Language of document : ECLI:EU:C:2018:245

Kawża C-302/17

PPC Power a.s.

vs

Finančné riaditeľstvo Slovenskej republiky u Daňový úrad pre vybrané daňové subjekty

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Krajský súd v Bratislave)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 2003/87/KE – Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra – Għanijiet – Allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-kwoti ttrasferiti u mhux użati għal taxxa”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tat-12 ta’ April 2018

Ambjent – Tniġġis atmosferiku – Direttiva 2003/87 – Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra – Metodi ta’ allokazzjoni ta’ kwoti – Allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas – Prinċipju – Portata – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tintaxxa l-kwoti ttrasferiti u mhux użati sa 80 % tal-valur tagħhom – Inammissibbiltà

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/87, premessi 5 u 20 u Artikolu 1 u 10)

Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tintaxxa, sa 80 % tal-valur tagħhom, il-kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra allokati mingħajr ħlas li ġew mibjugħa jew li ma ntużawx mill-impriżi suġġetti għal skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra.

Għalhekk, billi telimina kważi l-valur ekonomiku kollu tal-kwoti ta’ emissjonijiet, din it-taxxa tammonta għal newtralizzazzjoni tal-mekkaniżmi ta’ inċentiv li fuqhom hija bbażata l-iskema tal-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet u, konsegwentement, biex telimina l-inċentivi intiżi sabiex jippromwovu t-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra. Għalhekk imċaħħda minn 80 % mill-valur ekonomiku tal-kwoti ta’ emissjonijiet, l-impriżi jitilfu kważi l-inċentiv kollu biex jinvestu f’miżuri ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet tagħhom, li jippermettilhom li jibbenefikaw mill-bejgħ tal-kwoti tagħhom mhux użati.

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li din it-taxxa għandha bħala effett li tinnewtralizza l-prinċipju tal-allokazzjoni mingħajr ħlas tal-kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra, previst fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/87, u li tippreġudika l-għanijiet segwiti minn din id-direttiva.

(ara l-punti 27-29 u d-dispożittiv)