Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Appeals Service Northern Ireland (Ir-Renju Unit) fis-7 ta’ April 2020 – VI vs Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs

(Kawża C-247/20)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

Appeals Service Northern Ireland

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: VI

Konvenut: Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs

Domandi preliminari

Wild, li jkun residenti permanenti fiż-Żona Ekonomika Ewropea, għandu jkollu assigurazzjoni tal-mard komprensiva sabiex iżomm id-dritt ta’ residenza tiegħu, bl-istess mod bħalma hija għandha jkollha/huwa għandu jkollu bħala persuna awtosuffiċjenti, skont ir-Regola 4(1) tar-Regolament dwar l-Immigrazzjoni tal-2016?

Ir-rekwiżit, skont ir-Regola 4(3)(b) tar-Regolament dwar l-Immigrazzjoni tal-2016 (li tipprovdi li l-kriterju ta’ assigurazzjoni tal-mard komprensiva huwa ssodisfatt biss fir-Renju Unit fir-rigward ta’ student jew ta’ persuna awtosuffiċjenti, imsemmija fir-Regola 16(2)(b)(ii) tar-Regolament dwar l-Immigrazzjoni tal-2016, jekk din l-assigurazzjoni tkun tkopri kemm lil din il-persuna kif ukoll lill-membri tal-familja tagħha), huwa illegali skont id-dritt tal-Unjoni, fid-dawl tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2004/38 1 u tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Frar 2010, Teixeira (C-480/08, EU:C:2010:83, punt 70) ?

Sussegwentement għas-sentenza tal-2014 Ahmad v. Secretary of State for the Home Department (Civ 988, punt 53), il-ftehimiet ta’ reċiproċità fis-seħħ li jirrigwardaw iż-Żona Komuni tal-Ivvjaġġar applikabbli għall-assigurazzjoni tal-mard bejn ir-Renju Unit u l-Irlanda huma kkunsidrati bħala “ftehimiet ta’ reċiproċità”, u, għaldaqstant, jikkostitwixxu assigurazzjoni tal-mard komprensiva għall-finijiet tar-Regola 4(1) tar-Regolament dwar l-Immigrazzjoni tal-2016?

____________

1     Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46).