Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Vänersborgs tingsrätt, mark- och miljödomstolen (l-Isvezja) fit-18 ta’ Ġunju 2019 – Föreningen Skydda Skogen

(Kawża C-473/19)

Lingwa tal-kawża: l-Isvediż

Qorti tar-rinviju

Vänersborgs tingsrätt, mark- och miljödomstolen

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Föreningen Skydda Skogen

Konvenuti: Länsstyrelsen i Västra Götalands län, B.A.B.

Domandi preliminari

L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2009/147/KE 1 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi għandu jiġi interpretat bħala li jipprekludi prassi nazzjonali li timplika li l-projbizzjoni tkopri biss dawk l-ispeċji li huma elenkati fl-Anness 1 tad-Direttiva 2009/147, jew li huma f’xi livell ta’ riskju, jew li jsofru minn tnaqqis fil-popolazzjoni fuq bażi twila ta’ żmien?

It-termini “qtil/tfixkil/qerda intenzjonata” fl-Artikolu 5(a) sa (d) tad-Direttiva 2009/147 u fl-Artikolu 12(a) sa (c) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE 2 tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa għandhom jiġu interpretati bħala li jipprekludu prassi nazzjonali li fiha, jekk l-għan tal-miżuri jkun manifestament differenti mill-qtil jew mit-tfixkil tal-ispeċi (pereżempju, miżuri ta’ qtugħ tas-siġar għall-injam jew żvilupp tal-art), għandu jkun hemm riskju ta’ effetti negattivi fuq l-istatus ta’ konservazzjoni tal-ispeċi kkawżati mill-miżuri sabiex jiġu applikati il-projbizzjonijiet?

Jekk ir-risposta għal xi parti mit-tieni domanda hija li l-ħsara f’livell li ma huwiex il-livell individwali għandha tiġi evalwata sabiex tkun applikabbli l-projbizzjoni, l-evalwazzjoni għandha għaldaqstant titwettaq fuq xi waħda min dawn l-iskali jew f’xi wieħed minn dawn il-livelli:

a.    ċerta parti mill-popolazzjoni li hija ristretta ġeografikament kif iddefinita taħt (a), pereżempju fi ħdan il-konfini tar-reġjun, tal-Istat Membru jew tal-Unjoni Ewropea;

b.    il-popolazzjoni lokali kkonċernata (bijoloġikament iżolata minn popolazzjonijiet oħra tal-ispeċi);

c.    il-meta-popolazzjoni kkonċernata;

d.    il-popolazzjoni kollha tal-ispeċi fi ħdan it-taqsima reġjonali bijoġeografika rilevanti tal-firxa tal-ispeċi?

Il-frażi “deterjorazzjoni jew qerda” inkonnessjoni mas-siti tat-tgħammir tal-annimali fl-Artikolu 12(d) tad-Direttiva 92/43 għandha tiġi interpretata bħala li teskludi prassi nazzjonali li timplika li, minkejja l-miżuri kawtelatorji, il-funzjonalità ekoloġika kontinwa (FEK) tal-ħabitat tal-ispeċi kkonċernati intilfet, irrispettivament minn jekk dan seħħx bi ħsara, qerda jew deterjorazzjoni, direttament jew indirettament, individwalment jew kollettivament, b’tali mod li l-projbizzjoni tiġi applikata biss jekk teżisti probabbiltà ta’ deterjorazzjoni tal-istatus ta’ konservazzjoni tal-ispeċi kkonċernati, f’wieħed mil-livelli msemmija fid-domanda 3?

Jekk ir-risposta għar-raba’ domanda hija fin-negattiv, jiġifieri li l-livell ta’ ħsara li ma huwiex wieħed li jwassal sabiex il-ħabitat fiż-żona individwali tiġi evalwata sabiex tiġi applikata il-projbizzjoni, l-evalwazzjoni b’hekk għandha titwettaq fuq xi waħda min dawn l-iskali jew f’xi wieħed minn dawn il-livelli:

a.    ċerta parti mill-popolazzjoni li hija ristretta ġeografikament kif iddefinita taħt (a), pereżempju fi ħdan il-konfini tar-reġjun, tal-Istat Membru jew tal-Unjoni Ewropea;

b.    il-popolazzjoni lokali kkonċernata (bijoloġikament iżolata minn popolazzjonijiet oħra tal-ispeċi);

c.    il-meta-popolazzjoni kkonċernata;

d.    il-popolazzjoni kollha tal-ispeċi fi ħdan it-taqsima reġjonali bijoġeografika rilevanti tal-firxa tal-ispeċi?

Id-domandi 2 u 4 magħmula mill-mark- och miljödomstolen (il-Qorti għall-Kwistjonijiet Immobiljari u Ambjentali, l-Isvezja) jinkludu d-domanda dwar jekk il-protezzjoni stretta fid-direttivi tieqafx tkun applikabbli għal speċi li fir-rigward tagħhom ikun intlaħaq l-iskop tad-direttiva (status ta’ konservazzjoni favorevoli).

____________

1     ĠU 2010, L 20, p. 7.

2     ĠU 1992, L 206, p. 7.