Appell ippreżentat fl-4 ta’ Jannar 2019 minn L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla Estiża) fl-24 ta’ Ottubru 2018 fil-Kawża T-447/16 – Pirelli Tyre vs EUIPO
(Kawża C-6/19)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellant: L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (rappreżentant: J. Ivanauskas, aġent)
Partijiet oħra fil-proċedura: Pirelli Tyre SpA, The Yokohama Rubber Co. Ltd
Talbiet
L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
tannulla s-sentenza appellata;
tikkundanna lil Pirelli Tyre SpA għall-ispejjeż sostnuti mill-EUIPO.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-EUIPO iqajjem aggravju wieħed li huwa l-ksur tal-Artikolu 7(1)(e)(iii) tar-Regolament Nru 40/94 1 .
Billi teħtieġ li jaqa’ taħt l-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 sinjal li juri parti minn prodott għandu jkun jirrappreżenta, kwantitattivament u kwalitattivament, parti sinjifikanti minn dak il-prodott, il-Qorti Ġenerali tinterpreta ħażin il-kundizzjonijiet għal din ir-raġuni għal rifjut;
Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod żbaljat li skanalatura waħda rrappreżentata fis-sinjal ikkontestat ma tistax twettaq funzjoni teknika fis-sens tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 għaliex fil-kanali tat-tajer din tidher f’kumbinazzjoni ma’ elementi oħra. L-ewwel nett, l-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 jeżiġi li jiġi eżaminat ir-riżultat tekniku milħuq mill-forma ta’ prodott irrappreżentata fis-sinjal inkwistjoni, u mhux ir-riżultat tekniku miksub mill-prodott fl-intier tiegħu. Fit-tieni lok, għall-finijiet tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 huwa irrelevanti jekk skanalaura waħda rrappreżentata fis-sinjal inkwistjoni tkunx ikkombinata ma’ elementi oħra ta’ tajer fejn tipproduċi minnha nfisha riżultat tekniku u tikkontribwixxi għall-funzjonalita ta’ tali kanali tat-tajer.
Il-Qorti Ġenerali ippreżumiet b’mod żbaljat li r-reġistrazzjoni ta’ skanalatura waħda rrappreżentata fis-sinjal inkwistjoni ma tistax tipprekludi lill-impriżi kompetituri tal-Pirelli milli joħolqu u jikkummerċjalizzaw tajers li jinkludu skanalaturi identiċi jew simili. Għalkemm il-kanali ta’ tajer huma magħmula minn kumbinazzjoni u interazzjoni ta’ diversi elementi, tal-inqas parti mill-pubbliku hija kapaċi tidentifika differenti tipi ta’ skanalaturi preżenti fil-kanali ta’ tajer.
____________
1 Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 ta’ l-20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146).