Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rīgas rajona tiesa (il-Latvja) fis-7 ta’ Jannar 2020 – Proċeduri kriminali kontra AB, CE, SIA “MM investīcijas”

(Kawża C-3/20)

Lingwa tal-kawża: il-Latvjan

Qorti tar-rinviju

Rīgas rajona tiesa

Partijiet fil-proċeduri kriminali nazzjonali

AB, CE, SIA “MM investīcijas”

Domandi preliminari

L-Artikolu 11(a) u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 22 tal-Protokoll (Nru 7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, japplikaw għall-kariga ta’ membru tal-Bord tal-Gvernaturi tal-Bank Ċentrali Ewropew, eżerċitata mill-gvernatur ta’ bank ċentrali ta’ Stat Membru, jiġifieri l-President tal-Bank tal-Latvja, AB?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, dawn id-dispożizzjonijiet ikomplu jiżguraw lil din il-persuna l-immunità kontra proċeduri kriminali anki wara li hija tkun telqet mill-pożizzjoni ta’ gvernatur tal-bank ċentrali ta’ Stat Membru u, għaldaqstant, mill-pożizzjoni ta’ membru tal-Bord tal-Gvernaturi tal-Bank Ċentrali Ewropew?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, din l-immunità tirrigwarda biss l-immunità “minn proċedimenti legali”, hekk kif jindika l-Artikolu 11(a) tal-Protokoll (Nru 7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, jew din testendi wkoll għall-proċeduri kriminali, inkluż għan-notifika tal-att ta’ akkuża u għall-kisba ta’ provi? Fil-każ li l-immunità tapplika għall-proċeduri kriminali, dan il-fatt jinfluwenza l-possibbiltà li jintużaw il-provi?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, l-Artikolu 11(a) tal-Protokoll (Nru 7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, moqri flimkien mal-Artikolu 17 tal-imsemmi protokoll, jippermetti lil min ikun responsabbli mill-proċeduri jew, fl-istadju korrispondenti tal-proċeduri, lill-Kulleġġ Ġudikanti jevalwa l-eżistenza ta’ interess tal-Unjoni Ewropea fil-kuntest tal-imsemmija proċeduri u, biss fil-każ li din l-eżistenza tiġi kkonstatata – jiġifieri jekk l-aġir inkriminat ta’ AB ikun marbut mal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu fi ħdan istituzzjoni tal-Unjoni Eworpea –, jitlob lill-istituzzjoni kkonċernata, jiġifieri lill-Bank Ċentrali Ewropew, tneħħi l-immunità ta’ din il-persuna?

L-eżistenza ta’ interess tal-Unjoni Ewropea, fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Protokoll (Nru 7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, għandha dejjem tkun direttament marbuta mad-deċiżjonijiet adottati jew mal-atti mwettqa fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet fi ħdan istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea? Fil-fatt, tali uffiċjal jista’ jkun is-suġġett ta’ att proċedurali kriminali jekk l-akkuża tiegħu ma tkunx marbuta mal-funzjonijiet tiegħu fi ħdan istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea iżda mal-attivitajiet eżerċitati fil-kuntest tal-funzjonijiet tiegħu fi ħdan Stat Membru?

____________