Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel Alba Iulia (ir-Rumanija) fit-28 ta’ Awwissu 2019 – FT vs Universitatea “Lucian Blaga” Sibiu, GS et, Ministerul Educației Naționale

(Kawża C-644/19)

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Qorti tar-rinviju

Curtea de Apel Alba Iulia

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: FT

Konvenuti: Universitatea “Lucian Blaga” Sibiu, GS et, Ministerul Educației Naționale

Domandi preliminari

L-Artikolu 1, l-Artikolu 2(2)(b) u l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol 1 [u] l-klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat, li jinsab anness mad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP 2 , għandhom jiġu interpretati fis-sens li miżura, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti lill-persuna li timpjega tipprovdi sabiex il-persuni li jkunu laħqu l-età ta’ 65 sena jkunu jistgħu biss iżommu l-pożizzjoni tagħhom bħala persunal permanenti b’żamma tad-drittijiet miksuba qabel ma rtiraw, jekk ikollhom l-istatus ta’ superviżur ta’ dottorat, li għalhekk jiżvantaġġa lill-persuni l-oħra li jinsabu fl-istess sitwazzjoni li jkollhom din il-possibbiltà biss jekk ikun hemm pożizzjonijiet vakanti u fil-każ fejn jissodisfaw il-kundizzjonijiet relatati mal-prestazzjoni professjonali, u li jagħmilha possibbli li jiġu imposti fuq persuni li ma għandhomx l-istatus ta’ superviżuri ta’ dottorat, fir-rigward tal-istess attività universitarja, kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat, li huma konklużi wieħed wara l-ieħor, b’sistema ta’ remunerazzjoni fil-forma ta’ “ħlas għal kull siegħa”, li huwa inqas minn dak mogħti lill-persunal akkademiku permanenti tal-università, jikkostitwixxi diskriminazzjoni fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet?

L-applikazzjoni tal-preċedenza tad-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ supremazija tad-dritt Ewropew) tista’ tiġi interpretata fis-sens li tippermetti lill-qorti nazzjonali teskludi l-applikazzjoni ta’ deċiżjoni definittiva ta’ qorti nazzjonali li tkun sabet li, fis-sitwazzjoni fattwali inkwistjoni, id-Direttiva 2000/78/KE kienet ġiet osservata u li ma kien hemm l-ebda diskriminazzjoni?

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79.

2     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368).