Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Litwanja) fil-31 ta’ Diċembru 2019 – UAB ‘Manpower Lit’ vs E.S., M.L., M.P., V.V. u R.V

(Kawża C-948/19)

Lingwa tal-kawża: il-Litwan

Qorti tar-rinviju

Lietuvos Aukščiausiasis Teismas

Partijiet fil-kawża prinċipali

Appellanti: UAB ‘Manpower Lit’

Partijiet oħra fil-proċedura: E.S., M.L., M.P., V.V. u R.V.

Domandi preliminari

X’tifsira għandha tingħata lill-espressjoni “impriża pubblika” użata fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/104/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija1  ? L-aġenziji tal-Unjoni Ewropea, bħall-EIGE, għandhom jitqiesu li huma “impriżi pubbliċi” fis-sens tad-Direttiva 2008/104?

Liema entitajiet (l-aġenzija ta’ xogħol temporanju, l-impriża utenti, tal-inqas wieħed minnhom, jew saħansitra t-tnejn li huma) huma suġġetti, skont l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/104, għall-kriterju tal-eżerċizzju ta’ attivitajiet ekonomiċi? L-oqsma ta’ attività u l-funzjonijiet tal-EIGE, kif iddefiniti fl-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament (KE) Nru 1922/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi, 2 għandhom jitqiesu li huma attivitajiet ekonomiċi fis-sens stabbilit (miftiehem) tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/104?

L-Artikolu 1(2) u (3) tad-Direttiva 2008/104 jista’ jiġi interpretat fis-sens li jistgħu jiġu esklużi mill-applikazzjoni tad-direttiva l-aġenziji pubbliċi u privati ta’ xogħol temporanju jew l-impriżi utenti li ma humiex involuti fir-relazzjonijiet indikati fl-Artikolu 1(3) tad-direttiva u li ma jeżerċitawx l-attivitajiet ekonomiċi msemmija fl-Artikolu 1(2) tad-direttiva?

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/104 dwar id-drittijiet ta’ ħaddiema temporanji ta’ aġenziji għal kundizzjonijiet bażiċi ta’ xogħol u ta’ impjieg, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda r-remunerazzjoni, japplikaw bis-sħiħ għall-aġenziji tal-Unjoni Ewropea, li huma suġġetti għal dispożizzjonijiet speċjali tad-dritt tax-xogħol tal-Unjoni Ewropea u għall-Artikoli 335 u 336 TFUE?

Id-dritt nazzjonali ta’ Stat Membru (l-Artikolu 75 tal-Kodiċi tax-Xogħol Litwan) li jittrasponi d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/104 applikabbli għall-impriżi kollha li jagħmlu użu minn ħaddiema temporanji (inklużi l-istituzzjonijiet tal-Unjoni) jikser il-prinċipju ta’ awtonomija amministrattiva ta’ istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea stabbilit fl-Artikoli 335 u 336 TFUE, u r-regoli dwar il-kalkolu u l-ħlas tal-pagi stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea?

Fid-dawl tal-fatt li l-pożizzjonijiet kollha (funzjonijiet ta’ impjieg) li għalihom ħaddiema jiġu direttament irreklutati mill-EIGE jinkludu kompiti li jistgħu jiġu eżegwiti biss minn ħaddiema suġġetti għar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, il-pożizzjonijiet rispettivi (funzjonijiet ta’ impjieg) ta’ ħaddiema temporanji ta’ aġenzija jistgħu jitqiesu li huma “l-istess impjieg” fis-sens tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/104?

____________

1 Direttiva 2008/104/KE (ĠU 2008, L 327, p. 9).

2 Regolament (KE) Nru 1922/2006 (ĠU 2006, L 403, p. 9).