Language of document :

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fil-5 ta’ Marzu 2020 (1)

Kawża C66/18

IlKummissjoni Ewropea

vs

L-Ungerija

“Proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Artikolu 258 TFUE – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Ksur minn Stat Membru tal-obbligi li jirriżultaw mill-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS) – Moviment liberu tas-servizzi – Direttiva 2006/123/KE – Artikolu 16 – Artikolu 56 TFUE – Libertà ta’ stabbiliment – Artikolu 49 TFUE – Servizzi ta’ tagħlim – Edukazzjoni ogħla – Fornitur ta’ servizz minn Stat terz – Rekwiżiti legali għall-provvista ta’ servizzi ta’ tagħlim fi Stat Membru – Rekwiżit ta’ konvenzjoni internazzjonali mal-Istat ta’ oriġini – Ħtieġa ta’ attività effettiva ta’ tagħlim fl-Istat ta’ oriġini – Applikabbiltà tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali – Artikolu 13 – Libertà tax-xjenzi – Artikolu 14(3) – “Proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Artikolu 258 TFUE – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Ksur minn Stat Membru tal-obbligi li jirriżultaw mill-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS) – Moviment liberu tas-servizzi – Direttiva 2006/123/KE – Artikolu 16 – Artikolu 56 TFUE – Libertà ta’ stabbiliment – Artikolu 49 TFUE – Servizzi ta’ tagħlim – Edukazzjoni ogħla – Fornitur ta’ servizz minn Stat terz – Rekwiżiti legali għall-provvista ta’ servizzi ta’ tagħlim fi Stat Membru – Rekwiżit ta’ konvenzjoni internazzjonali mal-Istat ta’ oriġini – Ħtieġa ta’ attività effettiva ta’ tagħlim fl-Istat ta’ oriġini – Applikabbiltà tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali – Artikolu 13 – Libertà tax-xjenzi – Artikolu 14(3) – Libertà li jinħolqu stabbilimenti ta’ tagħlim”






I.      Introduzzjoni

1.        Din il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tirrigwarda żewġ emendi tad-dritt Ungeriż dwar l-edukazzjoni ogħla fl-2017. Skont din il-liġi, l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni ogħla barra miż-ŻEE għandhom jiġġustifikaw, għall-bidu jew għat-tkomplija tal-attività tagħhom fl-Ungerija, il-konklużjoni ta’ konvenzjoni internazzjonali bejn l-Ungerija u l-Istat ta’ oriġini tagħhom, fejn dan tal-aħħar għandu, b’mod obbligatorju, jiġi konkluż mill-gvern ċentrali fil-każ ta Stati federali. Barra minn hekk, l-attività tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni ogħla barranin kollha hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-edukazzjoni ogħla tiġi offruta wkoll fl-Istat ta’ oriġini.

2.        Kritiċi jsostnu, li permezz ta’ din il-liġi, il-Gvern Ungeriż ifittex li jilħaq l-uniku għan tiegħu, li jelimina l-attività tas-Central European University (iktar ’il quddiem iċ-“CEU”) fl-Ungerija. Għaldaqstant, fi ħdan id-dibattitu pubbliku, isir parzjalment riferiment għal-“lex CEU”.

3.        Fl-1991, iċ-CEU kienet ikkostitwita minn inizjattiva li kellha bħala għan, kif qalet hija stess, li tiffavorixxi d-diskussjoni kritika dwar il-formazzjoni ta’ persuni ġodda li jieħdu d-deċiżjonijiet fl-Istati tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, fejn qabel kien eskluż il-pluraliżmu. Iċ-CEU hija università kkostitwita skont id-dritt tal-Istat ta’ New York, li għandha liċenzja operattiva maħruġa minn dan l-Istat (l-hekk imsejjaħ “Absolute Charter”). L-isponsers prinċipali huma l-fondazzjonijiet “Open Society” tan-negozjant Amerikan ta’ oriġini Ungeriża, George Soros, li għal xi wħud, huwa suġġett ta’ kontroversja (2). Fid-dawl tal-għan speċifiku tagħha, iċ-CEU fl-ebda mument ma pproduċiet attività ta’ tagħlim jew ta’ riċerka fl-Istati Uniti.

4.        Fost is-sitt istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla barranin li kienu jinsabu fl-Ungerija fid-data tal-emenda tal-liġi dwar l-edukazzjoni ogħla, li l-attività tagħhom hija suġġetta għal awtorizzazzjoni, iċ-CEU kienet, minħabba l-mudell speċifiku tagħha, l-unika waħda, li ma setgħetx tissodisfa r-rekwiżiti l-ġodda. Hija għalhekk temmet l-operat fl-Ungerija; f’Novembru 2019 infetaħ campus ġdid fi Vjenna.

5.        F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tara fid-dispożizzjonijiet ġodda mhux biss limitazzjoni tal-moviment liberu tas-servizzi, iżda wkoll, b’mod partikolari, ksur tal-libertà xjentifika stabbilita mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

6.        Barra minn hekk, il-proċedura tieħu dimensjoni partikolari iktar wiesgħa, sa fejn wieħed miż-żewġ rekwiżiti l-ġodda japplika biss għall-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla barra miż-ŻEE. Fil-fatt, il-Kummissjoni tikkritika lill-Ungerija bi ksur tad-dritt tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (World Trade Organization, iktar ’il quddiem il-“WTO”), partikolarment tal-GATS. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ser tintalab tiddeċiedi wkoll, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, dwar sa fejn ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jista’ jservi ta’ strument sabiex jiġi implimentat u eżegwit id-dritt tal-kummerċ internazzjonali.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

1.      Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta’ ftehimiet fil-kuntest ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj

7.        Permezz tad-Deċiżjoni 94/800/KE tat-22 ta’ Diċembru 1994 dwar il-konklużjoin f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (3), il-Kunsill approva l-Ftehim li jistabbilixxi l-WTO kif ukoll il-ftehimiet li jinsabu fl-Annessi 1 sa 3 ta’ dan il-ftehim, fosthom il-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (General Agreement on Trade in Services, jew il-“GATS”).

8.        L-Artikolu I tal-GATS jipprovdi:

“(1)      Dan il-Ftehim japplika għal miżuri minn Membri li jagħmlu kummerċ fis-servizzi.

(2)      Għall-iskop ta’ dan il-Ftehim, kummerċ fis-servizzi huwa definit bħala l-provvista ta’ servizz:

(a)      aspetti kummerċjali u tekniċi tal-provvista ta’ servizzi;

(b)      fit-territorju ta’ Membru wieħed għall-konsumatur tas-servizz ta’ xi Membru ieħor;

(ċ)      minn fornitur ta’ servizz ta’ Membru wieħed, permezz ta’ preżenza kummerċjali fit-territorju ta’ Membru ieħor;

(d)      minn fornitur ta’ servizz ta’ Membru wieħed, permezz ta’ preżenza ta’ persuni naturali ta’ Membru fit-territorju ta’ xi Membru ieħor.

[…]”

9.        L-Artikolu XIV tal-GATS, li jagħmel parti mit-titolu “Eċċezzjonijiet Ġenerali”, jipprevedi dan li ġej:

“Mingħajr ħsara għall-ħtieġa li dawn il-miżuri ma jkunux applikati b’mod li jikkostitwixxu mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja u mhux ġustifikabbli bejn il-pajjiżi fejn jipprevalu kondizzjonijiet simili, jew restrizzjoni fuq il-kummerċ fis-servizzi moħbija, xejn f’dan il-Ftehim ma għandu jinftiehem li ma jħallix l-adozzjoni jew l-infurzar minn xi Membri ta’ miżuri:

(a)      neċessarji sabiex jipproteġu l-morali pubblika jew sabiex iżommu l-ordni pubblika (4);

[…];

(ċ)      neċessarji sabiex jiżguraw il-konformità mal-liġijiet jew regolamenti li mhumiex inkonsistenti mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim, inklużi dawk li għandhom x’jaqsmu ma’:

(i)      il-prevenzjoni ta’ prassi li jqarrqu u frodulenti jew it-trattament ta’ l-effetti ta’ ksur ta’ kuntratti ta’ servizz;

[…]

(iii) sigurtá;

[…]”.

10.      L-Artikolu XVI tal-GATS jaqa’ taħt il-Parti III tal-Ftehim dwar “Rabtiet Speċifiċi”. Taħt it-titolu “Aċċess għas-suq”, din id-dispożizzjoni tipprevedi:

“1.      Fejn jidħol aċċess għas-suq permezz tal-modi ta’ provvista identifikati fl-Artikolu I, kull Membru għandu jagħti lis-servizzi u lill-fornituri tas-servizzi ta’ Membru ieħor trattament mhux inqas favorevoli minn dak ipprovdut taħt it-termini, limitazzjonijiet u kondizzjonijiet miftehma u speċifikati fl-Iskeda tiegħu […]

2.      F’setturi fejn ir-rabtiet tal-aċċess għas-suq ikunu ttieħdu, il-miżuri li Membru ma jistax iżomm jew jadotta […] hume definiti bħala:

(a)      limitazzjonijiet fuq in-numru ta’ fornituri tas-servizzi sew jekk fil-forma ta’ kwoti numeriċi, monopolji, fornituri tas-servizzi esklussivi jew il-ħtieġa tat-test tal-bżonnijiet ekonomiċi;

(b)      limitazzjonijiet fuq il-valur totali tat-tranżazzjonijiet jew assi tas-servizz fil-forma ta’ kwoti numeriċi jew il-ħtieġa tat-test tal-bżonnijiet ekonomiċi;

(ċ)      limitazzjonijet fuq in-numru totali ta’ operazzjonijiet tas-servizz jew fuq il-kwantitá totali ta’ ħruġ espress f’termini ta’ units numeriċi fil-forma ta’ kwoti jew il-ħtieġa ta’ test tal-bżonnijiet ekonomiċi;

(d)      limitazzjonijiet fuq in-numru totali ta’ persuni naturali li jistgħu jkunu impjegati f’settur tas-servizzi partikolari jew li fornitur tas-servizzi jista’ jimpjega u li huma neċessarji għal, u direttament irrelatati mal-provvista ta’ servizz speċifiku fil-forma ta’ kwoti numeriċi jew il-ħtieġa ta’ test tal-bżonnijiet ekonomiċi;

(e)      miżuri li jirrestrinġu jew jirrikjedu tipi speċifiċi ta’ entitá legali jew intrapriża konġunta li permezz tagħha fornitur tas-servizzi jista’ jipprovdi servizz; u

(f)      limitazzjonijiet fuq il-parteċipazzjoni ta’ kapital barrani f’termini ta’ limitu ta’ perċentwal massimu fuq azzjonarjat barrani jew il-valur totali ta’ l-investiment barrani totali jew individwali.”

11.      L-Artikolu XVII tal-GATS, intitolat “Trattament Nazzjonali”, jipprovdi:

“1.      Fis-setturi imsemmija fl-Iskeda, bla ħsara għal xi kondizzjonijiet jew kwalifiċi imsemmija fiha, kull Membru għandu jħalli lil servizzi jew fornituri ta’ servizzi ta’ Membri oħrajn, fejn jidħlu miżuri li jaffettwaw il-provvista tas-servizzi, trattament mhux inqas favorevoli minn dak li jħalli għal servizzi u fornituri tas-servizzi simili tiegħu stess.

[…]

3.      Trattament formalment identiku jew formalment differenti għandu jkun ikkunsidrat inqas favorevoli jekk ibiddel il-kondizzjonijiet tal-kompetizzjoni favur is-servizzi jew il-fornituri tas-servizzi tal-Membru meta kkumparat ma’ servizzi jew fornituri tas-servizzi simili ta’ xi Membru ieħor.”

12.      L-Artikolu XX tal-GATS jipprovdi li:

“1.      Kull Membru għandu jistabbilixxi fi skeda r-rabtiet speċifiċi li għamel taħt Parti III ta’ dan il-Ftehim. Fejn jidħlu setturi li fihom dawn ir-rabtiet ġew magħmulin, kull Skeda għandha tispeċifika:

(a)      termini, limitazzjonijiet u kondizzjonijiet dwar l-aċċess għas-suq;

(b)      kondizzjonijiet u kwalifiċi fuq it-trattament nazzjonali;

2.      Miżuri inkonsistenti kemm ma’ l-Artikolu XVI u kemm ma’ l-Artikolu XVII għandhom ikunu mniżżla fil-kolonna rrelatata ma’ l-Artikolu XVI. F’dan il-każ l-iskrizzjoni tkun ikkunsidrata bħala waħda li tipprovdi kondizzjoni jew kwalifika għall-Artikolu XVII ukoll.

3.      Skedi tar-rabtiet speċifiċi għandhom ikunu annessi ma’ dan il-Ftehim u għandhom jiffurmaw parti integrali minnu.”

2.      Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2019/485 dwar il-konklużjoni tal-Ftehimiet rilevanti skont l-Artikolu XXI tal-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi

13.      Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/485 tal-5 ta’ Marzu 2019 dwar il-konklużjoni tal-Ftehimiet rilevanti skont l-Artikolu XXI tal-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi mal-Arġentina, l-Awstralja, il-Brażil, il-Kanada, iċ-Ċina, it-Territorju Doganali Separat tat-Tajwan, Penghu, Kinmen u Matsu (it-Taipei Ċiniża), il-Kolumbja, Kuba, l-Ekwador, Hong Kong iċ-Ċina, l-Indja, il-Ġappun, il-Korea, New Zealand, il-Filippini, l-Iżvizzera, u l-Istati Uniti, dwar l-aġġustamenti ta’ kumpens meħtieġa li jirriżultaw mill-adeżjoni taċ-Ċekja, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, l-Awstrija, il-Polonja, is-Slovenja, is-Slovakkja, il-Finlandja u l-Iżvezja mal-Unjoni Ewropea (5), il-Kunsill approva l-ftehimiet imsemmija fit-Titolu, li kellhom bħala kundizzjoni għad-dħul fis-seħħ l-hekk imsejħa KE25 Skeda kkonsolidata ta’ obbligi GATS (iktar ’il quddiem l-“iskeda”). L-iskeda kkonsolidata daħlet fis-seħħ fil-15 ta’ Marzu 2019. Hija tipprovdi l-obbligi tal-Ungerija f’din l-iskeda tal-impenji speċifiċi (6) mingħajr tibdil (7).

14.      L-iskeda tal-impenji speċifiċi tal-Ungerija tinkludi żewġ partijiet, fejn il-Parti I tinkludi riżervi dwar l-obbligi orizzontali, filwaqt li l-Parti II tkopri riżervi individwali bbażati fuq obbligi vertikali (speċifiċi għal ċerti setturi).

15.      Fil-Parti II tal-iskeda hemm elenkati s-setturi, li fihom l-obbligi speċifiċi msemmija fl-Artikolu XVI (aċċess għas-suq) jew l-Artikolu XVII GATS (trattament nazzjonali). Għas-servizzi ta’ edukazzjoni ogħla (Higher Education Services) (8) fir-rigward ta’ aċċess għas-suq tapplika t-tielet modalità rilevanti hawn (“preżenza kummerċjali”): “Establishment of schools is subject to licences from the central authorities”. Ma ġiet irreġistrata ebda riżerva (“None”) fil-kolonna relatata mat-trattament nazzjonali.

3.      IlKarta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

16.      L-Artikolu 13 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) (9) taħt it-titolu “Il-libertà ta’ l-arti u x-xjenzi”, jipprovdi:

“L-arti u r-riċerka xjentifika huma liberi. Il-libertà akkademika għandha tiġi rispettata.”

17.      L-Artikolu 14(3) tal-Karta huwa fformulat kif ġej:

“Il-libertà li jiġu mwaqqfa stabbilimenti ta’ tagħlim b’rispett għall-prinċipji demokratiċi kif ukoll id-dritt tal-ġenituri li jiżguraw l-edukazzjoni u t-tagħlim tat-tfal tagħhom, skond it-twemmin reliġjuż, filosofiku u pedagoġiku tagħhom għandhom jiġu rispettati, skond il-liġijiet nazzjonali li jirregolaw l-eżerċizzju ta’ din il-libertà u dan id-dritt.”

18.      L-Artikolu 16 tal-Karta jipprovdi:

“Il-libertà ta’ intrapriża skond il-liġi ta’ l-Unjoni u l-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali hija rikonoxxuta.”

4.      Id-Direttiva 2006/123

19.      Skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar is-servizzi”) (10), din id-direttiva tapplika “għal servizzi pprovduti mill-fornituri stabbiliti fi Stat Membru.”

20.      L-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva jiddefinixxi l-kunċett ta’ “servizz” bħala “attività ekonomika mhux imħallsa, normalment magħmula għal remunerazzjoni kif imsemmija fl-Artikolu [57 TFUE]”.

21.      L-Artikolu 16 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“(1)      L-Istati Membri għandhom jirrispettaw id-dritt tal-fornituri li jfornu servizzi fi Stat Membru ieħor għajr dak fejn huma stabbiliti.

L-Istat Membru fejn ġie provdut is-servizz għandu jiżgura aċċess liberu u eżerċizzju liberu ta’ attività ta’ servizz fi ħdan it-territorju tiegħu.

L-Istati Membri m’għandhomx jagħmlu l-aċċess għal jew l-eżerċizzju ta’ attività ta’ servizz fit-territorju tagħhom soġġett għal konformità ma’ xi rekwiżit li ma jirrispettax il-prinċipji li ġejjin:

a)      non-diskriminazzjoni: ir-rekwiżit m’għandux ikun diskriminatorju la direttament lanqas indirettament fir-rigward tan-nazzjonalità jew, f’każ ta’ persuni ġuridiċi, fir-rigward ta’ l-Istat Membru fejn huma stabbiliti,

b)      bżonn: il-bżonn għandu jkun ġusitifikat għal raġunijiet tal-politika pubblika, is-sigurtà pubblika, is-saħħa pubblika jew il-protezzjoni ta’ l-ambjent,

(ċ)      proporzjonalità: ir-rekwiżit għandu jkun adatt biex jikseb l-objettivi mfittxa, u m’għandux imur lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkiseb dan l-objettiv.

[…]

3.      L-Istat Membru fejn il-fornitur imur m’għandux ikun imxekkel milli jimponi rekwiżiti fir-rigward tal-provvista ta’ attività ta’ servizz, fejn ikunu ġustifikati minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika, sigurtà pubblika, saħħa pubblika jew il-protezzjoni ta’ l-ambjent u skond il-paragrafu 1. […]”

B.      Id-dritt nazzjonali

22.      Il-leġiżlazzjoni Ungeriża fil-qasam tal-edukazzjoni ogħla hija rregolata min-Nemzeti felsőoktatásról szóló 2011. évi CCIV. törvény (il-Liġi Nru CCIV tal-2011 dwar l-Edukazzjoni Ogħla Nazzjonali). Din il-liġi ġiet issostitwita fl-2017, min-Nemzeti felsőoktatásról szóló 2011. évi CCIV. törvény módosításáról szóló 2017. évi XXV. törvény (il-Liġi Nru XXV tal-2017 dwar l-Eemenda tal-Liġi Nru CCIV tal-2011 dwar is-Sistema ta’ Edukazzjoni Ogħla nazzjonali, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-Edukazzjoni Ogħla”).

23.      Skont l-Artikolu 76(1)(a) tal-Liġi dwar l-Edukazzjoni Ogħla, istituzzjoni tal-edukazzjoni ogħla barranija li toffri korsijiet li jwasslu għal diploma, tista’ twettaq attività ta’ tagħlim li twassal għal diploma fit-territorju Ungeriż biss jekk “l-applikazzjoni obbligatorja ta’ konvenzjoni internazzjonali konkluża bejn il-Gvern Ungeriż u l-Istat kompetenti minħabba s-sede tal-istituzzjoni tal-edukazzjoni ogħla barranija, fil-każ ta’ Stat Federali fejn il-gvern ċentrali ma jkunx kompetenti għar-rikonoxximent tas-saħħa vinkolanti ta’ konvenzjoni internazzjonali, skont ftehim preċedenti konkluż mal-gvern ċentrali, dwar is-sostenn fil-prinċipju tal-attività fl-Ungerija, tkun ġiet rikonoxxuta mill-partijiet”.

24.      Skont l-Artikolu 77(2) tal-Liġi dwar l-Edukazzjoni Ogħla, dan ir-rekwiżit japplika għall-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni ogħla barranin, li s-sede tagħhom tinsab barra miż-ŻEE.

25.      Skont l-Artikolu 76(1)(b) tal-Liġi dwar l-Edukazzjoni Ogħla, istituzzjoni ta’ edukazzjoni ogħla barranija li twassal għal diploma, tista’ teżerċita attività ta’ tagħlim li twassal għal diploma fit-territorju Ungeriż biss jekk “tiġi rikonoxxuta mill-Istat kompetenti abbażi tas-sede tagħha bħala istituzzjoni ta’ edukazzjoni ogħla li effettivament joffri edukazzjoni ogħla hemmhekk”.

26.      Skont l-Artikolu 77(3), dan l-istess rekwiżit japplika wkoll għall-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni ogħla barranin li s-sede tagħhom jinsab fi Stat taż-ŻEE.

27.      L-Artikolu 115(7) tal-liġi dwar l-Edukazzjoni Ogħla kien jipprovdi, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fid-data tal-opinjoni motivata tal-Kummissjoni, li r-rekwiżit previst fl-Artikolu 76(1)(a) ta’ din il-liġi kellu jiġi ssodisfatt sal-1 ta’ Jannar 2018. Fil-każ ta’ Stati Federali, il-ftehim mal-gvern ċentrali kellu jiġi konkluż fi żmien sitt xhur mill-pubblikazzjoni tal-Liġi Nru XXV tal-2017. Barra minn hekk, l-imsemmi Artikolu 115(7) jippreċiża li l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni ogħla barranin li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti legali fil-mument tal-iskadenza tat-terminu jitilfu l-awtorizzazzjoni tagħhom. F’dan il-każ, mill-1 ta’ Jannar 2018, huma ma jistgħux jawtorizzaw iktar studenti ġodda għal korsijiet fl-Ungerija, filwaqt li korsijiet li għadhom għaddejin f’din id-data jridu jintemmu sa mhux iktar tard mis-sena akkademika 2020/2021 taħt l-istess kundizzjonijiet.

28.      Fit-18 ta’ Ottubru 2017, l-Ungerija informat lill-Kummissjoni, li l-Liġi dwar l-Edukazzjoni Ogħla kienet ġiet emendata mill-ġdid bil-Liġi Nru CXXVII tal-2017. Għaldaqstant, it-terminu sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 76(1) tal-Liġi dwar l-Edukazzjoni Ogħla sal-1 ta’ Jannar 2019 u t-termini l-oħra previsti fl-Artikolu 115(7) u (8) ġew estiżi wkoll b’sena.

III. Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-proċedura prekontenzjuża

29.      Fit-28 ta’ Marzu 2017, il-Gvern Ungeriż introduċa abbozz ta’ liġi dwar l-emenda tal-Liġi Nru CCIV tal-2011 lill-Assemblea Nazzjonali Ungeriża. Dan l-abbozz ġie adottat bħala l-Liġi Nru XXV tal-2017, fil-kuntest ta’ proċedura leġiżlattiva mħaffa ftit jiem wara, jiġifieri fl-4 ta’ April 2017.

30.      Permezz ta’ ittra tas-27 ta’ April 2017, il-Kummissjoni infurmat lill-Ungerija li hija kienet tqis li, bl-adozzjoni tal-Liġi Nru XXV tal-2017, l-Ungerija kienet kisret l-Artikoli 9, 10, 13, 14(3) u 16 tad-Direttiva 2006/123 u, sussidjarjament, l-Artikoli 49 u 56 TFUE, l-Artikolu XVII tal-GATS, kif ukoll l-Artikoli 13, 14(3) u 16 tal-Karta, u stiednet lill-Ungerija tippreżenta l-kummenti tagħha. Permezz ta’ ittra tal-25 ta’ Mejju 2017, l-Ungerija kkontestat tali ksur.

31.      Fl-14 ta’ Lulju 2017, il-Kummissjoni ħarġet opinjoni motivata li fiha hija żammet mal-pożizzjoni tagħha. Wara li l-Kummissjoni ċaħdet it-talba għal estensjoni tat-terminu għat-tweġiba tal-Ungerija, l-Ungerija wieġbet permezz ta’ ittri tal-14 ta’ Awwissu 2017 u tal-11 ta’ Settembru 2017, li fihom iddikjarat li l-allegati nuqqasijiet ta’ twettiq ta’ obbligu ma kinux seħħew.

32.      Fil-5 ta’ Ottubru 2017, il-Kummissjoni ppreżentat opinjoni motivata supplimentari. Fis-6 ta’ Ottubru 2017 l-Ungerija ppreżentat informazzjoni supplimentari rigward l-ittri tal-14 ta’ Awwissu 2017 u tal-11 ta’ Settembru 2017.

33.      Fit-18 ta’ Ottubru 2017, l-Ungerija wieġbet għall-opinjoni motivata supplimentari u, permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Novembru 2017, ipprovdiet iktar informazzjoni supplimentari.

IV.    It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

34.      Permezz ta’ dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, li wasal fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-1 ta’ Frar 2018, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tikkonstata:

–        li l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt

–        l-Artikolu XVII tal-GATS, minħabba l-fatt li l-Artikolu 76(1)(a) tal-Liġi Nru CCIV tal-2011, kif emendata, għall-istabbilimenti ta’ edukazzjoni ogħla barranin barra miż-ZEE, jimponi l-konklużjoni ta’ konvenzjoni internazzjonali bejn l-Ungerija u l-Istat ta’ oriġini bħala rekwiżit għall-provvista ta’ servizzi ta’ tagħlim;

–        l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/123/KE u, f’kull każ, taħt l-Artikoli 49 u 56 TFUE, kif ukoll taħt l-Artikolu XVII tal-GATS, billi imponiet fuq l-istabbilimenti ta’ edukazzjoni ogħla barranin l-obbligu li jipprovdu edukazzjoni ogħla fl-Istati ta’ oriġini tagħhom, b’mod konformi mal-Artikolu 76(1)(b) tal-Liġi CCIV tal-2011 kif emendata;

–        l-Artikoli 13, 14(3), u 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’rabta mar-restrizzjonijiet deskritti iktar ’il fuq;

–        tikkundanna lill-Ungerija għall-ispejjeż.

35.      L-Ungerija titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha,

–        tiddikjara r-rikors tal-Kummissjoni bħala inammissibbli;

jew, sussidjarjament,

–        tiċħad ir-rikors tal-Kummissjoni bħala infondat;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

36.      Fl-24 ta’ Ġunju 2019 inżammet seduta li fiha nstemgħu s-sottomissjonijiet orali tal-Kummissjoni u tal-Ungerija.

V.      Analiżi ġuridika

37.      Fil-kuntest ta’ din il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, għandu jiġi vverifikat jekk iż-żewġ kundizzjonijiet, li tagħmel il-liġi Ungeriża dwar l-edukazzjoni ogħla, kif emendata, fuq l-eżerċizzju ta’ attività ta’ tagħlim mill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni ogħla barranin fit-territorju nazzjonali humiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Dawn huma, minn naħa, ir-rekwiżit tal-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali bejn l-Ungerija u l-Istat ta’ oriġini tal-istituzzjoni tal-edukazzjoni ogħla. Min-naħa l-oħra, istituzzjoni tal-edukazzjoni ogħla barranija għandha effettivament teżerċita attività ta’ tagħlim fl-Istat ta’ oriġini tagħha.

38.      Peress li l-ewwel waħda minn dawn il-leġiżlazzjonijiet iċċitati hija applikabbli biss għall-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni ogħla barranin stabbiliti fi Stati terzi barra miż-ŻEE, il-Kummissjoni tinvoka, f’dan ir-rigward, b’mod partikolari, ksur tal-prinċipju tat-trattament nazzjonali skont l-Artikolu XVII tal-GATS. F’dak li jirrigwarda dan l-ilment, għandha tiġi eżaminata, fl-ewwel lok, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 258 TFUE (Taqsima A). Sussegwentement, għandha tiġi eżaminata l-ammissibbiltà (Taqima B) u l-fondatezza (Taqsima C) tar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fir-rigward tal-kumplament. Minbarra l-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-GATS, il-Kummissjoni, fil-kundizzjonijiet deskritti, tipprevedi ksur tad-Direttiva dwar is-servizzi u tal-libertajiet fundamentali kif ukoll tal-Karta.

A.      Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja rigward l-ilment ibbażat fuq ksur tal-GATS

39.      Il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi dwar tilwima hija eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku li għandha tiġi eżaminata ex officio (11).

1.      Il-GATS bħala parti integrali mid-dritt tal-Unjoni

40.      Skont il-ġurisprudenza dwar l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 258 TFUE, il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tista’ jkollha bħala suġġett unikament in-nuqqas ta’ osservanza ta’ obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni (12). L-Ungerija ssostni li kwalunkwe obbligu li jirriżulta mill-Artikolu XVII tal-GATS, flimkien mal-impenn speċifiku fis-settur tat-tagħlim, ma jikkostitwixxix obbligu tad-dritt tal-Unjoni, iżda obbligu internazzjonali ta’ dan l-Istat Membru.

41.      In-nuqqas tal-Istati Membri li jwettqu ċerti obbligi internazzjonali kien diġà s-suġġett ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (13). Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-konvenzjonijiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni jagħmlu parti integrali mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni sa mid-dħul fis-seħħ tagħhom (14). Għaldaqstant, dawn huma imposti, skont l-Artikolu 216(2) TFUE, fuq l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u fuq l-Istati Membri.

42.      Fi kwalunkwe każ, skont il-ġurisprudenza dwar il-ftehimiet imħallta, din ir-rabta tapplika fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta’ dawn il-ftehimiet li jaqgħu taħt il-kompetenza esterna tal-Unjoni (15).

43.      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fir-rigward tal-Artikolu 133 KE, li l-kummerċ tas-servizzi jaqa’ taħt il-kompetenza esterna tal-Unjoni, flimkien ma’ dawk li jikkonċernaw materji partikolarment sensittivi, bħas-setturi tas-saħħa u tat-tagħlim (16). L-Artikolu 207 TFUE, li ssostitwixxa l-Artikolu 133 KE tat-Trattat ta’ Lisbona, wessa’ l-kompetenza esterna tal-Unjoni għall-kummerċ tas-servizzi u issa jaqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni fil-kuntest tal-politika kummerċjali komuni (iktar ’il quddiem il-“PKK”).

44.      Dan huwa bla ħsara għall-eżistenza ta’ kompetenza interna estiża tal-Istati Membri fis-settur tat-tagħlim, li għaliha tirreferi l-Ungerija. Dan huwa rrikonoxxut fl-ittra (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 207(4) TFUE (17). Skont din id-dispożizzjoni, il-Kunsill jista’ jikkonkludi konvenzjonijiet internazzjonali li jikkonċernaw il-kummerċ fis-servizzi ta’ tagħlim b’mod unanimu unikament meta dawn il-ftehimiet ifixklu serjament l-organizzazzjoni nazzjonali tal-imsemmija servizzi u meta jippreġudikaw ir-responsabbiltà tal-Istati Membri għat-twettiq tagħhom. Din l-unanimità hija meħtieġa sa fejn l-implementazzjoni tal-obbligi assunti hija neċessarjament ir-responsabbiltà tal-Istati Membri. Fil-fatt, skont l-Artikolu 6(e) TFUE, fis-settur tat-tagħlim, l-Unjoni għandha biss kompetenza ta’ koordinazzjoni.

45.      Barra minn hekk, l-Artikolu 207(6) TFUE jipprevedi li l-eżerċizzju tal-kompetenzi mogħtija mill-Artikolu 207(1) TFUE ma jimplikax armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri sa fejn tali armonizzazzjoni hija eskluża fit-Trattati. L-Artikolu 166(4) TFUE jinkludi projbizzjoni ta’ armonizzazzjoni fir-rigward tas-settur tat-tagħlim. Madankollu, dan il-fatt bl-ebda mod ma jikkontesta l-eżistenza ta’ kompetenza esterna tal-Unjoni bħala tali.

46.      Għaldaqstant, id-dħul fis-seħħ tal-hekk imsejħa KE25 Skeda kkonsolidata ta’ obbligi GATS ma’ Stati terzi ġiet awtorizzata mill-Unjoni mingħajr il-parteċipazzjoni tal-Istati Membri (18). F’dan ir-rigward, din il-lista tirriproduċi mingħajr tibdil, l-obbligi tal-Ungerija fil-qasam tal-edukazzjoni ogħla.

47.      Għalhekk, l-obbligu kontenzjuż li joriġina mill-GATS, li inizijalment kien meħud mill-Ungerija, ġie ttrasferit lejn l-Unjoni sa mhux iktar tard mit-Trattat ta’ Lisbona u jikkostitwixxi, għalhekk, obbligu taħt id-dritt tal-Unjoni li l-ksur tiegħu jista’ jkun is-suġġett ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (19).

2.      Responsabbiltà internazzjonali tal-Unjoni għall-ksur tal-GATS mill-Istati Membri

48.      Barra minn hekk, il-fatt li l-Unjoni tista’ tissejjaħ quddiem il-Korpi għar-Riżoluzzjoni tat-Tilwim tal-WTO (20) minn Stat terz minħabba ksur, jimmilita favur il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li tikkonstata ksur tal-GATS mill-Istati Membri

49.      Dan jirriżulta, fl-ewwel lok, mir-rabta sħiħa tal-Unjoni mal-GATS fir-rigward ta’ relazzjonijiet esterni. Huwa minnu li, skont l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800, il-kunsens tal-Unjoni jkopri biss il-parti tal-Ftehim tal-WTO u tal-annessi tiegħu li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħha. Madankollu, it-tqassim tal-kompetenzi tal-Kummissjoni ma ġiex żvelat, kuntrarjament għal dak li huwa l-każ għal ftehimiet imħallta (21) oħra, u għalhekk ma kellux l-effett li jillimita s-saħħa vinkolanti. L-Artikolu 46(1) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna jippreċiża, f’dan il-kuntest, li “Stat ma jistax jinvoka l-fatt li l-kunsens tiegħu li jintrabat bi trattat ikun ġie espress bi ksur ta’ dispożizzjoni tal-liġi interna tiegħu dwar il-kompetenza li jikkonkludi trattati, liema dispożizzjoni tkun invalidat il-kunsens tiegħu, sakemm dak il-ksur ma kienx manifest u kien jirrigwarda regola tal-liġi interna tiegħu ta’ importanza fundamentali” (22) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

50.      Skont it-Trattat ta’ Lisbona, l-Unjoni għandha, fi kwalunkwe każ, kompetenza estiża fil-qasam tal-PKK.

51.      It-tieni nett, fil-qasam ta’ applikazzjoni tal-GATS, l-atti tal-Istati Membri jistgħu jiġu imputati lill-Unjoni. Fil-fatt, l-Unjoni ma tistax tinfluwenza direttament l-azzjonijiet tal-Istati Membri fl-oqsma kollha koperti mill-GATS, għaliex l-osservanza tal-obbligi tal-Unjoni li jirriżultaw mill-Ftehim tal-WTO tiddependi fil-parti l-kbira fuq il-mod li bih l-Istati Membri jeżerċitaw il-kompetenzi regolatorji tagħhom stess. Madankollu, l-Unjoni hija esternament marbuta bis-sħiħ b’din il-konvenzjoni. Konsegwentement, hija għandha timputa l-aġir tal-membri tagħha.

52.      Bl-istess mod, l-Unjoni tassumi, fil-prattika, in-negozjati mal-membri l-oħra tal-WTO u d-difiża tal-miżuri fil-kuntest tal-proċeduri għas-soluzzjoni tat-tilwim, anki fil-kawżi li jirrigwardaw miżuri meħuda mill-Istati Membri (23).

53.      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fl-eżekuzzjoni interna ta’ konvenzjoni internazzjonali, l-Istati Membri jissodisfaw obbligu lejn l-Unjoni, li tkun assumiet ir-responsabbiltà għat-twettiq xieraq ta’ dan il-ftehim ta’ eżekuzzjoni fir-relazzjoni esterna (24).

54.      Dan l-obbligu jikkostitwixxi l-espressjoni tal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali li jirriżulta mill-Artikolu 4(3) TUE, li huwa limitu tad-dritt primarju għall-eżerċizzju tal-kompetenzi. Għalhekk, huwa biss sa fejn il-leġiżlazzjonijiet korrispondenti ma jiksru ebda obbligi li jirriżultaw mill-Ftehimiet tal-WTO li l-Ungerija tibqa’ libera li teżerċita l-kompetenzi interni tagħha fuq il-leġiżlazzjoni dwar l-edukazzjoni ogħla. Fil-fatt, dan iwassal mhux biss għall-istabbiliment tar-responsabbiltà internazzjonali tal-Unjoni, iżda wkoll għar-riskju ta’ kontromiżuri għall-Istati Membri l-oħra. B’mod partikolari, dan ir-riskju jidher fid-dawl tal-iżviluppi l-iktar reċenti fil-kwistjoni dwar sussidji mogħtija minn Franza, minn Spanja, mill-Ġermanja u mill-Gran Brittanja lil Airbus: it-tariffi doganali Amerikani, li ġew approvati mill-WTO bħala kontromiżura, jikkonċernaw b’mod partikolari ġobon parmiġġan mill-Italja.

55.      L-osservanza ta’ dan l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali tista’ tiġi imposta wkoll fil-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

3.      Relazzjoni bejn il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u l-proċediment għas-soluzzjoni tat-tilwim tal-WTO

56.      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi invalidata mill-oġġezzjonijiet l-oħra tal-Ungerija.

57.      L-Ungerija tenfasizza, f’dan ir-rigward, b’mod partikolari, in-natura speċifika tal-proċediment għas-soluzzjoni tat-tilwim fi ħdan il-WTO u r-rwol partikolari tal-korpi għas-soluzzjoni tat-tilwim tal-WTO.

58.      Madankollu, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li rikors dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tal-Qorti tal-Ġustizzja bl-ebda mod ma jikkontesta l-kompetenza esklużiva tal-korpi għas-soluzzjoni tat-tilwim tal-WTO sabiex jikkonstataw il-ksur ta’ dan il-ftehim fil-kuntest ta’ proċedura bejn żewġ membri (25). Fil-fatt, proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu hija strument regolatorju purament intern. Għaldaqstant, din is-sentenza hija vinkolanti biss fir-rigward tar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u Stat Membru, u ma tipprekludix lill-korpi tal-WTO milli jikkonstataw, fuq talba ta’ Stat terz, ksur tal-Ftehim tal-WTO, anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja preċedentement irrifjutat tali ksur.

59.      Fil-prattika, deċiżjonijiet kontradittorji jistgħu jiġu evitati billi tiġi sospiża l-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u billi wieħed jistenna d-deċiżjoni tal-korpi tal-WTO, sa fejn tkun pendenti proċedura parallela quddiem il-WTO. Barra minn hekk, jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni li l-intensità tal-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja tiġi ristretta għal ksur manifest, sabiex il-ġurisdizzjoni tal-korpi għas-soluzzjoni tat-tilwim tal-WTO titħalla għall-kwistjonijiet partikolarment kontroversjali (26).

60.      Fit-tieni lok, huwa ċertament veru, li billi tinvoka l-importanza partikolari tan-negozjati fil-kuntest tal-WTO, il-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad, b’mod kostanti fil-ġurisprudenza tagħha, l-applikabbiltà diretta tad-dritt tal-WTO (27). Madankollu, dan ifisser biss, li fil-kuntest ta’ rikors għal annullament jew fil-preżenza ta’ sitwazzjoni ta’ validità, l-Istati Membri ma jistgħux jinvokaw l-inkompatibbiltà ta’ att tad-dritt tal-Unjoni mal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi Doganali u l-Kummerċ (iktar ’il quddiem il-“GATT”) (28).

61.      Il-punt ta’ tluq tar-riflessjonijiet huwa l-ispeċifiċità tal-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim fi ħdan il-WTO. Fil-kuntest ta’ tali proċedura huwa konċepibbli li l-Unjoni taċċetta, f’negozjati ma’ Stati terzi, li tirtira miżura partikolari jew att legali meta l-Istat terz, inkambju, jieħu impenji oħra. Madankollu, jekk rikors għal annullament parallel ippreżentat minn Stat Membru jew rinviju għal deċiżjoni preliminari fl-evalwazzjoni ta’ validità ta’ Stat Membru jista’ jkun ibbażat direttament fuq ksur tad-drittt tal-WTO, tiddgħajjef il-pożizzjoni tan-negozjati tal-Unjoni. Fil-fatt, fi tmiem tali proċedura, hemm possibbiltà li l-att tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni jkun jista’ jiġi annullat (29). B’dan il-mod, l-azzjoni tal-Unjoni titnaqqas b’mod unilaterali minn Stat Membru, jew minn parti fil-proċeduri għal deċiżjoni preliminari.

62.      Iżda minn dan isegwi biss, li d-dritt tal-WTO ma jistax, bħala prinċipju, ikun kriterju ta’ evalwazzjoni għall-atti ġuridiċi tal-Unjoni fil-proċeduri quddiem il-qrati tal-Unjoni. Għandha ssir distinzjoni bejn il-kwistjoni dwar jekk il-qrati tal-Unjoni humiex f’pożizzjoni li jeżaminaw miżuri nazzjonali fid-dawl tad-dritt tal-WTO.

63.      Għal dan, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà wieġbet fl-affermattiv fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja li kienet tikkonċerna kwoti tal-ħalib, billi eżaminat miżura nazzjonali abbażi ta’ ftehim konkluż fil-kuntest tal-GATT (30). B’dan il-mod, hija ma segwietx il-proposta tal-Avukat Ġenerali Tesauro, li kien għażel li ma jagħmilx distinzjoni bejn il-miżuri nazzjonali u l-miżuri tal-Unjoni għall-finijiet tal-kriterju ta’ stħarriġ (31).

64.      Fil-fehma tiegħi, f’din id-deċiżjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset ġustament li l-kunsiderazzjonijiet, li skonthom l-istħarriġ tal-atti ġuridiċi tal-Unjoni abbażi tal-ftehim tal-WTO huwa eskluż, ma kinux trasponibbli fir-rigward ta’ ksur tad-dritt tal-WTO mwettaq mill-Istati Membri. Fil-fatt, il-possibbiltà li tinbeda proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra Stat Membru ma tmurx kontra l-għanijiet u n-natura speċifika tas-soluzzjoni tat-tilwim fil-WTO.

65.      L-ewwel nett, il-possibbiltà li proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tkun ibbażata fuq ksur tad-dritt tal-WTO tista’ tiggarantixxi l-implimentazzjoni effettiva ta’ kundanna eventwali mill-organi għas-soluzzjoni tat-tilwim tal-WTO. Jekk, f’tali ċirkustanzi, l-Unjoni ma tkunx tista’ tibda proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra l-Istati Membri, l-implimentazzjoni interna tad-dritt tal-kummerċ dinji tkun saħansitra kompromessa serjament. Din hija partikolarment importanti fil-kuntest ta’ sanzjonijiet eventwali li jistgħu jittieħdu kontra Stati Membri mhux involuti u fir-rigward tal-Unjoni.

66.      Sussegwentement, il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tista’ tikseb importanza partikolari fin-negozjati mal-Istati terzi fil-kuntest tal-proċedura għas-soluzzjoni tat-tilwim. Fil-fatt, l-Unjoni tassumi wkoll, abbażi tal-kompetenza globali tagħha fil-qasam tal-PKK, in-negozjati mal-Istati terzi għall-miżuri meħuda mill-Istati Membri (32). Għalkemm hija tiddefendi, abbażi ta’ raġunament legali, politiku jew ieħor, miżura ta’ Stat Membru, hija ċertament ma hijiex, fuq inizjattiva tagħha stess, intiża sabiex tibda proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra l-Istat Membru kkonċernat (33). Fil-kuntest ta Stati terzi, il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tagħtiha preċiżament strument li jsaħħaħ il-pożizzjoni tagħha ta’ negozjati. Fil-fatt, lin-negozjaturi tagħha tagħtihom prova, li fejn ikun meħtieġ, hija tista’ effettivament tiżgura l-waqfien tal-ksur tal-Ftehim WTO b’mod intern. Konsegwentement, il-kredibbiltà tagħha tissaħħaħ u tiġi osservata n-neċessità ta’ azzjoni konkluża u rapida.

67.      Fl-aħħar nett, jista’ jkun hemm każijiet bħal dawk f’dan il-każ, fejn l-Unjoni stess tkun konvinta bl-illegalità ta’ miżura ta’ Stat Membru. Billi tibda, f’każijiet bħal dawn, proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra l-Istat Membru kkonċernat, hija tagħti l-espressjoni tad-deċiżjoni tagħha li tirrispondi għall-osservanza tal-Ftehim tal-WTO. Skont ġurisprudenza stabbilita, huwa biss f’sitwazzjoni fejn l-Unjoni “kellha l-intenzjoni li timplementa obbligu partikolari li tkun assumiet fil-kuntest tal-WTO, jew f’każ bħal dak ineżami, fejn l-att tal-Unjoni jirreferi espliċitament għal dispożizzjonijiet preċiżi tal-ftehim tal-WTO” li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tistħarreġ il-legalità tal-att ġuridiku tal-Unjoni inkwistjoni fid-dawl tar-regoli tal-WTO (34). Dan għandu japplika a fortiori għal miżuri tal-Istati Membri.

68.      Konsegwentement, la n-natura speċifika tal-proċedura għas-soluzzjoni tat-tilwim fi ħdan il-WTO u lanqas ir-rwol partikolari tal-korpi għas-soluzzjoni tat-tilwim tal-WTO ma jipprekludu din il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

4.      Konklużjoni

69.      Bħala konklużjoni, l-ewwel motiv jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

B.      Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu

70.      Sussegwentement, għandhom jiġu eżaminati l-oġġezzjonijiet tar-rikorrenti dwar l-ammissibbiltà tar-rikors.

71.      F’dan ir-rigward, l-Ungerija ssostni, minn naħa, li l-Kummissjoni tat termini qosra wisq fil-kuntest tal-proċedura prekontenzjuża u, għalhekk, kisret id-drittijiet tad-difiża tagħha. Min-naħa l-oħra, l-Ungerija tikkritika lill-Kummissjoni li kisret l-obbligu tagħha ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità u li użat il-proċedura għal raġunijiet ta’ natura purament politika, kif ukoll, li b’mod unilaterali ħadet inkunsiderazzjoni interessi partikolari.

1.      Fuq id-determinazzjoni tat-termini fil-proċedura prekontenzjuża

72.      Il-proċedura prekontenzjuża għandha l-għan li tagħti lill-Istat Membru kkonċernat l-opportunità li jikkonforma mal-obbligi tiegħu, li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, jew li jinvoka b’mod effettiv il-motivi ta’ difiża tiegħu fir-rigward tal-ilmenti mressqa mill-Kummissjoni (35). Il-Kummissjoni għandha għalhekk tagħti lill-Istati Membri terminu raġonevoli sabiex iwieġbu għall-ittra ta’ intimazzjoni u sabiex jikkonformaw ruħhom ma’ opinjoni motivata jew, jekk ikun il-każ, sabiex jippreparaw id-difiża tagħhom. Jekk it-terminu kien tant qasir li jaffettwa d-dritt tal-Istat Membru għal difiża effettiva mingħajr ġustifikazzjoni suffiċjenti, dan ikollu l-effett li l-proċedura prekontenzjuża ma tkunx twettqet korrettament, u li r-rikors tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli (36).

73.      Bħala inizjatur tal-proċeduri, il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa fid-determinazzjoni tat-termini (37). Sabiex jiġi determinat jekk it-terminu stabbilit huwiex adegwat, għandhom jitqiesu ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ individwali. Skont il-ġurisprudenza, termini qosra ħafna jistgħu jiġu ġġustifikati f’sitwazzjonijiet partikolari, l-iktar meta jkun urġenti li jiġi rrimedjat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jew meta l-Istat Membru kkonċernat ikun konxju bis-sħiħ dwar il-perspettiva tal-Kummissjoni ferm qabel il-bidu tal-proċedura prekontenzjuża (38).

74.      F’dan il-każ, il-Kummissjoni ffissat terminu ta’ xahar kemm fl-ittra ta’ intimazzjoni kif ukoll fl-opinjoni motivata. Madankollu, matul il-proċedura prekontenzjuża, il-Kummissjoni regolarment tistabbilixxi termini ta’ xahrejn. Minkejja dan, it-terminu ta’ xahar ma huwiex terminu “qasir ħafna” fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 73 (39). Għandu jiġi enfasizzat ukoll, li bejn l-ittra ta’ intimazzjoni tas-27 ta’ April 2017 u l-iskadenza tat-tieni xahar, f’nofs Awwissu tal-istess sena, kien hemm tliet xhur, li fihom il-gvern Ungeriż kien jaf il-pożizzjoni tal-Kummissjoni u li fihom il-Gvern Ungeriż kellu perijodu xieraq li fih seta’ jevalwa l-possibbiltajiet tiegħu ta’ difiża u jipprepara t-tweġiba tiegħu.

75.      F’dan il-każ, il-Kummissjoni tinvoka, barra minn hekk, l-urġenza tal-kawża. Madankollu, f’dan il-każ, hija ma esponietx b’mod espliċitu r-raġunijiet għal din l-evalwazzjoni lill-Gvern Ungeriż. Madankollu, dawn faċilment jirriżultaw miċ-ċirkustanzi, b’mod partikolari mill-fatt, li skont il-verżjoni inizjali tal-Artikolu 115(7) tal-Liġi dwar l-Edukazzjoni Ogħla, sa mill-1 ta’ Jannar 2018, dawk l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 76(1) ta’ din il-liġi, kellha tiġi rtirata l-awtorizzazzjoni tagħhom u kellha tiġi pprojbita l-ammissjoni ta’ studenti ġodda.

76.      Kien biss fit-18 ta’ Ottubru 2017 li l-Ungerija ħabbret l-estensjoni ta’ dan it-terminu b’sena, jiġifieri wara l-iffissar tat-termini rilevanti għall-proċedura prekontenzjuża. Għalhekk, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Ungeriż, il-fatt li l-Kummissjoni ppreżentat ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu biss fi Frar 2018 ma jippermettix li fl-iffissar tat-termini tiġi skartata l-kunsiderazzjoni dwar l-urġenza.

77.      Fl-aħħar nett, skont il-ġurisprudenza, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, jekk il-possibbiltà li l-Istat Membru jiddefendi ruħu kontra l-ilmenti tal-Kummissjoni ġietx ristretta (40). Fil-fatt, anki terminu “qasir wisq” ma jwassalx għall-inammissibbiltà tar-rikors, meta l-Kummissjoni tkun ukoll ħadet inkunsiderazzjoni difiża ppreżentata tardivament, u meta l-Istat Membru kien għalhekk f’pożizzjoni li jiddefendi ruħu suffiċjentement kontra l-ilmenti tal-Kummissjoni (41).

78.      F’dan il-każ, minbarra l-ittri tiegħu tal-14 ta’ Awwissu 2017 u tat-18 ta’ Ottubru 2017, il-Gvern Ungeriż ippreżenta tliet ittri oħra, li permezz tagħhom huwa wieġeb għall-opinjoni motivata inizjali u għall-opinjoni motivata addizzjonali. Dawn l-ittri kollha ġew eżaminati fid-dettall mill-Kummissjoni u ġew integrati fid-deċiżjoni tagħha li tippreżenta rikors.

79.      Huwa wkoll irrilevanti, għal din l-aħħar raġuni, li l-Kummissjoni stabbilixxiet ukoll, rispettivament, terminu ta’ xahar f’żewġ proċeduri oħra għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppreżentati b’mod parallel kontra l-Ungerija. Madankollu, ma jistax jiġi eskluż, li Stat Membru, li jkollu akkumulazzjoni ta’ proċeduri differenti bi termini qosra, tant ikollu piż, li ma jkunx jista’ jeżerċita d-drittijiet tad-difiża tiegħu b’mod effettiv. Fl-iffissar tat-terminu, il-Kummissjoni għandha wkoll tieħu din il-possibbiltà inkunsiderazzjoni. Madankollu, sakemm ir-raġunijiet meħtieġa għat-termini qosra rilevanti jkunu jeżistu, u d-drittijiet tad-difiża tal-Istat Membru ma jkunux, bħala riżultat, ġew imnaqqsa, ħaġa li f’dan il-każ ma invokatx l-Ungerija, din iċ-ċirkustanza ma tistax, waħedha, twassal għall-inammissibbiltà tad-determinazzjoni individwali tat-terminu.

2.      Fuq l-ilment tal-motivazzjoni politika

80.      L-Ungerija hija tal-fehma wkoll, li l-Kummissjoni bdiet il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għal raġunijiet purament politiċi u bi ksur tal-obbligu tagħha ta’ imparzjalità. Fil-fatt, il-proċedura sservi biss għall-interessi taċ-CEU f’Budapest.

81.      Fir-rigward ta’ dan l-ilment, huwa dubjuż, l-ewwel nett, jekk mill-uniku riferiment għaċ-CEU fl-ittra ta’ intimazzjoni jistax jiġi dedott, li l-proċedura tirrigwarda biss l-interessi ta’ din l-università. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma tista’ fl-ebda każ tiġi prekluża milli tidentifika u tindika, bħala eżempju, l-istituzzjonijiet individwali kkonċernati.

82.      Fi kwalunkwe każ, il-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-bidu ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, waħedhom, ma jistgħux jikkontestaw l-iżvolġiment regolari tal-proċedura prekontenzjuża, u għaldaqstant, lanqas ma għandhom effett fuq l-ammissibbiltà tar-rikors skont l-Artikolu 258 TFUE (42). Għalkemm il-Kummissjoni għandha tiġġustifika r-raġunijiet li fuqhom ibbażat il-ksur tad-dritt tal-Unjoni, hija ma hijiex obbligata li tesponi r-raġunijiet li wassluha sabiex tippreżenta rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (43).

83.      Għal dawn ir-raġunijiet, l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà invokati mill-Gvern Ungeriż għandhom jiġu miċħuda kollha kemm huma.

C.      Fuq il-fondatezza tar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu

84.      L-ewwel nett, ser neżamina l-ilmenti tal-Kummissjoni dwar ir-rekwiżit ta’ konklużjoni ta’ konvenzjoni internazzjonali bejn l-Ungerija u l-Istat ta’ oriġini ta’ istituzzjoni ta’ edukazzjoni ogħla barranija (punt 1), imbagħad dawk dwar ir-rekwiżit ta’ attività effettiva ta’ tagħlim fl-Istat ta’ oriġini (punt 2).

1.      Rekwiżit ta’ konklużjoni ta’ konvenzjoni internazzjonali, Artikolu 76(1)(a) tal-Liġi dwar l-Edukazzjoni Ogħla

85.      Fir-rigward tal-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ konvenzjoni internazzjonali bejn l-Ungerija u l-Istat ta’ oriġini ta’ istituzzjoni ta’ edukazzjoni ogħla barranija għall-provvista ta’ servizzi ta’ tagħlim minn istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla stabbiliti barra miż-ŻEE fl-Artikolu 76(1)(a) tal-Liġi dwar l-Edukazzjoni Ogħla, il-Kummissjoni tinvoka ksur tal-Artikolu XVII tal-GATS marbut mal-konċessjonijiet speċifiċi għas-settur ta’ edukazzjoni ogħla u kontra l-Artikoli 13, 14(3) u 16 tal-Karta.

a)      Fuq il-ksur tal-Artikolu VII tal-GATS flimkien mal-Artikolu 216(2) TFUE

86.      Ksur tal-Artikolu XVII:I tal-GATS, flimkien mal-konċessjonijiet speċifiċi tal-Ungerija fis-settur tal-edukazzjoni ogħla, jikkostitwixxi, fl-istess ħin, ksur tal-obbligu ta’ dan l-Istat Membru skont l-Artikolu 216(2) TFUE (44).

1)      Il-portata tal-istħarriġ

87.      F’dak li jirrigwarda l-istħarriġ tal-ksur tad-dritt internazzjonali konswetudinarju, fil-passat, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-kontroll tagħha fuq il-konstatazzjoni ta’ ksur manifest kien limitat (45). Madankollu, hija rrifjutat, fil-prinċipju, li tagħmel dan fid-dawl tal-istħarriġ tal-ftehimiet internazzjonali tal-Unjoni (46).

88.      F’dan il-każ, restrizzjoni tal-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja għal ksur manifest tal-GATS tista’ madankollu tiġi kkunsidrata fid-dawl ta’ żewġ argumenti żviluppati mill-Ungerija kontra l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

89.      L-ewwel nett, it-traspożizzjoni konkreta tal-obbligi li jirriżultaw mill-GATS issir, f’dan il-każ, abbażi tal-kompetenza interna tal-Istati Membri fil-qasam tal-edukazzjoni. F’oqsma sensittivi wkoll, l-Istati Membri għandhom jibqgħu f’pożizzjoni li jżommu ċerta libertà fl-organizzazzjoni, li tista’ titwettaq billi titnaqqas il-portata tal-istħarriġ.

90.      It-tieni nett, in-natura partikolari tal-proċedura għas-soluzzjoni tat-tilwim fi ħdan il-WTO, kif ukoll il-kompetenza finali tal-korpi għas-soluzzjoni tat-tilwim tal-WTO, li jikkonstataw b’mod vinkolanti ksur tal-Ftehim tal-WTO, jimmilitaw favur li dan il-korp speċjalizzat jikkjarifika kwistjonijiet partikolarment kontroversjali u iktar diffiċli, u li l-istħarriġ tal-GATS għal “bżonnijiet interni” jiġi limitat għal ksur manifest (47).

91.      Madankollu, f’dan il-każ, inqis li kien hemm ksur manifest tal-GATS. Dan se nispjegah iktar ’il quddiem.

2)      L-attività ta’ edukazzjoni ogħla bħala provvista ta’ servizzi fis-sens tal-GATS

92.      L-Ungerija ssostni, li ċ-CEU, li fir-realtà fl-interess esklużiv tagħha qed tiġi applikata l-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, hija korp mingħajr skop ta’ lukru u għalhekk, l-attività tagħha ma taqax taħt il-GATS. F’dan ir-rigward irid jiġi ammess li l-Artikolu I:3(b) tal-GATS jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu dawk is-servizzi li ma humiex ipprovduti għal finijiet kummerċjali jew f’kompetizzjoni ma’ servizzi oħra.

93.      Madankollu, il-Kummissjoni ma tikkontestax l-amministrazzjoni konkreta taċ-ĊEU fiha nnifisha, iżda biss l-Artikolu 76(1)(a) tal-Liġi dwar l-Edukazzjoni Ogħla (48).

94.      F’dan ir-rigward, il-Gvern Ungeriż innifsu jenfasizza, fil-każ inkwistjoni, li l-Artikolu 76(1)(a) tal-Liġi dwar l-Edukazzjoni Ogħla huwa applikabbli għall-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla kollha, mingħajr ma jikkontesta li l-istituzzjonijiet li jipprovdu servizzi bi ħlas, u għalhekk mingħajr ebda dubju jipprovdu attività ekonomika, jaqgħu wkoll fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu.

3)      Kontenut tal-konċessjonijiet speċifiċi tal-Ungerija fis-settur tat-tagħlim

95.      Peress li l-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 76(1)(a) tal-Liġi dwar l-Edukazzjoni Ogħla tapplika biss għal fornituri ta’ servizzi barranin, hija tista’ tikser il-prinċipju ta’ trattament nazzjonali.

96.      Skont l-Artikolu XVII:1 tal-GATS, kull membru tal-WTO huwa suġġett għall-obbligu li jagħti lill-fornituri ta’ servizzi ta’ Stat Membru ieħor trattament mhux inqas favorevoli minn dak mogħti lill-fornituri ta’ servizzi paragunabbli ma’ tagħha stess, skont ir-riżervi u l-kundizzjonijiet elenkati fis-settur ikkonċernat fil-lista tal-konċessjonijiet (Schedule of Commitments).

97.      Fi kliem ieħor, l-obbligu li jiġi applikat it-trattament nazzjonali previst mill-GATS jikkostitwixxi konċessjoni speċifika li membru għandu jkun kiseb b’mod konkret u f’ċertu ambitu, b’differenza minn dak tal-GATT, fejn dan jirriżulta direttament mill-Artikolu III tiegħu. Skont l-Artikolu XX:3 tal-GATS, il-listi tal-konċessjonijiet ta’ kull membru jifformaw Annessi miegħu u parti integrali tal-ftehim.

98.      F’dak li jikkonċerna l-konċessjonijiet speċifiċi pprovduti għall-Ungerija (49) għas-servizzi ta’ edukazzjoni ogħla, it-tielet modalità (“preżenza kummerċjali”), li tidher fil-kolonna relatata mal-aċċess għas-suq, tinkludi r-rekwiżit “Establishment of schools is subject to licence from the central authorities”, filwaqt, li fir-rigward tat-trattament nazzjonali, ma ġiet stabbilita ebda restrizzjoni (“None”).

99.      F’dan il-każ, il-partijiet ma jaqblux fuq il-punt dwar jekk, u jekk ikun il-każ, sa fejn, l-obbligu prima facie assolut tal-Ungerija f’dak li jirrigwarda t-trattament nazzjonali huwa limitat mir-riżerva ta’ awtorizzazzjoni stipulata fl-aċċess għas-suq.

100. F’dan ir-rigward, mill-Artikolu XX:2 tal-GATS jirriżulta, li l-iskrizzjoni “None” fil-kolonna relatata mat-trattament nazzjonali ma timplikax neċessarjament obbligu ta’ trattament nazzjonali komprensiv. Fil-fatt, skont din id-dispożizzjoni, “[m]iżuri inkonsistenti kemm ma’ l-Artikolu XVI [dwar l-aċċess għas-suq] u kemm ma’ l-Artikolu XVII [dwar it-trattament nazzjonali] għandhom ikunu mniżżla fil-kolonna rrelatata ma’ l-Artikolu XVI. F’dan il-każ l-iskrizzjoni tkun ikkunsidrata bħala waħda li tipprovdi kondizzjoni jew kwalifika għall-Artikolu XVII ukoll.”

101. Mill-ġurisprudenza stabbilita tal-korpi ta’ soluzzjoni ta’ tilwim tal-WTO jirriżulta li l-Artikolu XX:2 GATS hija regola ta’ semplifikazzjoni (50). Għalhekk, fir-rigward tal-miżuri li huma inkompatibbli kemm mal-obbligu li jingħata aċċess għas-suq kif ukoll mal-obbligu ta’ trattament nazzjonali, huwa biżżejjed li tiġi applikata r-riżerva biss għall-aċċess għas-suq. Dan ikopri wkoll id-differenza fit-trattament bejn il-fornituri tas-servizzi lokali u dawk barranin li tirriżulta mill-miżura (51).

102. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu XVI tal-GATS ma jipprojbixxix il-miżuri kollha possibbli, li jaffettwaw l-aċċess għas-suq. Fil-fatt, huma biss sitt kategoriji preċiżi ta’ restrizzjonijiet li huma inkompatibbli mal-Artikolu XVI tal-GATS. Dawn huma msemmijin fl-Artikolu XVI:2 tal-GATS, u huma prinċipalment ta’ natura kwantitattiva (52). Huwa biss sa fejn waħda minn dawn il-kategoriji hija kkonċernata li l-kundizzjoni mniżżla fil-kolonna “Aċċess għas-suq” hija wkoll suġġetta għall-obbligu ta’ trattament nazzjonali.

103. F’dan il-każ, fir-rigward ta’ miżuri li ma humiex inkompatibbli mal-Artikolu XVI:2 tal-GATS, jirriżulta li minħabba l-iskrizzjoni “None” fil-kolonna relatata mat-trattament nazzjonali, il-membru kkonċernat huwa kompletament marbut mat-trattament nazzjonali (53).

104. Jista’ jkun hemm riżervi għall-approvazzjoni ta’ natura kwantitattiva, li, għaldaqstant, jaqgħu f’waħda mill-kategoriji tal-Artikolu XVI:2 tal-GATS. L-għoti tal-awtorizzazzjoni jista’, pereżempju, ikun suġġett għal test tal-ħtiġijiet ekonomiċi. L-Ungerija tista’ żżomm u tintroduċi tali miżuri fuq il-bażi tar-riżerva inkluża dwar l-aċċess għas-suq. Tali miżuri jistgħu wkoll ikunu diskriminatorji fir-rigward tal-Artikolu XX:2 tal-GATS. Fil-fatt, skont din id-dispożizzjoni, ir-riżerva inkluża fl-aċċess għas-suq hija applikabbli wkoll għall-obbligu tat-trattament nazzjonali.

105. Madankollu, kundizzjoni ta’ awtorizzazzjoni tista’ tkun ukoll ta’ natura kwalitattiva, b’mod partikolari, meta l-għoti tal-approvazzjoni huwa suġġett għall-osservanza ta’ ċerti kriterji sostantivi. Miżura bħal din ma hijex ipprojbita a priori mill-Artikolu XVI tal-GATS. Għaldaqstant, anki l-Artikolu XX:2 ma japplikax għalihom. Dan ifisser, li kundizzjonijiet għall-approvazzjoni kwalitattivi għandhom (ukoll) jiġu rreġistrati fil-kolonna relatata mal-kundizzjonijiet tat-trattament nazzjonali. Fil-każ kuntrarju, l-iskrizzjoni “None” twassal biex għal tali miżuri jibqa’ l-obbligu bis-sħiħ ta’ trattament nazzjonali (54).

106. Fir-rigward tal-miżura li hija s-suġġett ta’ din il-kawża, għandu jiġi kkonstatat li r-rekwiżit ta’ konklużjoni ta’ konvenzjoni internazzjonali, kif ukoll dak dwar l-eżistenza ta’ attività ta’ tagħlim fl-Istat ta’ oriġini, ma jirrigwardax restrizzjoni kwantitattiva. Lanqas ma tikkostitwixxi rekwiżit formali legali (ara l-Artikolu XVI:2(e) tal-GATS). Konsegwentement, dawn il-miżuri ma humiex miżuri msemmija fl-Artikolu XVI:2 tal-GATS. Għaldaqstant, lanqas l-Artikolu XX:2 tal-GATS ma huwa applikabbli għaliha.

107. Minn dan isegwi, li mill-perspettiva tal-aċċess għas-suq, l-Ungerija hija libera li timponi tali rekwiżiti. Madankollu, tali regola tapplika biss sa fejn dawn huma applikabbli mingħajr distinzjoni. Fil-fatt, permezz tal-iskrizzjoni “None”, l-Ungerija obbligat ruħha bis-sħiħ f’dak li jirrigwarda t-trattament nazzjonali.

108. Skont is-sistema ta’ opt-in tal-GATS, kien perfettament permissibbli li l-Ungerija tinkludi riżerva korrispondenti fil-kuntest tat-trattament nazzjonali. Minkejja dan, din il-possibbiltà ma ġietx eżerċitata.

109. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-Ungerija hija kompletament marbuta bl-obbligu tat-trattament nazzjonali fid-dawl tal-miżuri kontenzjużi.

110. Skont id-deċiżjonijiet tal-korpi ta’ soluzzjoni ta’ tilwim tal-WTO, din il-konklużjoni hija evidenti wkoll fis-sens tal-kriterju ta’ stħarriġ imsemmi iktar ’il fuq (55).

4)      L-eżistenza ta’ inugwaljanza fit-trattament

111. Ir-rekwiżit tal-konklużjoni ta’ konvenzjoni internazzjonali għall-istituzzjonijiet ta’ tagħlim superjuri stabbiliti fi Stati terzi jwassal għal inugwaljanza fit-trattament bejn, minn naħa, l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla stabbiliti fl-Ungerija u, min-naħa l-oħra, l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla stabbiliti fi Stati terzi. Barra minn hekk, l-istess japplika fir-rigward tan-neċessità li jiġi offrut tagħlim fl-Istat ta’ oriġini.

112. Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-fatt li l-fornituri ta’ servizzi nazzjonali ma jistgħu fl-ebda każ jissodisfaw ir-rekwiżit ta’ natura inkwistjoni. L-Artikolu XVII:3 tal-GATS jimplika, li waħdu, it-trattament inqas favorevoli sempliċement iwassal għal bidla fil-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq nazzjonali għall-benefiċċju tas-servizzi u tal-fornitura tas-servizzi nazzjonali. L-adozzjoni ta’ rekwiżiti addizzjonali tbiddel il-kompetizzjoni għad-dannu tal-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla stabbiliti fi Stati terzi kkonċernati.

5)      Deroga skont l-Artikolu XIV tal-GATS?

113. Fl-aħħar nett, għandu jiġi eżaminat jekk tapplikax deroga skont l-Artikolu XIV tal-GATS għall-finijiet tar-rekwiżit ta’ konklużjoni ta’ konvenzjoni internazzjonali.

114. Il-Gvern Ungeriż isostni, f’dan ir-rigward, li din hija miżura neċessarja sabiex tiżgura l-ordni pubbliku u s-sigurtà pubblika, kif ukoll għall-prevenzjoni tal-prattiki qarrieqa u frawdolenti.  Dawn l-għanijiet huma espressament imsemmija fl-Artikolu XIV(a) u fl-ittra (i) tas-subparagrafu (c) tal-Artikolu XIV tal-GATS.

115. Skont l-Artikolu 76(1)(a) tal-Liġi dwar l-Edukazzjoni Ogħla, il-konvenzjoni għandha tiġi konkluża mal-Istat kompetenti u, fil-każ ta’ Stat federali fejn il-gvern ċentrali ma jkunx kompetenti għar-rikonoxximent tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni ogħla, il-ftehim għandu jiġi konkluż minn qabel mal-gvern ċentrali. Fuq il-mertu, il-konvenzjoni għandha tirrigwarda l-appoġġ fil-prinċipju tal-attività eżerċitata mill-istituzzjoni kkonċernata fl-Ungerija mill-gvern tal-Istat ta’ oriġini.

116. Il-konklużjoni ta’ konvenzjonijiet internazzjonali, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda r-rikonoxximent tad-diplomi, tikkostitwixxi strument komuni ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati fil-qasam tal-edukazzjoni ogħla. Fir-rigward tal-prevenzjoni tal-prattiki kummerċjali frawdolenti, ftehim li jirrigwarda l-attività ta’ stabbiliment edukattiv speċifiku fl-Istat ospitanti mill-gvern tal-Istat ta’ oriġini jista’, fil-prinċipju, ikollu tali funzjoni ta’ garanzija. B’hekk, l-Istat ospitanti jara li l-Istat ta’ oriġini jqis lill-istabbiliment bħala affidabbli u jappoġġa l-attività tiegħu.

117. Madankollu, l-Artikolu XIV tal-GATS jipprovdi li d-derogi “ma jkunux applikati b’mod li jikkostitwixxu mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja u mhux ġustifikabbli bejn il-pajjiżi fejn jipprevalu kondizzjonijiet simili, jew restrizzjoni fuq il-kummerċ fis-servizzi moħbija”.

118. F’dan il-kuntest, ir-rekwiżit li jirrigwarda l-konklużjoni ta’ konvenzjoni internazzjonali, wara analiżi iktar bir-reqqa, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala deroga awtorizzata. Fil-fatt, fl-implimentazzjoni konkret tiegħu, jidher li huwa mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja fis-sens tal-Artikolu XVI tal-GATS.

119. L-ewwel nett, il-Kummissjoni ġustament tenfasizza, li l-konklużjoni ta’ konvenzjoni internazzjonali hija neċessarjament akkumpanjata mill-eżerċizzju ta’ setgħa diskrezzjonali politika, li ma tistax tkun suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju komplet. L-Artikolu 76(1)(a) tal-Liġi dwar l‑Edukazzjoni Ogħla b’hekk jissuġġetta l-għoti ta’ liċenzja operattiva lill-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla ta’ Stati terzi għal kundizzjoni li l-eżekuzzjoni tagħha hija, fl-aħħar mill-aħħar, biss f’idejn l-Ungerija. Finalment, dan ikun jammonta għal kundizzjoni “subject to licence”. B’mod partikolari, l-Ungerija ma introduċietx l-obbligu ta’ trattament nazzjonali taħt tali kundizzjoni (56). Fi kwalunkwe każ, il-Gvern Ungeriż jista’ jtawwal il-konklużjoni tal-ftehim b’mod indefinit, li fid-dawl tat-terminu qasir previst fl-Artikolu 115(7) tal-Liġi dwar l-Edukazzjoni Ogħla, dan waħdu jista’ jwassal għar-rifjut tal-għoti ta’ liċenzja operattiva lill-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla.

120. Barra minn hekk, sa fejn l-Artikolu 76(1)(a) tal-Liġi dwar l-Edukazzjoni Ogħla jirreferi biss għall-appoġġ fil-prinċipju tal-attività eżerċitata mill-istituzzjoni ta’ edukazzjoni ogħla li tinsab fl-Ungerija, ma jidhirx għalfejn dan ir-rekwiżit ma jistax jiġi ssodisfatt ukoll permezz ta’ dikjarazzjoni unilaterali min-naħa tal-gvern tal-Istat ta’ oriġini.

121. L-Artikolu 76(1)(a) tal-Liġi dwar l-Edukazzjoni Ogħla jeżiġi, sussegwentement, ir-rekwiżiti għal konvenzjonijiet internazzjonali konklużi ma’ Stati federali fis-sens, li ftehim minn qabel mal-gvern ċentrali huwa neċessarju, meta dan ma jkunx kompetenti, sabiex jagħti kunsens għal irbit ma’ konvenzjoni internazzjonali. Dan ir-rekwiżit partikolari jippreżenta kundizzjoni, li possibbilment ma tistax tintlaħaq – u għalhekk, fl-aħħar mill-aħħar, hija arbitrarja. Jekk wara kollox, fil-każ li l-edukazzjoni ogħla taqa’ taħt il-kompetenza tal-entitajiet federali, jekk is-sistema kostituzzjonali tal-Istat federali tippermettix tali ftehim mal-gvern ċentrali kkonċernat huwa, tal-inqas, inċert (57).

122. Il-fatt li l-kundizzjoni kontenzjuża ma tikkostitwixxix rekwiżit oġġettiv fil-ġlieda kontra l-frodi huwa finalment evidenti peress li huwa ppreżentat ukoll lil istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla diġà operattivi fl-Ungerija. Ma narax kif attività frawdolenti ta’ tali istituzzjoni ta’ edukazzjoni ogħla tista’ tiġi paċuta bi ftehim mal-gvern ċentrali tal-Istat ta’ oriġini tagħha.

123. Konsegwentement, l-Artikolu 76(1)(a) tal-Liġi dwar l-Edukazzjoni Ogħla ma jistax iservi bħala deroga skont l-Artikolu XIV tal-GATS.

124. Fid-dawl tan-natura arbitrarja tal-miżura, din il-konklużjoni għandha wkoll titqies bħala manifesta fis-sens tal-kriterju ta’ stħarriġ espost iktar ’il fuq.

125. Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta, li r-rekwiżit ta’ konklużjoni ta’ konvenzjoni internazzjonali ma huwiex kompatibbli mal-obbligi meħuda mill-Ungerija fid-dawl tal-Artikolu XVII:2 tal-GATS u l-konċessjoni speċifika għas-settur tat-tagħlim. Billi adottat l-Artikolu 76(1)(a) tal-Liġi dwar l-Edukazzjoni Ogħla, l-Ungerija kisret ukoll l-Artikolu XVII tal-GATS, moqri flimkien mal-Artikolu 216(2) TFUE.

b)      Ksur tal-Artikolu 14(3) tal-Karta

126. Il-Kummissjoni ssostni wkoll, li l-kundizzjoni dwar il-konklużjoni ta’ konvenzjoni internazzjonali mal-Istat ta’ oriġini għall-bidu u għat-tkomplija tal-attività ta’ istituzzjoni ta’ edukazzjoni ogħla ta’ Stat terz fit-territorju nazzjonali tikkostitwixxi ksur tal-libertà li jinħolqu stabbilimenti ta’ tagħlim, kif previst fl-Artikolu 14(3) tal-Karta. Dan imur ukoll kontra l-libertà ta’ intrapriża ggarantita mill-Artikolu 16 tal-Karta.

1)      Applikabbiltà tal-Karta

127. Kif diġà wrejt, il-konċessjonijiet speċifiċi li joriġinaw mill-GATS jikkostitwixxu obbligi internazzjonali tal-Unjoni. Skont l-Artikolu 51(1) tal-Karta, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma marbuta bil-Karta li jissodisfaw l-obbligi kollha tagħhom.

128. Min-naħa l-oħra, l-Istati Membri huma biss marbuta bil-Karta “meta jkunu qed jimplimentaw il-liġi ta’ l-Unjoni”, skont l-Artikolu 51(1) tal-Karta. Tali implimentazzjoni tal-liġi tal-Unjoni teżisti preċiżament, meta l-Istati Membri japplikaw l-obbligi internazzjonali tal-Unjoni internament abbażi tal-kompetenza leġiżlattiva tagħhom. Meta jagħmlu dan, huma jissodisfaw obbligu lejn l-Unjoni, li fuq livell estern tkun assumiet ir-responsabbiltà tal-implementazzjoni korretta tal-konvenzjoni (58). F’dan ir-rigward, l-applikabbiltà tal-Karta tiggarantixxi li l-Istati Membri, “bħala rappreżentanti” tal-Unjoni, ma jwettqux ksur tad-drittijiet fundamentali (59).

129. Naturalment, dan ma jfissirx li l-legalità tal-miżuri tas-settur tat-tagħlim tal-Istati Membri għandha minn issa tiġi evalwata, bħala prinċipju, fid-dawl tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni. Huma biss il-miżuri li huma rregolati mid-dritt tal-Unjoni li huma suġġetti għal dawn id-drittijiet fundamentali (60). B’mod partikolari dawn huma miżuri li fir-rigward tagħhom id-dritt tal-Unjoni jimponi ċerti obbligi fuq l-Istati Membri. F’dan il-każ, l-Artikolu XVII tal-GATS jimponi fuq l-Ungerija li tapplika b’mod sħiħ it-trattament nazzjonali. Għalhekk l-applikazzjoni tal-Karta tirriżulta mill-fatt li l-leġiżlazzjoni Ungeriża ma tiħux inkunsiderazzjoni l-obbligu ta’ trattament nazzjonali skont l-Artikolu XVII tal-GATS.

2)      Ksur tal-Artikolu 14(3) tal-Karta

130. L-Artikolu 14(3) tal-Karta jiggarantixxi l-libertà li jinħolqu stabbilimenti ta’ tagħlim. Din għandha neċessarjament tinkludi l-operat sussegwenti tal-istituzzjoni edukattiva, minħabba, li fin-nuqqas ta’ dan, l-istabbiliment tagħha jkun inutli. Mill-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta jirriżulta, li fil-qasam tal-edukazzjoni privata, l-Artikolu 14(3) tal-Karta jikkostitwixxi espressjoni speċifika għal-libertà tal-intrapriża prevista fl-Artikolu 16 tal-Karta (61).

131. Minn dan isegwi, fl-ewwel lok, li l-Artikolu 16 tal-Karta, li huwa wkoll invokat mill-Kummissjoni, ma għandux ikun is-suġġett ta’ eżami partikolari f’dan il-każ, peress li l-Artikolu 14(3) tal-Karta huwa iktar speċifiku.

132. It-tieni nett, minn dan isegwi, li fi kwalunkwe każ, l-Artikolu 14(3) tal-Karta jipproteġi l-aspett kummerċjali tal-attività ta’ istituzzjoni ta’ edukazzjoni ogħla, jiġifieri l-aspetti kummerċjali tal-istabbiliment u tal-operat ta’ istituzzjoni ta’ edukazzjoni ogħla.

133. Konsegwentement, kundizzjoni bħal dik stabbilita fl-Artikolu 76(1)(a), li tipprojbixxi l-istabbiliment u l-operat ta’ tali istituzzjoni privata fin-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tagħha, taffettwa l-kamp ta’ protezzjoni tal-Artikolu 14(3) tal-Karta. Dan huwa iktar u iktar il-każ, peress li l-ħolqien ta’ dritt fundamentali awtonomu dwar il-ħolqien ta’ stabbilimenti ta’ tagħlim privati jissuġġerixxi, li hemm lok li tingħata protezzjoni partikolari lill-istabbilimenti privati ta’ edukazzjoni bħala tali, lil hinn mill-aspett kummerċjali. Dan jissuġġerixxi, fil-fehma tiegħi, li l-Artikolu 14(3) tal-Karta huwa intiż sabiex jiggarantixxi l-eżistenza ta’ stabbilimenti ta’ tagħlim privati, apparti l-iskejjel u l-universitajiet statali, u b’hekk, finalment, id-diversità tas-servizzi edukattivi.

3)      Fuq il-possibbiltà ta’ limitazzjoni f’din il-kawża

134. Fir-rigward tal-possibbiltà ta’ limitazzjoni tal-Artikolu 14(3) tal-Karta, mill-formulazzjoni stess ta’ din id-dispożizzjoni, jirriżulta, li l-libertà li jinħolqu stabbilimenti ta’ tagħlim hija osservata “skond il-liġijiet nazzjonali li jirregolaw l-eżerċizzju ta’ din il-libertà u dan id-dritt”. Dan ifisser li, fil-prinċipju, il-libertà tal-ħolqien ta’ stabbilimenti ta’ tagħlim hija ggarantita biss fir-rekwiżiti legali applikabbli rispettivi. Fi kliem ieħor, il-leġiżlatur jista’, bħala prinċipju, jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-ħolqien u għall-operat ta’ stabbilimenti ta’ tagħlim, abbażi ta’ leġiżlazzjoni ordinarja, mingħajr ma jikser l-Artikolu 14(3) tal-Karta. Madankollu, kif jirriżulta diġà mill-Artikolu 52(1) tal-Karta, huwa għandu, fi kwalunkwe każ, josserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità (62).

135. L-għanijiet invokati mill-Ungerija bħala ġustifikazzjoni huma, minn naħa, il-protezzjoni tal-ordni pubbliku, b’mod partikolari kontra l-prattiki qarrieqa u frawdolenti u, min-naħa l-oħra, il-protezzjoni tal-kwalità tal-istabbilimenti ta’ tagħlim.

136. Fir-rigward tal-ewwel wieħed minn dawn l-għanijiet, diġà ntwera li “l-appoġġ fil-prinċipju tal-attività” eżerċitata mill-istituzzjoni kkonċernata, kif meħtieġ mill-Artikolu 76(1)(a) tal-Liġi dwar l-Edukazzjoni Ogħla, jista’ wkoll jiġi espress permezz ta’ dikjarazzjoni unilaterali ta’ dan l-Istat (63) u, għaldaqstant, il-konklużjoni ta’ konvenzjoni internazzjonali ma hijiex neċessarja.

137. Barra minn hekk, kif ġie wkoll diskuss preċedentement, jeżisti r-riskju ta’ eżerċizzju arbitrarju fl-implimentazzjoni konkreta tiegħu (64). Fil-fatt, minn naħa, ir-rekwiżit partikolari relatat mal-konklużjoni ta’ konvenzjoni mill-gvern ċentrali ma jiggarantixxix li dan jista’ verament jiġi ssodisfatt. Min-naħa l-oħra, il-konklużjoni ta’ konvenzjoni, u b’mod partikolari, il-mument meta ssir, taqa’ għal kollox taħt id-diskrezzjoni tal-Gvern Ungeriż. Dan il-fatt huwa iktar gravi, peress li anki l-operat ta’ stabbilimenti ta’ tagħlim, li preċedentement kien awtorizzat, ġie sussegwentement suġġett għal kundizzjonijiet, li l-eżekuzzjoni tagħhom ma hijiex f’idejn l-istabbilimenti kkonċernati u li fuqhom ma setgħux jiddependu (65).

138. Fit-tieni lok, rigward l-għan ta’ assigurazzjoni tal-kwalità, l-Ungerija ma spjegatx kif il-konklużjoni vinkolanti ta’ konvenzjoni internazzjonali mal-gvern ċentrali tal-Istat ta’ oriġini ta’ istituzzjoni ta’ edukazzjoni ogħla barranija hija intiża sabiex tikkontribwixxi għat-twettiq ta’ dan l-għan.

139. Dan huwa iktar u iktar minnu, peress li dan ir-rekwiżit huwa wkoll ippreżentat lil stabbilimenti diġà eżistenti, mingħajr ma jintwerew difetti fil-kwalità, jew li hemm lok li jitressqu indizji bħal dawk, li jistgħu jiġu eliminati bil-konklużjoni ta’ konvenzjoni internazzjonali mal-Istat ta’ oriġini tal-istabbiliment.

140. Għaldaqstant, l-Artikolu 76(1)(a) tal-Liġi dwar l-Edukazzjoni Ogħla ma jistax jiġi kkunsidrat bħala restrizzjoni ammissibbli tal-libertà għall-ħolqien ta’ stabbilimenti ta’ tagħlim. Konsegwentement, nikkonkludi li l-adozzjoni tal-Artikolu 76(1)(a) tal-Liġi dwar l-Edukazzjoni Ogħla tikkostitwixxi wkoll ksur tal-Artikolu 14(3) tal-Karta.

c)      Fuq il-ksur tat-tieni sentenza tal-Artikolu 13 tal-Karta

141. Il-Kummissjoni tilmenta wkoll dwar il-ksur tat-tieni sentenza tal-Artikolu 13 tal-Karta, sa fejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni ogħla li ma jissodisfawx ir-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 76(1)(a) tal-Liġi dwar l-Edukazzjoni Ogħla, lanqas ma għandhom jeżerċitaw attività ta’ tagħlim u ta’ riċerka fl-Ungerija u/jew, fi tmiem il-perijodu tranżitorju, jekk ikun il-każ. Dan tal-aħħar jiżgura l-libertà akkademika.

142. Sa fejn jidher, il-Qorti tal-Ġustizzja għad ma kellhiex l-okkażjoni li tiddeċiedi dwar il-kamp ta’ protezzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 13 tal-Karta.

143. Barra minn hekk, mill-Artikolu 52(3) tal-Karta jirriżulta, li sa fejn din il-Karta tinkludi drittijiet li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), is-sens u l-portata tagħha għandhom ikunu l-istess bħal dawk stabbiliti mill-istess KEDB. Il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”) tindirizza l-libertà xjentifika bħala korollarju tad-dritt għal-libertà ta’ espressjoni li jirriżulta mill-Artikolu 10 tal-KEDB (66), li għalih jirreferu wkoll l-ispjegazzjonijiet dwar l-Artikolu 13 tal-Karta (67). Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB, din tinkludi l-libertà li tiddefendi t-twettiq ta’ riċerki xjentifiċi, kif ukoll li jiġu rrappreżentati u mxerrdin pożizzjonijiet xjentifiċi (68).

144. Il-leġiżlazzjoni dwar il-konklużjoni ta’ konvenzjoni internazzjonali, prevista fl-Artikolu 76(1)(a) tal-Liġi dwar l-Edukazzjoni Ogħla ma tippreġudikax direttament din il-libertà. Madankollu, din hija ta’ natura li ċċaħħad lix-xjenzati li jaħdmu fl-universitajiet ikkonċernati mill-infrastruttura neċessarja għall-eżerċizzju tal-libertà akkademika.

145. Mill-perspettiva sistematika, il-libertà xjentifika tinsab, flimkien mal-protezzjoni tal-libertà tal-arti, stabbilita fl-Artikolu 13 tal-Karta, li skont il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB tikkostitwixxi wkoll estensjoni tal-libertà tal-espressjoni. Minn dan jista’ jiġi dedott, li l-libertà akkademika tat-tieni sentenza tal-Artikolu 13 tal-Karta għandha wkoll tiġi kkunsidrata bħala dritt fundamentali ta’ komunikazzjoni. Madankollu, il-libertà akkademika ma hijiex limitata biss għall-komunikazzjoni.

146. Filwaqt li l-KEDB tinkludi libertà ġenerali ta’ espressjoni, għall-kuntrarju, il-Karta tinkludi dritt fundamentali awtonomu għal-libertà tal-arti u tax-xjenza. Dan jinkludi mhux biss l-attivitajiet ta’ riċerka u ta’ tagħlim awtonomi u dawk indipendenti mill-influwenza tal-Istat, iżda wkoll il-qafas istituzzjonali u organizzattiv. Fil-fatt, il-parteċipazzjoni f’università statali jew f’waħda privata hija, fil-prattika, rekwiżit essenzjali għar-riċerka xjentifika. L-università sservi bħala pjattaforma għad-diskors xjentifiku u bħala netwerk u infrastruttura għall-għalliema, studenti u finanzjaturi. Il-libertà li jiġu mwaqqfa stabbilimenti ta’ tagħlim, iggarantita mill-Artikolu 14(3) tal-Karta, tipproteġi biss parti mill-imsemmi qafas istituzzjonali, jiġifieri, sa fejn stabbilimenti ta’ tagħlim privati jkunu kkonċernati.

147. Minn dan isegwi, li rekwiżit, li n-nuqqas ta’ osservanza tiegħu jwassal biex l-attività ta’ tagħlim jew riċerka fil-kuntest universitarju ma tistax isseħħ u/jew ikollha tiġi abbandunata, jaffettwa wkoll il-kamp ta’ protezzjoni mogħti mit-tieni sentenza tal-Artikolu 13 tal-Karta.

148. Fir-rigward tal-possibbiltà ta’ limitazzjoni tal-Artikolu 13(2) tal-Karta, mill-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta jirriżulta li din tal-aħħar hija suġġetta għal-limitazzjonijiet awtorizzati mill-Artikolu 10 tal-KEDB. Dawn huma limitazzjonijiet previsti mil-liġi u li huma neċessarji f’soċjetà demokratika, sabiex jinżammu l-għanijiet ċerti li huma elenkati fiha. Fosthom hemm, b’mod partikolari, il-protezzjoni tas-sigurtà u tal-ordni pubbliku jew il-prevenzjoni ta’ reati kriminali. Dawn ir-rekwiżiti jikkorrispondu, essenzjalment, għal dawk tal-Artikolu 52(1) tal-Karta.

149. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li t-tieni sentenza tal-Artikolu 13 tal-Karta, sa fejn tipproteġi wkoll il-qafas istituzzjonali u organizzattiv tar-riċerka u tat-tagħlim, ma tinkludix garanzija għal kull stabbiliment edukattiv. Madankollu, kif jirriżulta diġà mill-Artikolu 52(1) tal-Karta, leġiżlazzjoni li twassal għall-għeluq ta’ istituzzjoni ta’ edukazzjoni ogħla għandha tkun proporzjonata.

150. Għal raġunijiet li diġà ġew spjegati, ir-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 76(1)(a) tal-Liġi dwar l-Edukazzjoni Ogħla għandu jitqies bħala sproporzjonat u, għalhekk, lanqas ma jista’ jiġġustifika restrizzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 13 tal-Karta (69).

d)      Konklużjoni

151. Bħala konklużjoni, nipproponi għalhekk lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, bl-adozzjoni tal-Artikolu 76(1)(a) tal-Liġi dwar l-Edukazzjoni Ogħla, l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu XVII tal-GATS, moqri flimkien mal-Artikolu 216(2) TFUE, kif ukoll it-tieni sentenza tal-Artikolu 13 u l-Artikolu 14(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

2.      Ir-rekwiżit tal-eżistenza ta’ attività effettiva ta’ tagħlim fl-Istat ta’ oriġini, l-Artikolu 76(1)(b) tal-Liġi dwar l-Edukazzjoni Ogħla

152. Fir-rigward tal-Artikolu 76(1)(b) tal-Liġi dwar l-Edukazzjoni Ogħla, li jissuġġetta l-istabbiliment u t-tkomplija ta’ istituzzjoni ta’ edukazzjoni ogħla fl-Ungerija għall-eżistenza ta’ tagħlim effettiv fl-Istat ta’ oriġini, il-Kummissjoni tinvoka ksur tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/123, tal-Artikolu 49 TFUE u tal-Artikolu 56 TFUE, tal-Artikolu 13, tal-Artikolu 14(3), tal-Artikolu 16 tal-Karta kif ukoll tal-Artikolu XVII tal-GATS. Fil-fatt, għall-kuntrarju tar-rekwiżit li għadu kemm ġie eżaminat dwar il-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali, ir-rekwiżit li se jiġi eżaminat issa, japplika wkoll għall-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla stabbiliti fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni jew taż-ŻEE.

a)      Ksur tal-Artikolu 49 TFUE moqri flimkien mal-Artikolu 54 TFUE

153. Fl-ewwel lok, għandu jiġi eżaminat l-allegat ksur tal-libertà ta’ stabbiliment. Fil-fatt, għandu jiġi kkunsidrat li “attività ta’ tagħlim li twassal għal diploma”, suġġetta għal rekwiżiti partikolari mill-Artikolu 76(1) tal-Liġi dwar l-Edukazzjoni Ogħla, hija proposta fil-parti l-kbira tal-każijiet minn stabbiliment permanenti fl-Ungerija.

1)      Restrizzjoni fuq il-libertà ta’ stabbiliment

154. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li s-servizzi mogħtija bi ħlas minn istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment meta jiġu eżerċitati, b’mod stabbli u kontinwu, minn ċittadini ta’ Stat Membru, u minn stabbiliment prinċipali jew fergħa li jinsabu fi Stat Membru ieħor, fl-Istat Membru ospitanti (70).

155. Skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 49 TFUE jinkludi, minn naħa, id-dritt li jibdew u jeżerċitaw attivitajiet bħala persuni li jaħdmu għal rashom kif ukoll id-dritt li jmexxu u li jistabbilixxu impriżi taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk stabbiliti mil-liġijiet tal-Istat Membru tal-istabbiliment fir-rigward taċ-ċittadini tiegħu stess. Min-naħa l-oħra, għandhom jitqiesu bħala restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment fis-sens tal-Artikolu 49(1) TFUE. il-miżuri kollha li jipprojbixxu, jostakolaw jew irendu inqas attraenti l-eżerċizzju ta’ din il-libertà (71).

156. Skont dawn il-kriterji, l-Artikolu 76(1)(b) tal-Liġi dwar l-Edukazzjoni Ogħla jillimita l-libertà ta’ istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla barranin fl-Ungerija, sa fejn huma preklużi milli jeżerċitaw attività ta’ tagħlim superjuri u/jew ikollhom itemmu din l-attività wara l-iskadenza tal-perijodu tranżitorju, jekk ma joffrux tagħlim superjuri fl-Istat ta’ oriġini tagħhom.

2)      Fuq il-ġustifikazzjoni tar-restrizzjoni

157. F’dak li jirrigwarda l-ġustifikazzjoni ta’ din il-miżura, l-Artikolu 52(1) TFUE jipprovdi li sistemi speċjali għall-barranin jistgħu jiġu ġġustifikati biss minħabba raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika.

158. F’dan il-każ, hemm tali “sistema speċjali għall-barranin”. Fil-fatt, huma biss l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla barranin li għandhom jipprovaw il-preżenza ta’ attività ta’ tagħlim fl-Istat ta’ oriġini tagħhom sabiex jitħallew jibdew jew ikomplu attività ta’ tagħlim fl-Ungerija. Għaldaqstant, huwa veru, li l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla nazzjonali ma jistgħux, min-natura tagħhom, jipproduċu din il-prova, peress li ma għandhomx sede fi Stat Membru ieħor. Madankollu, din iċ-ċirkustanza ma għandhiex l-effett li l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla barranin ma jkunux paragunabbli mal-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla nazzjonali (72). Il-fatt li s-sede tinsab fi Stat Membru ieħor ma tistax tikkostitwixxi kriterju ta’ differenzazzjoni ammissibbli f’dan il-kuntest. In-natura diskriminatorja tal-leġiżlazzjoni tinsab preċiżament fil-fatt li l-attività tal-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla barranin hija suġġetta, minħabba s-sede tagħha fi Stat Membru ieħor, għal kundizzjonijiet addizzjonali.

159. F’dan il-każ, l-Ungerija tinvoka għal darba oħra l-protezzjoni tal-ordni pubbliku u ssostni li r-rekwiżit inkwistjoni huwa neċessarju sabiex jiġu evitati l-prattiki qarrieqa u frawdolenti. Barra minn hekk, hekk biss tista’ tiġi żgurata l-kwalità tat-tagħlim.

160. Madankollu, il-ġustifikazzjoni bbażata fuq l-ordni pubbliku hija intiża sabiex toffri protezzjoni għal theddida reali u suffiċjentement gravi, li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà. Għalkemm l-importanza tal-għanijiet ta’ prevenzjoni ta’ prattiki qarrieqa u frawdolenti u l-garanzija tal-kwalità għolja tal-offerti ta’ tagħlim ma jistgħux jiġu miċħuda, dan ma jaffettwax l-interessi fundamentali tas-soċjetà fis-sens ta’ din id-definizzjoni (73).

161. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Artikolu 49 TFUE jipprekludi, bħala prinċipju, li l-Istati Membri jipprojbixxu l-istabbiliment ta’ fergħa bl-uniku argument li l-kumpannija inkwistjoni ma wettqitx attività kummerċjali fl-Istat fejn ikollha s-sede tagħha (74). Jekk u liema rekwiżiti l-Istat Membru jista’ jimponi fuq l-attività tal-istabbilimenti hija kwistjoni oħra.

162. Barra minn hekk, ġustifikazzjoni għal raġunijiet imperattivi oħra ta’ interess pubbliku tista’ f’dan ir-rigward tiġi invokata biss fil-każ ta’ restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment li japplikaw mingħajr diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità (75).

163. Billi adottat l-Artikolu 76(1)(b) tal-Liġi dwar l-Edukazzjoni Ogħla, l-Ungerija kisret l-Artikolu 49 TFUE.

b)      Fuq il-ksur tal-Artikolu 16 tad-Direttiva dwar is-servizzi

164. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li l-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 76(1)(b) tal-Liġi dwar l-Edukazzjoni Ogħla tikkostitwixxi ksur tad-Direttiva dwar is-servizzi.

1)      Fuq il ftuħ tal-kamp ta’ applikazzjoni

165. Skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva dwar is-servizzi, din tapplika għas-servizzi pprovduti mill-fornituri stabbiliti fi Stat Membru, fejn il-kunċett ta’ provvista ta’ servizzi li jinsab fil-punt 1 tal-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva jiġi ddefinit bħala “attività ekonomika mhux imħallsa, normalment magħmula għal remunerazzjoni”. Skont il-ġurisprudenza, li jingħataw korsijiet minn istituzzjonijiet ta’ tagħlim iffinanzjati, essenzjalment, minn fondi privati li ma jiġux mill-fornitur tas-servizzi stess, jikkostitwixxi minnu nnifsu servizz, peress li l-għan ta’ dawn l-istabbilimenti huwa, fil-fatt, li joffru servizz bi ħlas (76).

166. L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva dwar is-servizzi ma jistabbilixxix espressament rekwiżiti oħra għall-ftuħ tal-kamp ta’ applikazzjoni. B’mod partikolari, huwa ma jirreferix għan-natura temporanja tal-attività invokata fil-kuntest tal-libertajiet fundamentali għall-finijiet tad-delimitazzjoni bejn il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi (77), sa fejn id-Direttiva dwar is-servizzi tinkludi wkoll dispożizzjonijiet dwar il-libertà ta’ stabbiliment tal-fornituri ta’ servizzi (78). F’dan il-każ, din id-distinzjoni hija madankollu rilevanti, fil-fehma tiegħi, sa fejn il-Kummissjoni tinvoka speċifikament ksur tal-Artikolu 16 tad-Direttiva dwar is-servizzi, li jinsab fil-Kapitolu IV, dwar il-moviment liberu tas-servizzi.

167. Madankollu, l-Artikolu 76(1)(b) tal-Liġi dwar l-Edukazzjoni Ogħla ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 16 tad-Direttiva dwar is-servizzi, ħlief sa fejn jissuġġetta kundizzjonijiet partikolari għall-attività ta’ tagħlim li twassal għal diploma. Tali mudelli kummerċjali huma perfettament possibbli, għalkemm ċertament, in-numru predominanti ta’ istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla li joffru kwalifiki li jwasslu għal diploma jagħmlu dan fil-kuntest ta’ stabbiliment stabbli.

168. Fi kwalunkwe każ, l-Artikolu 76(1)(b) tal-Liġi dwar l-Edukazzjoni Ogħla ma jagħmilx distinzjoni bejn l-istabbilimenti permanenti, u dawk li jeżerċitaw attività ta’ tagħlim biss b’mod temporanju fl-Ungerija. Bl-istess mod, ir-regola ma tagħmilx distinzjoni bejn il-fornituri ta’ servizzi ta’ tagħlim privati u dawk li l-attività tagħhom ma għandha l-ebda skop ta’ lukru.

169. Għaldaqstant, il-leġiżlazzjoni taqa’, tal-inqas parzjalment, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 16 tad-Direttiva dwar is-servizzi.

2)      Ir-rekwiżit ammissibbli fis-sens tal-Artikolu 16(1) u (3) tad-Direttiva dwar is-servizzi?

170. Skont l-Artikolu 16(1) u (3) tad-Direttiva dwar is-servizzi, l-Istati Membri jistgħu jissuġġettaw l-aċċess jew l-eżerċizzju ta’ attività ta’ servizz fit-territorju tagħhom biss għal rekwiżiti kemm nondiskriminatorji, kif ukoll meħtieġa u proporzjonati. B’dan il-mod, ir-rekwiżiti imposti għandhom, skont l-ittra (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 16(1) u l-Artikolu 16(3) tal-istess direttiva, ikunu intiżi għaż-żamma tal-ordni pubbliku, għas-sigurtà pubblika jew għas-saħħa pubblika, jew għall-protezzjoni tal-ambjent.

171. F’dan il-każ, l-ammissibbiltà tar-rekwiżit previst fl-Artikolu 76(1)(b) tal-Liġi dwar l-Edukazzjoni Ogħla ma tistax tiġi aċċettata minħabba li hija diskriminatorja (79).

172. Fi kwalunkwe każ, il-miżura ma tista’ tiġi ġġustifikata mill-ebda raġuni msemmija fl-ittra (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 16(1) u fl-Artikolu 16(3). F’dan ir-rigward, diġà ntwera li din il-leġiżlazzjoni ma tistax tiġi ġġustifikata minn raġunijiet ta’ protezzjoni tal-ordni pubbliku (80).

173. Ġustifikazzjoni għal raġunijiet imperattivi oħra ta’ interess pubbliku, li skont il-premessa 40 tad-Direttiva, livell għoli ta’edukazzjoni jagħmel ukoll parti minnha, ma kinitx prevista mil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-Artikolu 16 tad-Direttiva dwar is-servizzi, kuntrarjament għal dispożizzjonijiet oħra ta’ din id-direttiva (81).

174. Għaldaqstant, il-ġurisprudenza tirrikonoxxi, fid-dawl tal-Artikolu 56 TFUE, ġustifikazzjoni minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali. Madankollu, f’każijiet simili relatati ma’ miżuri diskriminatorji, din sa issa ma ġietx rikonoxxuta (82). Minn dan jirriżulta, li f’dan il-każ, il-kwistjoni dwar jekk il-possibbiltajiet ta’ ġustifikazzjoni, fil-kuntest tal-Artikolu 16 tad-Direttiva dwar is-servizzi, abbażi tal-ġustifikazzjonijiet rikonoxxuti mil-liġi primarja tal-Unjoni, setgħux leġittimament jiġu limitati mil-leġiżlatur tal-Unjoni, tista’ tibqa miftuħa (83). Fil-fatt, il-miżura inkwistjoni ma tistax titqies li hija ġġustifikata skont l-Artikolu 56 TFUE.

175. Bħala konklużjoni, għandu jiġi kkonstatat li r-rekwiżit tal-eżistenza ta’ attività effettiva ta’ tagħlim fl-Istat ta’ oriġini ma jissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikoli 16(1) u (3) tad-Direttiva dwar is-servizzi. Għalhekk, bl-adozzjoni tal-Artikolu 76(1)(b) tal-Liġi dwar l-Edukazzjoni Ogħla, l-Ungerija kisret l-Artikolu 16 tad-Direttiva dwar is-servizzi.

176. F’dan ir-rigward, id-Direttiva dwar is-servizzi tinkludi, meta mqabbla mal-Artikolu 56 TFUE, invokat sussidjarjament, id-dispożizzjonijiet iktar speċifiċi, b’tali mod li l-istħarriġ ta’ din l-aħħar dispożizzjoni ma huwiex applikabbli f’dan il-każ (84).

c)      Fuq il-ksur tal-Karta

177. Fl-aħħar lok, għandu jiġi vverifikat jekk, bl-adozzjoni tal-Artikolu 76(1)(b) tal-Liġi dwar l-Edukazzjoni Ogħla, l-Ungerija kisritx id-drittijiet fundamentali tal-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla kkonċernati, b’mod partikolari l-Artikoli 13 u 14(3) tal-Karta (85).

1)      Applikabbiltà tal-Karta

178. L-Artikolu 76(1)(b) tal-Liġi dwar l-Edukazzjoni Ogħla jistabbilixxi traspożizzjoni żbaljata tad-Direttiva dwar is-servizzi (86). Għalhekk, konformement mal-Artikolu 51(1) tal-Karta, il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha huwa miftuħ (87).

179. Il-kwistjoni dwar jekk ksur awtonomu tal-Karta jistax jiġi kkonstatat meta il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni huwa miftuħ biss minħabba restrizzjoni tal-libertajiet fundamentali, ma tqumx f’dan il-każ, kuntrarjament għal dak li tqis l-Ungerija (88).

180. Madankollu, il-konstatazzjoni ta’ ksur awtonomu tad-dritt fundamentali ma għandhiex effett f’dan il-każ. Fil-fatt, il-fondatezza tar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu diġà tirriżulta mill-ksur tad-Direttiva dwar is-servizzi u tal-Artikolu 49 TFUE. Wara kollox, l-istħarriġ separat tad-dritt fundamentali juri b’mod ċar il-piż partikolari u l-kwalità tal-ksur. Dan japplika b’mod partikolari meta, bħal f’dan il-każ, l-allegat ksur tad-drittijiet fundamentali jaqbeż l-effetti ekonomiċi dannużi diġà koperti mill-konstatazzjoni ta’ ksur tar-regoli tas-suq intern.

2)      Indħil

181. Kif ġie espost iktar ’il fuq, kundizzjoni li tipprekludi jew ittemm l-attività ta’ tagħlim u ta’ riċerka ta’ Università fil-każ li ma tintlaħaqx, u li tipprojbixxi t-twaqqif u l-funzjonament ta’ tali istituzzjoni għal skopijiet ta’ lukru, taffettwa kemm il-kamp ta’ protezzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 13, kif ukoll dak tal-Artikolu 14(3) tal-Karta (89).

3)      Ġustifikazzjoni

182. Għaldaqstant, għad irid jiġi eżaminat, jekk l-indħil fl-imsemmija drittijiet fundamentali mwettaq mill-Artikolu 76(1)(b) tal-Liġi dwar l-Edukazzjoni Ogħla jistax jiġi ġġustifikat. Għal dan il-għan, dan għandu jkun, b’mod partikolari, proporzjonat (90). Skont il-formulazzjoni tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, limitazzjonijiet fl-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali għandhom jitwettqu biss, jekk dan ikun neċessarju u b’mod ġenwin ikunu jissodisfaw l-interess ġenerali tal-Unjoni jew għan ta’ protezzjoni tad-drittijiet jew tal-libertajiet ta’ oħrajn.

183. L-Ungerija ssostni, minn naħa, li l-awtoritajiet tagħha jiġu żgurati li din hija attività legali biss, meta l-kundizzjonijiet kollha ta’ attività ta’ tagħlim mogħtija fl-Istat ta’ oriġini huma ssodisfatti. B’hekk ikunu jistgħu jiġu evitati l-prattiċi kummerċjali frawdolenti. Min-naħa l-oħra, l-awtoritajiet ikunu jistgħu jivverifikaw, abbażi tat-taħriġ mogħti fl-Istat ta’ oriġini, jekk l-istabbiliment għandux approċċ fondat u edukaturi kkwalifikati, u b’hekk, jiżgura l-kwalità tat-tagħlim.

184. F’dan ir-rigward, għandu jiġi ammess li l-funzjonament b’suċċess ta’ istituzzjoni ta’ edukazzjoni ogħla, li tinsab fl-Istat ta’ oriġini jissuġġerixxi li din, f’dak l-Istat Membru, tissodisfa l-kundizzjonijiet legali kollha għall-operat. Konsegwentement, din il-kundizzjoni għandha l-għan li tindividwa immedjatament l-istituzzjonijiet illegali u frawdolenti.

185. Madankollu, il-legalità u l-integrità ta’ attività ta’ tagħlim superjuri bl-ebda mod ma jistgħu jiġu vverifikati permezz ta’ attività ta’ tagħlim diġà eżistenti fl-Istat ta’ oriġini. Għaldaqstant, fl-assenza ta’ tali attività fl-Istat ta’ oriġini, Stat Membru għandu wkoll jaċċetta provi oħra xierqa. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, fid-dawl tal-importanza primordjali tad-dritt tal-libertà ta’ stabbiliment fl-Unjoni, li jimplika, skont il-ġurisprudenza, ukoll id-dritt tal-kumpanniji li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom essenzjalment jew esklużivament fi Stat Membru differenti minn dak li fih għandhom is-sede tagħhom (91). Għalhekk, sabiex jiġu evitati kontradizzjonijiet, il-prova ta’ attività fl-Istat ta’ oriġini ma tistax titqies bħala neċessarja.

186. Fir-rigward tal-għan tal-kontroll tal-kwalità, għandu jiġi rrilevat li l-Gvern Ungeriż bl-ebda mod ma wera kif is-sempliċi eżistenza ta’ tagħlim superjuri fl-Istat ta’ oriġini hija intiża li tiżgura l-kwalità tat-taħriġ fl-Istat ospitanti. Huwa diffiċli li jiġi aċċettat li l-università tuża l-istess edukaturi fiż-żewġ Stati u li hija toffri l-istess kontenut ta’ tagħlim jew li r-rekwiżiti kwalitattivi huma identiċi fiż-żewġ Stati. Għaldaqstant, in-natura xierqa ta’ din il-miżura diġà hija dubjuża.

187. F’dak li jirrigwarda n-neċessità tar-rekwiżit, għandu jiġi rrilevat, li kieku l-uniku mod ta’ kif jiġi vverifikat il-kontroll tal-kwalità ikun permezz ta’ attività diġà eżistenti, kieku l-kontroll tal-kwalità ta’ istituzzjonijiet ta’ tagħlim superjuri nazzjonali li twaqqfu għall-ewwel darba ma kienx ikun possibbli. Għalhekk, huwa neċessarju li jintużaw miżuri oħra ta’ kontroll tal-kwalità, li jistgħu jiġu applikati wkoll għall-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni ogħla stabbiliti fi Stat Membru ieħor.

188. Għaldaqstant, ir-rabta mal-eżistenza ta’ attività ta’ tagħlim fl-Istat ta’ oriġini, fi kwalunkwe każ, ma hijiex minnha nfisha xierqa u fi kwalunkwe każ ma hijiex neċessarja sabiex tiggarantixxi l-legalità u l-kwalità tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni ogħla.

4)      Konklużjoni

189. Bl-adozzjoni tal-Artikolu 76(1)(b) tal-Liġi dwar l-Edukazzjoni Ogħla, l-Ungerija kisret ukoll it-tieni sentenza tal-Artikolu 13 u l-Artikolu 14(3) tal-Karta.

d)      Fuq il-ksur tal-Artikolu XVII tal-GATS, moqri flimkien mal-Artikolu 216(2) TFUE

190. Sa fejn il-Kummissjoni tikkontesta wkoll, f’dak li jikkonċerna r-rekwiżit previst fl-Artikolu 76(1)(b) tal-Liġi dwar l-Edukazzjoni Ogħla, il-ksur tal-Artikolu XVII tal-GATS, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, li fir-rigward ta’ relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, il-leġiżlazzjonijiet primarji u sekondarji tad-dritt tal-Unjoni jsegwu d-dritt tal-kummerċ internazzjonali (92).

191. Madankollu, l-Artikolu 76(1)(b) tal-Liġi dwar l-Edukazzjoni Ogħla japplika wkoll għall-universitajiet ta’ Stati terzi. F’dan ir-rigward, u għall-istess raġunijiet esposti iktar ’il fuq (93), din il-leġiżlazzjoni tikser l-obbligu tat-trattament nazzjonali previst fl-Artikolu XVII tal-GATS, u lanqas ma tista’ tiġi kkunsidrata bħala deroga awtorizzata fis-sens tal-Artikolu XIV tal-GATS. Skont dan, jistgħu jittieħdu miżuri neċessarji sabiex tinżamm il-morali pubblika jew l-ordni pubbliku (94) jew sabiex jiġu evitati prattiki kummerċjali qarrieqa jew frawdolenti. Kif diġà ġie espost iktar ’il fuq, ir-rekwiżit ta’ attività ta’ tagħlim fl-Istat ta’ oriġini ma jissodisfax dawn ir-rekwiżiti (95).

192. Għalhekk, fir-rigward tar-rekwiżit previst fl-Artikolu 76(1)(b) tal-Liġi dwar l-Edukazzjoni Ogħla, dan jikkostitwixxi wkoll ksur tal-Artikolu XVII tal-GATS, flimkien mal-Artikolu 216(2) TFUE.

VI.    Konklużjoni

193. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

1)      Bl-adozzjoni tal-Artikolu 76(1)(a) tal-Liġi Nru CCIV tal-2011 kif emendata, l-Ungerija kisret l-Artikolu XVII tal-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi, moqri flimkien mal-Artikolu 216(2) TFUE, kif ukoll it-tieni sentenza tal-Artikolu 13 u l-Artikolu 14(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

2)      Bl-adozzjoni tal-Artikolu 76(1)(b) tal-Liġi Nru CCIV tal-2011 kif emendata, l-Ungerija kisret l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/123/KE, l-Artikolu 49 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 54 TFUE, l-Artikolu XVII tal-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi, moqri flimkien mal-Artikolu 216(2) TFUE, kif ukoll it-tieni sentenza tal-Artikolu 13 u l-Artikolu 14(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

3)      L-Ungerija hija kkundannata għall-ispejjeż.


1      Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2      Il-fondazzjonijiet tiegħu huma suġġetti għal leġiżlazzjoni Ungeriża parallela, li hija l-Liġi Nru LXXVI tal-2017 dwar it-trasparenza tal-organizzazzjonijiet sostnuti barra mill-pajjiż, li huma organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, li jirċievu sostenn finanzjarju minn barra l-pajjiż, billi timponi fuqhom ċerti obbligi suġġetti għal sanzjoni fil-qasam tar-reġistrazzjoni, tad-dikjarazzjoni kif ukoll ta’ żvelar. Il-liġi hija s-suġġett tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fil-Kawża C‑78/18, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (trasparenza tal-assoċjazzjonijiet).


3      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80.


4      “L-eċċezzjoni ta’ l-ordni pubblika tista’ tkun invokata biss fejn theddida ġenwina u serja biżżejjed tkun magħmula fuq wieħed mill-interessi fundamentali tas-soċjetá.” (nota ta’ qiegħ il-paġna fl-oriġinal)


5      ĠU 2019, L 87, p. 1.


6      Hungary Schedule of Specific Commitments, dokument tal-WTO GATS/SC/40 tal-15 ta’ April 1994.


7      Dokument tal-WTO S/C/W/273, p. 166 u 167. Rigward id-dħul fis-seħħ, ara l-komunikazzjoni tal-Unjoni tas-7 ta’ Marzu 2019 lill-membri tal-WTO.


8      Hungary Schedule of Specific Commitments, dokument tal-WTO GATS/SC/40 tal-15 ta’ April 1994, p. 19 (punt 5.C.).


9      ĠU 2007, C 364, p. 1.


10      ĠU 2006, L 376, p. 36.


11      Sentenza tat-12 ta’ Novembru 2015, Elitaliana vs Eulex Kosovo (C‑439/13 P, EU:C:2015:753, punt 37).


12      Sentenza tad-19 ta’ Marzu 2002, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑13/00, EU:C:2002:184, punt 13).


13      Sentenzi tal-25 ta’ Frar 1988, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (194/85 u 241/85, EU:C:1988:95), tal-10 ta’ Settembru 1996, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑61/94, EU:C:1996:313), tad-19 ta’ Marzu 2002, Il‑ Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑13/00, EU:C:2002:184), tas-7 ta’ Ottubru 2004, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑239/03, EU:C:2004:598), u tal-21 ta’ Ġunju 2007, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑173/05, EU:C:2007:362).


14      Sentenzi tat-30 ta’ April 1974, Haegeman (181/73, EU:C:1974:41, punti 2 sa 6), tat-30 ta’ Settembru 1987, Demirel (12/86, EU:C:1987:400, punt 7), u tat-8 ta’ Marzu 2011, Lesoochranárske zoskupenie (C‑240/09, EU:C:2011:125, punt 30).


15      Sentenzi tas-7 ta’ Ottubru 2004, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑239/03, EU:C:2004:598, punt 25), tas-16 ta’ Novembru 2004, Anheuser-Busch (C‑245/02, EU:C:2004:717, punt 41), tal-11 ta’ Settembru 2007, Merck Genéricos — Produtos Farmacêuticos (C‑431/05, EU:C:2007:496, punt 33 et seq.), u tat-8 ta’ Marzu 2011, Lesoochranárske zoskupenie (C‑240/09, EU:C:2011:125, punt 31 et seq.).


16      Sa din id-data, l-Unjoni kellha kompetenza kondiviża mal-Istati Membri, ara l-Opinjoni 1/08 (Ftehimiet li jemendaw l-iskedi ta’ impenji speċifiċi taħt il-GATS) tat-30 ta’ Novembru 2009 (EU:C:2009:739, punt 135).


17      Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑13/07, EU:C:2009:190, punt 124).


18      Ara d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/485 tal-5 ta’ Marzu 2019, ĠU 2019, L 87, p. 1. Qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet fl-Opinjoni 1/08 (Ftehimiet li jemendaw l-iskedi ta’ impenji speċifiċi taħt il-GATS) tat-30 ta’ Novembru 2009 (EU:C:2009:739) li din l-emenda kienet taqa’ taħt il-kompetenza kondiviża tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha u li kienet neċessarja l-parteċipazzjoni tal-Istati Membri.


19      Ara, f’dan ir-rigward, l-Opinjoni 2/15 (Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles ma’ Singapor) tas-16 ta’ Mejju 2017 (EU:C:2017:376, punt 248).


20      Il-proċedura għas-soluzzjoni tat-tilwim hija rregolata mill-Ftehim dwar Regoli u Proċeduri li jirregolaw Konklużjonijiet ta’ Tilwim (Understanding on Rules and Procedures governing the Settlement of Disputes, fil-qasir “DSU”) jinsab fl-Anness 2 tal-Ftehim tal-WTO. Qabel kollox, huwa jipprovdi t-twaqqif tal-hekk imsejħa panels għas-soluzzjoni ta’ tilwim partikolari, li jirraportaw lill-Korp għas-Soluzzjoni tat-Tilwim (Dispute Settlement Body, fil-qasir “DSB”). Fuq din il-bażi, id-DSB ifassal rapport finali, li jorbot lill-partijiet jekk ma jkunx hemm oġġezzjoni quddiem il-Korp tal-Appell (Appellate Body, fil-qasir “AB”) fi żmien 60 jum.


21      Ara, pereżempju, l-Artikolu 6:1 tal-Anness IX tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, iffirmata f’Montego Bay fl-10 ta’ Diċembru 1982 (United Nations Treaty Series, Vol. 1833, 1834 u 1835, p. 3).


22      Dan jipprovdieh ukoll, mutatis mutandis, l-Artikolu 46(2) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati bejn Stati u Organizzazzjonijiet Internazzjonali jew bejn Organizzazzjonijiet Internazzjonali (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Vjenna”) rigward it-tqassim intern ta’ kompetenzi fi ħdan organizzazzjoni internazzjonali.


23      Ara l-eżempji meħuda mill-prassi tal-Korpi għas-Soluzzjoni tat-Tilwim tal-WTO: WTO Appellate Body Report tal-5 ta’ Ġunju 1998, adottata mid-DSB fl-1 ta’ Lulju 1998, WT/DS62/AB/R, WT/DS67/AB/R u WT/DS68/AB/R, European Communities – Computer Equipment, rigward ċerti miżuri Irlandiżi u Brittaniċi; WTO Appellate Body Report tat-12 ta’ Marzu 2001, adottata mid-DSB fil-5 ta’ April 2001, WT/DS135/AB/R, European Communities – Asbestos, rigward digriet Franċiż; fl-aħħar lok, WTO Appellate Body Report tal-15 ta’ Mejju 2018, WT/DS316/AB/RW, European Union – Large Civil Aircrafts.


24      Sentenzi tas-26 ta’ Ottubru 1982, Kupferberg (104/81, EU:C:1982:362, punti 11 u 13), tat-30 ta’ Settembru 1987, Demirel (12/86, EU:C:1987:400, punt 11), tad-19 ta’ Marzu 2002, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑13/00, EU:C:2002:184, punt 15) u tas-7 ta’ Ottubru 2004, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑239/03, EU:C:2004:598, punt 26).


25      Ara l-Artikolu 23(1) DSU.


26      Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 90 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


27      Sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 1972, International Fruit Company et (21/72 sa 24/72, EU:C:1972:115), tat-23 ta’ Novembru 1999, Portugal vs Il‑Kunsill (C‑149/96, EU:C:1999:574), u tad-9 ta’ Jannar 2003, Petrotub u Republica (C‑76/00 P, EU:C:2003:4).


28      Sentenza tal-5 ta’ Ottubru 1994, Il‑Ġermanja vs Il‑Kunsill (C‑280/93, EU:C:1994:367, punt 109).


29      Ara l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE.


30      Sentenza tal-10 ta’ Settembru 1996, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑61/94, EU:C:1996:313, punt 16).


31      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tesauro fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑61/94, EU:C:1996:194, punti 23 u 24).


32      Ara, f’dan ir-rigward, il-punti 49 sa 52 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


33      Bħala eżempju prominenti u reċenti jista’ jerġa jissemma l-każ tal-Airbus.


34      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Ġunju 1989, Fediol vs Il‑Kummissjoni (70/87, EU:C:1989:254, punti 19 sa 22), tas-7 ta’ Mejju 1991, Nakajima vs Il‑ Kunsill (C‑69/89, EU:C:1991:186, punt 31), tat-30 ta’ Settembru 2003, Biret International vs Il‑Kunsill (C‑93/02 P, EU:C:2003:517, punt 53), tat-23 ta’ Novembru 1999, Il‑Portugall vs Il‑Kunsill (C‑149/96, EU:C:1999:574, punt 49), u tal-1 ta’ Marzu 2005, Van Parys (C‑377/02, EU:C:2005:121, punt 40).


35      Sentenzi tal-5 ta’ Novembru 2002, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (C‑475/98, EU:C:2002:630, punt 35) u tat-18 ta’ Lulju 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑490/04, EU:C:2007:430, punt 25).


36      Sentenza tat-2 ta’ Frar 1988, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (293/85, EU:C:1988:40, punt 20).


37      Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mischo fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑1/00, EU:C:2001:467, punt 57). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Lulju 1985, Il‑Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (16/84, EU:C:1985:309, punt 10).


38      Sentenzi tat-2 ta’ Frar 1988, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (293/85, EU:C:1988:40, punt 13 u 14), tat-2 ta’ Lulju 1996, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C‑473/93, EU:C:1996:263, punti 19 u 20), tat-28 ta’ Ottubru 1999, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C‑328/96, EU:C:1999:526, punt 51) u tat-13 ta’ Diċembru 2001, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑1/00, EU:C:2001:687, punti 64 u 65).


39      Fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat-2 ta’ Frar 1988, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (293/85, EU:C:1988:40), it-termini kienu, rispettivament, 8 u 14-il jum; fil-kawża Il-Kummissjoni vs Franza (C‑1/00, EU:C:2001:687), it-termini kienu, rispettivament, 15-il jum u 5 ijiem; fil-kawża Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (C‑328/96, EU:C:1999:526), it-termini kienu ġimgħa jew 15-il jum rispettivament; fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-31 ta’ Jannar 1984, Il‑Kummissjoni vs L-Irlanda (74/82, EU:C:1984:34) ġie kkontestat it-terminu ta’ ħamest ijiem.


40      Sentenza tal-10 ta’ Lulju 1985, Il‑Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (16/84, EU:C:1985:309, punt 10).


41      Sentenza tal-31 ta’ Jannar 1984, Il‑Kummissjoni vs L-Irlanda (74/82, EU:C:1984:34, punt 13).


42      Sentenza tat-3 ta’ Marzu 2016, Il-Kummissjoni vs Malta (C‑12/14, EU:C:2016:135, punt 24).


43      Sentenza tat-3 ta’ Marzu 2016, Il-Kummissjoni vs Malta (C‑12/14, EU:C:2016:135, punt 26).


44      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja tidentifika mhux biss ksur tal-ftehim internazzjonali inkwistjoni, iżda wkoll tal-Artikolu 216(2) TFUE (li qabel kien l-Artikolu 300(7) KE), ara s-sentenzi tad-19 ta’ Marzu 2002, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑13/00, EU:C:2002:184) u tas-7 ta’ Ottubru 2004, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑239/03, EU:C:2004:598).


45      Sentenzi tal-25 ta’ Jannar 1979, Racke (98/78, EU:C:1979:14, punt 52) u tal-21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of et (C‑366/10, EU:C:2011:864, punt 110).


46      Sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et (C‑366/10, EU:C:2011:864, punt 110).


47      Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 59 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


48      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2016, Ullens de Schooten (C‑268/15, EU:C:2016:874, punt 49).


49      Hungary Schedule of Specific Commitments, dokument tal-WTO GATS/SC/40 tal-15 ta’ April 1994, p. 19 (punt 5.C.). Ara issa l-lista tal-konċessjonijiet ikkonsolidati tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha, tal-15 ta’ Marzu 2019, dokument tal-WTO S/C/W/273, p. 166 u 167 (punt 5.C.).


50      Il-WTO Panel Report, tas-16 ta’ Lulju 2012, adottata mid-DSB fil-31 ta’ Awwissu 2012, WT/DS413/R, iċ-Ċina - Electronic Payment Services, ċifra 7.658: “[T]he special rule in Article XX:2 provides a simpler requirement: a Member need only make a single inscription of the measure under the market access column, which then provides an implicit limitation under national treatment.”


51      Il-WTO Panel Report, tas-16 ta’ Lulju 2012, adottata mid-DSB fil-31 ta’ Awwissu 2012, WT/DS413/R, iċ-Ċina - Electronic Payment Services, ċifra 7.661: „… Article XX:2 provides … that the measure inscribed in the market access column encompasses aspects inconsistent with both market access and national treatment obligations... [This thus permits] China to maintain measures that are inconsistent with both Articles XVI and XVII. With an inscription of ‘Unbound’ for subsector (d) in mode 1 under Article XVI, and a corresponding ‘None’ for Article XVII, China has indicated that it is free to maintain the full range of limitations expressed in the six categories of Article XVI:2, whether discriminatory or not.”


52      Il-WTO Panel Report, tas-16 ta’ Lulju 2012, adottata mid-DSB fil-31 ta’ Awwissu 2012, WT/DS413/R, iċ-Ċina - Electronic Payment Services, ċifra 7.652: “Unlike Article XVII, however, the scope of the market access obligation does not extend generally to ‘all measures affecting the supply of services’. Instead, it applies to six carefully defined categories of measures of a mainly quantitative nature. The issue thus arises whether the scope of these measures, and thus the extent of China’s absence of obligation with respect thereto, extends to discriminatory measures in the sense of Article XVII.”


53      Il-WTO Panel Report, tas-16 ta’ Lulju 2012, adottata mid-DSB fil-31 ta’ Awwissu 2012, WT/DS413/R, iċ-Ċina - Electronic Payment Services, ċifra 7.663: “…Due to the inscription of ‘None’, China must grant national treatment with respect to any of the measures at issue that are not inconsistent with Article XVI:2.” (Korsiv miżjud minni)


54      Ara, mutatis mutandis, nota ta’ qiegħ il-paġna 53.


55      Ara l-punti 88 u 90 iktar ’il fuq ta’ dawn il-konklużjonijiet.


56      Ara l-punti 107 sa 109 iktar ’il fuq ta’ dawn il-konklużjonijiet.


57      Dan jikkonċerna pereżempju, il-konklużjoni ta’ trattat internazzjonali mal-Istati Federali tal-Istati Uniti tal-Amerika, kompetenzi fil-qasam tal-edukazzjoni ogħla.


58      Ara l-punti 47 u 53 tal-konklużjonijiet preżenti.


59      Dwar din il-kwistjoni, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe fil-kawża Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Drittijiet ta’ użufrutt fuq art agrikola) (C‑235/17, EU:C:2018:971, punt 82).


60      F’dan is-sens ara s-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2014, Siragusa (C‑206/13, EU:C:2014:126, punti 25 u 26) u tal-10 ta’ Lulju 2014, Julián Hernández et (C‑198/13, EU:C:2014:2055, punti 36 u 37)


61      ĠU 2007, C 303, p. 22.


62      Ara, fir-rigward tal-Artikolu 16 tal-Karta, kif ifformulat b’mod simili, is-sentenza tat-22 ta’ Jannar 2013, Sky Österreich (C‑283/11, EU:C:2013:28, punt 47).


63      Ara l-punti 116 u 119 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


64      Ara l-punti 118 sa 121 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


65      Ara wkoll il-punt 122 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


66      Qorti EDB, sentenzi tat-23 ta’ Ġunju 2009, Mustafa Erdoğan vs It‑Turkija (CE:ECHR:2009:0623JUD001708903) u tal-15 ta’ April 2014, Hasan Yazıcı vs It‑Turkija (CE:ECHR:2014:0527JUD000034604).


67      ĠU 2007, C 303, p. 22.


68      Qorti EDB, sentenza tal-15 ta’ April 2014, Hasan Yazıcı vs It-Turkija (CE:ECHR:2014:0527JUD000034604, punt 40).


69      Ara l-punti 136 sa 139 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


70      Sentenza tat-13 ta’ Novembru 2003, Neri (C‑153/02, EU:C:2003:614, punt 39).


71      Sentenzi tal-11 ta’ Lulju 2002, Gräbner (C‑294/00, EU:C:2002:442, punt 38) u tat-13 ta’ Novembru 2003, Neri (C‑153/02, EU:C:2003:614, punt 41).


72      Il-libertajiet fundamentali huma regoli speċifiċi ta’ nondiskriminazzjoni li għalhekk jipprekludu biss it-trattament differenti ta’ sitwazzjonijiet paragunabbli, ara s-sentenza tal-14 ta’ Frar 1995, Schumacker (C‑279/93, EU:C:1995:31, punt 30).


73      Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li interess fundamentali tas-soċjetà kien, pereżempju, il-prevenzjoni ta’ reati kriminali gravi, ara s-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2017, E (C‑193/16, EU:C:2017:542, punt 20).


74      Sentenzi tad-9 ta’ Marzu 1999, Centros (C‑212/97, EU:C:1999:126, punt 38) u tat-30 ta’ Settembru 2003, Inspire Art (C‑167/01, EU:C:2003:512, punt 97).


75      Ara biss is-sentenzi tad-9 ta’ Marzu 2017, Piringer (C‑342/15, EU:C:2017:196, punt 53) u tal-14 ta’ Novembru 2018, Memoria u Dall’Antonia (C‑342/17, EU:C:2018:906, punt 51).


76      Sentenzi tal-11 ta’ Settembru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-318/05, EU:C:2007:495, punt 69), tal-11 ta’ Settembru 2007, Schwarz u Gootjes-Schwarz (C‑76/05, EU:C:2007:492, punt 48) u tas-27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania (C-74/16, EU:C:2017:496, punt 48).


77      Sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2003, Schnitzer (C-215/01, EU:C:2003:662, punti 27 u 28).


78      Ara l-Kapitolu III tad-Direttiva dwar is-servizzi.


79      Ara, f’dan is-sens, dwar in-natura diskriminatorja, il-punt 158 imsemmi iktar ’il fuq ta’ dawn il-konklużjonijiet.


80      Ara, mutatis mutandis, il-punt 160 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


81      Ara, pereżempju, l-Artikoli 9(1) u (4), l-Artikoli 10(2) u l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva dwar is-servizzi.


82      Sentenzi tal-25 ta’ Lulju 1991, Collectieve Antennevoorziening Gouda (C‑288/89, EU:C:1991:323, punti 11 sa 13), tad-19 ta’ Lulju 2012, Garkalns (C-470/11, EU:C:2012:505, punt 37), kif ukoll tat-30 ta’ April 2014, Pfleger et (C-390/12, EU:C:2014:281, punt 43).


83      Fuq il-problema parallela magħmula fl-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar is-servizzi ara s-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2015, Rina Services et (C‑593/13, EU:C:2015:399, punt 40). Dwar l-argumenti, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawżi magħquda X u Visser (C‑360/15 u C‑31/16, EU:C:2017:397, punt 99 et seq.).


84      Sentenza tat-23 ta’ Frar 2016, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (C‑179/14, EU:C:2016:108, punt 118). Ara, b’analoġija, fir-rigward tar-relazzjoni bejn l-Artikolu 15 tad-Direttiva dwar is-servizzi u l-Artikolu 49 TFUE, is-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2018, Il‑Kummissjoni vs L-Ungerija (C‑171/17, EU:C:2018:881, punt 87).


85      F’din il-kawża, l-Artikolu 14(3) tal-Karta jieħu preċedenza, bħala lex specialis, fuq l-Artikolu 16 tal-Karta, ara f’dan ir-rigward iktar ’il fuq, il-punti 130 u 132 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


86      Ara f’dan ir-rigward, il-punti 170 sa 175 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


87      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2016, Daouidi (C‑395/15, EU:C:2016:917, punti 64 u 65). Ara wkoll is-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2016, Rendón Marín (C‑165/14, EU:C:2016:675, punt 66).


88      Dwar din il-kwistjoni, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe fil-kawżi magħquda SEGRO u Horváth (C‑52/16 u C‑113/16, EU:C:2017:410, punti 121 sa 142), kif ukoll fil-kawża Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (Drittijiet ta’ użufrutt fuq art agrikola) (C‑235/17, EU:C:2018:971, punti 64 sa 112).


89      Ara l-punti 133 u 147 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


90      Ara, f’dan ir-rigward, il-punti 134 u 148 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


91      Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 158 ta’ dawn il-konklużjonijiet u s-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2003, Inspire Art (C‑167/01, EU:C:2003:512, punt 97).


92      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Lulju 2019, Inter-Environnement Wallonie u Bond Beter Leefmier Vlaanderen (C‑411/17, EU:C:2019:622, punti 161, 162, 165 u 166).


93      Ara l-punti 106 kif ukoll 111 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


94      It-test tal-ftehim jiddefenixxi din tal-aħħar bħala “theddida ġenwina u serja biżżejjed tkun magħmula fuq wieħed mill-interessi fundamentali tas-soċjetá”.


95      Ara, mutatis mutandis, il-punt 160 kif ukoll il-punti 183 sa 188 ta’ dawn il-konklużjonijiet.