Language of document :

Appell ippreżentat fit-12 ta’ Ġunju 2019 minn Stephan Fleig mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) fit-2 ta’ April 2019 fil-Kawża T-492/17 – Stephan Fleig vs Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna

(Kawża C-446/19 P)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellant: Stephan Fleig (rappreżentant: H. Tettenborn, Rechtsanwalt)

Parti oħra fil-proċedura: Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE)

Talbiet

L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla fl-intier tagħha s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla) tat-2 ta’ April 2019 fil-Kawża T-492/17;

tannulla d-deċiżjoni tad-9 ta’ Settembru 2016 li permezz tagħha d-Direttur tad-Direttorat “Riżorsi Umani” tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), fil-kwalità tiegħu ta’ awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ, ittermina l-kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat tal-appellant b’effett mid-19 ta’ Ġunju 2017 u tikkumpensah għad-dannu immaterjali li allegatament ġarrab insegwitu għal dan ix-xoljiment illegali;

sussidjarjament, tannulla s-sentenza u tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali;

tikkundanna lis-SEAE għall-ispejjeż sostnuti fiż-żewġ istanzi.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant iressaq sitt aggravji, ibbażati fuq dan li ġej:

L-ewwel nett, l-appellant jinvoka ksur tad-dritt tiegħu għal smiegħ xieraq skont l-Artikolu 47(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u ksur tal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet. Kuntrarju għat-talba tiegħu, il-Qorti Ġenerali ma eżiġietx li s-SEAE tipprovdi l-messaġġi elettroniċi rilevanti, u dan illimita b’mod kunsiderevoli l-kapaċità tiegħu li jiddefendi ruħu.

It-tieni nett, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta applikat il-prinċipju tad-dmir ta’ premura tal-amministrazzjoni. Il-Qorti Ġenerali naqset milli tirrikonoxxi l-fatt li, anki qabel ix-xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol tal-appellant, is-SEAE kkontribwixxiet permezz tal-aġir tagħha sabiex taggrava l-marda mentali tal-appellant u għaldaqstant sabiex tnaqqas il-kapaċità tiegħu li jġib ruħu konformement mad-dmirijiet tiegħu.

It-tielet nett, l-appellant jikkritika lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li hija ma kellhiex għalfejn teżamina jekk u sa liema punt l-istat tas-saħħa tal-appellant ma ħalliehx jikkonforma mal-obbligi tiegħu skont ir-Regolamenti tal-Persunal sabiex jikkomunikalhom il-post fejn kien jinsab. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-opinjonijiet mediċi ppreżentati mill-appellant, mingħajr ma kellha l-ebda għarfien espert tagħha u mingħajr ma kisbet opinjoni medika. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali wettqet ukoll żball ta’ liġi meta naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li s-SEAE kienet ħadet inkunsiderazzjoni l-effetti tal-marda mentali tal-appellant u dan b’detriment għalih.

Ir-raba’ nett, l-appellant jikkritika lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi meta akkużatu li kiser l-obbligu tiegħu taħt l-Artikolu 7 tal-Anness II tar-Regolamenti tal-Persunal u d-dmir fundamentali tiegħu ta’ lealtà u ta’ kooperazzjoni peress li “rrifjuta li jaħtar tabib tiegħu għall-Kumitat tal-Invalidità”. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali, b’mod żbaljat, ibbażat is-sentenza tagħha fuq ċirkustanza li s-SEAE nnifisha ma akkużatx lill-appellant biha fil-motivi tad-deċiżjoni tagħha.

Il-ħames nett, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta kkonkludiet, abbażi ta’ sensiela ta’ talbiet u ta’ lmenti extraġudizzjarji mill-appellant li ma rnexxewx, li l-Awtorità tal-Ħatra tas-SEAE kellha d-dritt tinvoka nuqqas ta’ kooperazzjoni u ta’ lealtà min-naħa tiegħu. Fil-fehma tal-Qorti Ġenerali, kwalunkwe talba magħmula minn membru tal-persunal u miċħuda mill-amministrazzjoni għandha fl-aħħar mill-aħħar titqies bħala abbuż ta’ dritt.

Is-sitt nett, l-appellant jikkritika lill-Qorti Ġenerali b’numru ta’ tgħawwiġ ta’ fatti li fuqhom hija bbażata s-sentenza tagħha, li jikkonċernaw b’mod partikolari l-obbligu tiegħu li jinforma lill-amministrazzjoni dwar il-post fejn kien jinsab.

____________