Kummissjoni tikkunsidra li n-nuqqas ta’ osservanza persistenti u ġenerali mill-Italja tal-obbligu li tevita t-tixrid tal-marda msemmija fl-artikoli ċċitati iktar ’il fuq tintwera.

____________

1 Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/789 tat-18 ta’ Mejju 2015 fir-rigward ta’ miżuri li jipprevjenu l-introduzzjoni u t-tixrid fl-Unjoni tal-Xylella fastidiosa (Wells et al) (notifikata bid-dokument C(2015) 3415) (ĠU L 125 tal-21 ta’ Mejju 2015, p. 36).

2 Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta’ Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta’ organiżmi ta’ ħsara għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 29, p. 258)