Language of document :

Rikors ippreżentat fis-17 ta’ Ottubru 2019 – Il-Kummissjoni Ewropea vs L-Ungerija

(Kawża C-761/19)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Partijiet

Rikorrent: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentant: C. Cattabriga u Teleki Zs., Teleki, aġenti)

Konvenut: L-Ungerija

Talbiet

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tikkonstata li l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 11(1)(a) tad-Direttiva 2003/109/KE 1 , sa fejn hija ma tippermettix li ċittadini ta’ pajjiżi terzi li għandhom awtorizzazzjoni ta’ residenza fit-tul jiġu ammessi mal-Kamra tal-Veterinarji, u b’dan il-mod teskludihom mill-professjoni ta’ veterinarju u mill-possibbiltà li jkunu impjegati jew li jeżerċitaw attività mingħajr paga fil-professjoni ta’ veterinarju.

tikkundanna lill-Ungerija għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

1.    Fit-3 ta’ Jannar 2017, il-Kummissjoni rċeviet ilment abbażi tal-Magyar Állatorvosi Kamaráról valamint az állatorvosi szolgáltatói tevékenység végzéséről szóló 2012. évi CXXVII. törvény (il-Liġi CXXVII tal-2012 dwar il-Kamra Ungeriża tal-Veterinarji u l-eżerċiżżju ta’ servizzi veterinarji) fir-rigward tal-eżiġenza li tgħid li, fost eżiġenzi oħra, huwa biss ċittadin ta’ Stat li huwa parti għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropeaen li jista’ jkun membru tal-Kamra tal-Veterinarji. Il-lanjant huwa ċittadin ta’ pajjiż terz li għandu “awtorizzazzjoni ta’ residenza fit-tul” fl-Ungerija sa mill-2007 u li fl-2014 kiseb diploma mill-Állatorvostudományi Egyetemen (l-Università tax-Xjenzi Veterinarji) ta’ Budapest. It-talba ta’ adeżjoni tiegħu mal-Kamra tal-Veterinarji ġiet miċħuda minħabba li huwa ma kienx jissodisfa r-rekwiżiti legali ċċitati iktar ’il fuq. Fl-Ungerija, l-ammissjoni mal-Kamra tal-Veterinarji hija rikjesta sabiex tkun tista’ tiġi eżerċitata l-professjoni ta’ veterinarju kemm jekk fil-kuntest ta’ impjieg b’paga kif ukoll jekk fil-kuntest ta’ attività mingħar paga.

2)    Fl-20 ta’ Lulju 2018, il-Kummissjoni bdiet proċedura ta’ ksur kontra l-Ungerija b’rabta mad-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq tal-Liġi dwar il-Kamra Ungeriża tal-Veterinarji. Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, il-Kummissjoni tilmenta li l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 11(1)(a) tad-Direttiva 2003/109/KE.

3)    Fir-risposta tiegħu, il-Gvern Ungeriż sostna li l-eżerċizzju tal-professjoni ta’ veterinarju huwa kopert mill-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 11(1)(a) tad-Direttiva 2003/109/KE, għaliex din tista tippreżupponi, mhux biss b’mod okkażjonali, l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.

4)    Il-Kummissjoni ma qisitx li l-argumenti li l-Gvern Ungeriż ressaq fir-risposta tiegħu kienu konvinċenti u għalhekk, fil-25 ta’ Jannar 2019, ħarġet opinjoni motivata fejn ikkonfermat il-pożizzjoni preċedenti tagħaha.

5)    Fid-29 ta’ Marzu 2019 il-Gvern Ungeriż bagħat lill-Kummissjoni r-risposta tiegħu għall-opinjoni motivata li fiha huwa kkonferma l-pożizzjoni preċedenti tiegħu.

6)    Il-konklużjoni tal-Kummissjoni hija li l-eżerċizzju tal-attività ta’ veterinarju bħala impjegat jew mingħajr paga fl-Ungerija ma huwiex kopert mill-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 11(1)(a) tad-Direttiva 2003/109/KE. L-attivitajiet ta’ veterinarji li lilhom l-Ungerija tatribwixxi n-natura ta’ servizz pubbliku ma jinvolvux, skont il-Kummissjoni, parteċipazzjoni diretta u karatterisitika fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika, u ma humiex neċessarjament jew inseparabbilment inerenti għall-professjoni, sa fejn dawn jew huma ta’ natura purament preparatorja u anċillari, jew inkella dawn għandhom jitwettqu abbażi ta’ ftehim jew taħt il-kontroll tal-awtorità.

7)    Fid-dawl ta’ dak li ġie espost iktar ’il fuq, fil-25 ta’ Lulju 2019 il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat il-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jiġi deċiż li l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-Direttiva 2003/109/KE.

____________

1 Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal-25 ta' Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 272).