Language of document : ECLI:EU:C:2014:2271

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

9 ta’ Ottubru 2014 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Sigurtà soċjali — Regolament (KEE) Nru 1408/71 — It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(2) — Assigurazzjoni għall-mard — Kura fl-isptar mogħtija fi Stat Membru ieħor — Rifjut ta’ awtorizzazzjoni minn qabel — Nuqqas ta’ mediċini u ta’ riżorsi mediċi bażiċi”

Fil-Kawża C‑268/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, ippreżentata mit-Tribunalul Sibiu (ir-Rumanija), b’deċiżjoni tas-7 ta’ Mejju 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Mejju 2013, fil-proċedura

Elena Petru

vs

Casa Judeţeană de Asigurări de Sănătate Sibiu,

Casa Naţională de Asigurări de Sănătate,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Ó Caoimh, C. Toader u E. Jarašiūnas (Relatur) u C. G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-26 ta’ Marzu 2014,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal E. Petru, minn R. Giura, avocat,

–        għal Casa Judeţeană de Asigurări de Sănătate Sibiu u għal Casa Naţională de Asigurări de Sănătate, minn F. Cioloboc u C. Fechete kif ukoll minn L. Bogdan, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Rumen, minn R.-I. Haţieganu u A.-L. Crişan kif ukoll R. H. Radu, bħala aġenti,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn J. Beeko, bħala aġent, assistita minn M. Gray, barrister,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Gheorghiu u D. Martin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-19 ta’ Ġunju 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, fil-verżjoni emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 592/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Ġunju 2008 (ĠU L 177, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71”).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, E. Petru u, min-naħa l-oħra l-Casa Judeţeană de Asigurări de Sănătate Sibiu (Fond reġjonali tal-assigurazzjoni għall-mard ta’ Sibiu) kif ukoll il-Casa Naţională de Asigurări de Sănătate (Fond nazzjonali tal-assigurazzjoni għall-mard) dwar is-suġġett ta’ kura fl-isptar mogħtija fil-Ġermanja li fir-rigward tagħha E. Petru titlob rimbors.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Ir-Regolament Nru 1408/71 jipprovdi fl-Artikolu 22 tiegħu, intitolat “Rimanenza barra l-Istat kompetenti — Ritorn lejn jew trasferiment ta’ residenza għall-Istat Membru ieħor waqt il-mard jew il-maternità — Bżonn ta’ mawra fi Stat Membru ieħor sabiex jirċievu l-kura neċessarja”, jistabbilixxi:

“1. Persuna impjegata jew li taħdem għal rasha li tissodisfa l-kondizzjonijiet tal-leġislazzjoni ta’ l-Istat kompetenti għall-intitolar tal-benefiċċji, billi tieħu inkonsiderazzjoni fejn suppost tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 18, u:

[...]

(ċ) li hija awtorizzata mill-istituzzjoni kompetenti biex tmur fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor biex hemmhekk tirċievi l-kura meħtieġa għall-kondizzjoni tagħha,

tkun intitolata:

i)      għall-benefiċċji b’xi mod [in natura] ipprovduti f’isem l-istituzzjoni kompetenti mill-istituzzjoni tal-post [...] skond id-dispożizzjonijiet tal-leġislazzjoni li hija tamministra, bħallikieku kienet assigurata magħha; it-tul tal-perjodu li matulu l-benefiċċji jkunu pprovduti jkun deċiż, però, mil-leġislazzjoni ta’ l-Istat kompetenti;

[...]

2.      [...]

L-awtorizzazzjoni meħtieġa taħt il-paragrafu 1(ċ) tista’ [ma tistax] tkun irrifjutata fejn il-kura inkwistjoni hija fost il-benefiċċji pprovduti mil-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu kienet residenti l-persuna kkonċernata u fejn hija ma tistax tingħata tali kura fiż-żmien normali neċessarju għall-ksib tal-kura inkwistjoni fl-Istat Membru tar-residenza waqt li tieħu inkonsiderazzjoni l-Istat ta’ saħħitha u l-kors probabbli tal-marda.

3.      Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi [...] 1 u 2 għandhom japplikaw b’analoġija għall-membri tal-familja tal-persuna impjegata jew li taħdem għal rasha.

[...]”

4        Abbażi tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72, tal-21 ta’ Marzu 1972, LI jistipula l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitoli 5, Vol. 1, p. 83), il-Kummissjoni Amministrattiva dwar is-Sigurtà Soċjali għall-Ħaddiema Migranti msemmija fl-Artikolu 80 tar-Regolament Nru 1408/71 adottat mudell għaċ-ċertifikat neċessarju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 22(1)(ċ)(i) ta’ dan l-aħħar regolament, jiġifieri l-Formola “E 112”.

 Id-dritt Rumen

5        L-Artikolu 208(3) tal-Liġi Nru 95/2006 dwar ir-riforma tas-sistema tas-saħħa (Legea nr. 95/2006 privind reforma în domeniul sănătăţii, Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 372, tat-28 ta’ April 2006) jipprovdi:

“L-assigurazzjoni għall-mard hija obbligatorja u topera bħala sistema unitarja. L-għanijiet previsti fil-paragrafu 2 għandhom jintlaħqu skont il-prinċipji segwenti:

a)      il-libertà tal-persuni assigurati li jagħżlu l-fondi ta’ assigurazzjoni tagħhom;

b)      is-solidarjetà u s-sussidjarjetà fil-ħolqien u fl-użu tal-fondi;

c)      il-libertà tal-persuni assigurati li jagħżlu bejn fornituri ta’ servizzi tas-saħħa, ta’ mediċini u ta’ tagħmir mediku skont din il-liġi u l-kuntratt qafas;

d)      id-deċentralizzazzjoni u l-awtonomija tal-amministrazzjoni u tal-ġestjoni;

e)      il-parteċipazzjoni obbligatorja għall-ħlas tal-kontribuzzjonijiet għall-benefiċċju tal-Fondi nazzjonali uniku tal-assigurazzjoni għall-mard;

f)      il-parteċipazzjoni tal-persuni assigurati, tal-Istat u tal-persuni li jimpjegaw fl-amministrazzjoni tal-Fondi nazzjonali uniku tal-assigurazzjoni għall-mard;

g)      id-dritt ta’ kull persuna assigurata li tibbenefika mis-servizzi tas-saħħa bażiċi, b’mod ġust u nondiskriminatorju;

h)      it-trasparenza fl-attivitajiet kollha tas-sistema tal-assigurazzjoni għall-mard;

i)      il-kompetizzjoni libera bejn il-fornituri li jikkonkludu kuntratti mal-fondi tal-assigurazzjoni għall-mard.”

6        Skont l-Artikolu 40(1)(b) tal-Anness tad-Digriet Nru 592/2008 tal-President tal-Fondi nazzjonali tal-assigurazzjoni għall-mard (Ordinul preşedintelui Casei Naţionale de Asigurări de Sănătate nr. 592/2008), tas-26 ta’ Awwissu 2008, li japprova r-regoli ta’ użu, fil-kuntest tal-iskema ta’ assigurazzjoni għall-mard Rumena, ta’ formoli pprovduti skont ir-Regolament Nru 1408/71 kif ukoll ir-Regolament Nru 574/72 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 648, tal-11 ta’ Settembru 2008), kif emendat bid-Digriet Nru 575/2009 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 312, tat-12 ta’ Mejju 2009 u r-rettifikattiv ippubblikat fil-Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 461, tat-3 ta’ Lulju 2009):

“Il-formola E 112 hija intiża għall-ħaddiema impjegati u għall-ħaddiema li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familja tagħhom li jkunu awtorizzati mill-istituzzjoni kompetenti jmorru fi Stat Membru ieħor sabiex jirċievu kura medika.”

7        L-Artikolu 40(3) tal-istess digriet jipprovdi:

“L-għoti tal-formola E 112 fil-każ previst fil-paragrafu 1(b) ma tistax tiġi rrifjutata mill-istituzzjoni kompetenti meta l-kura inkwistjoni hija fost il-benefiċċji pprovduti mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tirrisjedi l-persuna kkonċernata u meta, fid-dawl tal-istat ta’ saħħa attwali tiegħu u tal-iżvolġiment probabbli tal-marda, din il-kura ma tistax tingħatalu fl-Istat Membru ta’ residenza fiż-żmien normalment neċessarju sabiex jinkiseb it-trattament inkwistjoni”.

8        L-Artikolu 8(1) tal-Anness tad-Digriet Nru 729/2009 tal-Fondi nazzjonali tal-assigurazzjoni għall-mard li japprova r-regoli tar-rimbors u tal-irkupru tal-ispejjeż ta’ kura tas-saħħa pprovduti abbażi ta’ miżuri internazzjonali fil-qasam tas-saħħa li r-Rumanija hija parti minnhom (Ordinul nr. 729/2009 al Casei Naţionale a Asigurărilor de Sănătate pentru aprobarea Normelor metodologice privind rambursarea şi recuperarea cheltuielilor reprezentând asistenţa medicală acordată în baza documentelor internaţionale cu prevederi în domeniul sănătăţii la care România este parte), tas-17 ta’ Lulju 2009 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 545, tal-5 ta’ Awwissu 2009), jipprovdi:

“Jekk persuna assigurata skont l-iskema tal-assigurazzjoni għall-mard Rumena tmur fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea sabiex tirċievi trattament mediku mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel mill-Fondi tal-assigurazzjoni għall-mard li miegħu hija affiljata bħala persuna assigurata, hija għandha ssostni l-ispejjeż tas-servizzi mediċi pprovduti.”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

9        Mid-deċiżjoni ta’ rinviju jirriżulta li E. Petru ilha tbati għal diversi snin minn mard vaskulari serju. Matul is-sena 2007, hija sofriet infart mijokardjali li wassal sabiex tagħmel operazzjoni kirurġika. Matul is-sena 2009, l-istat ta’ saħħa tagħha mar għall-agħar u ddaħħlet l-Institutul de Boli Cardiovasculare (Istitut ta’ Mard Kardjovaskulari) ta’ Timișoara (ir-Rumanija). L-eżamijiet mediċi li hija għamlet hemmhekk wasslu għad-deċiżjoni li ssirilha operazzjoni bil-qalb miftuħa sabiex jiġi ssostitwit il-valv mitrali u jiddaħħlu żewġ “stents”.

10      Peress li qieset li l-kundizzjonijiet fiżiċi ta’ dan l-istabbiliment ta’ sptar kienu insodisfaċenti għal tali intervent kirurġiku, E. Petru ddeċidiet li tmur fi klinika fil-Ġermanja, fejn sar tali intervent. L-ispiża ta’ dan tal-aħħar u l-ispejjeż tal-isptar wara l-operazzjoni ammontaw għas-somma ta’ EUR 17 714.70.

11      Qabel marret il-Ġermanja, E. Petru kienet talbet il-Casa Judeţeană de Asigurări de Sănătate Sibiu tkopri l-ispejjeż ta’ dan l-intervent abbażi tal-formola E 112. It-talba tagħha, irreġistrata fit-2 ta’ Marzu 2009, ġiet miċħuda abbażi tal-fatt li mir-rapport tat-tabib ġenerali ma kienx jirriżulta li s-servizz mitlub, li jagħmel parti mis-servizzi bażiċi, ma setax jiġi pprovdut fi stabbiliment mediku fir-Rumanija, u dan fi żmien raġonevoli fid-dawl tal-istat ta’ saħħa attwali tagħha u tal-iżvolġiment tal-marda tagħha.

12      Fit-2 ta’ Novembru 2011, E. Petru ressqet proċeduri ċivili kontra l-Casa Judeţeană de Asigurări de Sănătate Sibiu u l-Casa Naţională de Asigurări de Sănătate fejn sostniet li dawn għandhom iħallsuha l-ammont ekwiparabbli ta’ EUR 17 714.70 bħala danni. Hija rrilevat, insostenn ta’ din it-talba, li l-kundizzjonijiet tal-isptar tal-Institutul de Boli Cardiovasculare f’Timișoara kienu partikolarment insodisfaċenti; b’nuqqas ta’ mediċini u riżorsi mediċi bażiċi u numru insuffiċjenti ta’ sodod, u li kien minħabba l-kumplessità tal-intervent previst kif ukoll il-kundizzjonijiet prekarji li hija ddeċidiet li titlaq minn dan l-istitut u tmur fi klinika ġewwa l-Ġermanja.

13      Peress li l-qorti tal-ewwel istanza ċaħdet ir-rikors tagħha permezz tas-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2012, E. Petru ppreżentat appell minn din is-sentenza quddiem it-Tribunalul Sibiu (qorti reġjonali ta’ Sibiu).

14      Insostenn ta’ dan l-appell, E. Petru invokat l-Artikolu 208(3) tal-Liġi Nru 95/2006, l-Artikolu 22(1)(c), u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 1408/71 kif ukoll il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

15      Il-konvenuti fil-kawża prinċipali jsostnu li l-appell għandu jiġi miċħud peress li E. Petru ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-għoti tal-formola E 112, fid-dawl tal-fatt li ma kinitx ipprovat li kien ikun impossibbli għaliha li tibbenefika mis-servizz mediku inkwistjoni fir-Rumanija fi żmien raġonevoli. Huma jinvokaw id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nru 1408/71 u 574/72, tal-Liġi Nru 95/2006 u tad-Digriet Nru 592/2008, kif emendat bid-Digriet Nru 575/2009, kif ukoll l-Artikolu 8 tad-Digriet Nru 729/2009.

16      Il-qorti tar-rinviju tesponi li l-partijiet fil-kawża prinċipali ma jaqblux dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali u tad-dritt tal-Unjoni applikabbli għat-tilwima quddiemha u li s-soluzzjoni tagħha tiddependi mill-interpretazzjoni tal-Artikolu 22 tar-Regolament 1408/71.

17      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunalul Sibiu ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“Fid-dawl tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(2) tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71, ir-rekwiżit li l-persuna [assigurata] ma tkunx tista’ tirċievi kura fil-pajjiż ta’ residenza tagħha għandu jiġi interpretat b’mod kategoriku jew b’mod raġonevoli; jiġifieri, meta, għalkemm il-kirurġija meħtieġa tkun tista’, f’termini tekniċi, titwettaq fil-ħin fil-pajjiż ta’ residenza — fis-sens li jeżistu l-ispeċjalisti meħtieġa u huma għandhom l-istess livell ta’ għarfien speċjalistiku bħal dawk barra mill-pajjiż — in-nuqqas ta’ prodotti mediċinali u ta’ materjal mediku bażiku jimplika li tali sitwazzjoni tista’, għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni, tiġi assimilata għal sitwazzjoni fejn il-kura medika meħtieġa ma tkunx tista’ tiġi pprovduta?”

 Fuq id-domanda preliminari

 Fuq l-ammissibbiltà

18      Filwaqt li jfakkar li hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddefinixxi, fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-kuntest fattwali li fih jinsabu d-domandi li hija qiegħda tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Rumen josserva li, fil-każ ineżami, il-qorti tar-rinviju ma esponietx il-fatti tal-kawża prinċipali kif stabbiliti bil-provi prodotti quddiemha, iżda sempliċement tenniet id-dikjarazzjonijiet tal-partijiet. Madankollu, skont il-Casa Judeţeană de Asigurări de Sănătate Sibiu u l-Casa Naţională de Asigurări de Sănătate, il-fatti allegati minn E. Petru dwar in-nuqqas ta’ mediċini u ta’ riżorsi mediċi bażiċi, li jsejsu d-domanda magħmula, huma kontradetti minn din il-prova, b’mod li din id-domanda ma għandha ebda rilevanza għas-soluzzjoni tal-imsemmija tilwima.

19      Barra minn hekk, il-Gvern Rumen jirrileva li l-qorti tar-rinviju ma spjegatx ir-raġunijiet li għalihom hija kkunsidrat li risposta għad-domanda tagħha hija neċessarja għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali.

20      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qrati nazzjonali l-aspetti ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma neċessarji għalihom sabiex jagħtu deċiżjoni fil-kawżi li jkunu tressqu quddiemhom (sentenzi Geistbeck, C‑509/10, EU:C:2012:416, punt 47, u Impacto Azul, C‑186/12, EU:C:2013:412, punt 26).

21      Fil-kuntest ta’ din il-kooperazzjoni, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha tressqet il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża pendenti quddiemha, kemm in-neċessità għal deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Bosman, C‑415/93, EU:C:1995:463, punt 59, u Confederación Española de Empresarios de Estaciones de Servicio, C‑217/05, EU:C:2006:784, punt 16).

22      Sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tipprovdi interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li hija utli għall-qorti nazzjonali, l-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jipprovdi li t-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tinkludi, b’mod partikolari, sommarju tas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, kif ukoll tal-fatti rilevanti, kif ġew ikkonstatati mill-qorti tar-rinviju, jew, minn tal-inqas, deskrizzjoni tal-fatti li fuqhom huma bbażati d-domandi, kif ukoll deskrizzjoni tar-raġunijiet li wasslu lill-imsemmija qorti tistaqsi dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll tar-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fil-kawża prinċipali.

23      Peress li d-domandi li jikkonċernaw id-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali biss meta jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda relazzjoni mal-fatti attwali jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema hija ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ dritt neċessarji sabiex tirrispondi b’mod xieraq għad-domandi magħmula lilha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Cipolla et, C‑94/04 u C‑202/04, EU:C:2006:758, punt 25, u Chartered Institute of Patent Attorneys, C‑307/10, EU:C:2012:361, punt 32).

24      Dan ma huwiex il-każ fil-kawża ineżami.

25      Fil-fatt, minn naħa, fir-rigward tal-fatti tal-kawża prinċipali, id-deċiżjoni tar-rinviju tinkludi, fit-titolu “Ir-rikors promotur”, deskrizzjoni tal-allegazzjonijiet ta’ E. Petru u, fit-titolu “Il-fatti”, deskrizzjoni tal-fatti deskritti fil-qosor fil-punti 9 sa 11 tas-sentenza preżenti. Għaldaqstant, għalkemm il-qorti tar-rinviju ma tiddeċidiex f’din id-deċiżjoni dwar il-provi prodotti mill-partijiet sabiex tistabbilixxi jew tirrifjuta dawn l-allegazzjonijiet u ma tikkonstatax, f’dan l-istadju tal-proċeduri, nuqqas ta’ mediċini u riżorsi mediċi bażiċi, hija tispjega, minn tal-inqas, il-fatti li fuqhom hija bbażata din id-domanda.

26      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tar-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 1408/71, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, peress li l-partijiet fil-kawża prinċipali ma jaqblux dwar l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, l-imsemmija qorti tistaqsi dwar jekk din tapplikax meta l-impossibbiltà li tingħata kura fl-Istat Membru ta’ residenza tirriżulta minn nuqqas ta’ mediċini u ta’ riżorsi mediċi bażiċi u meta l-imsemmija qorti tqis li s-soluzzjoni li għandha tingħata fil-kawża prinċipali tiddependi mir-risposta għal din id-domanda.

27      Konsegwentement, l-interpretazzjoni mitluba ma hijiex manifestament nieqsa minn kull rabta mal-fatti tal-kawża jew mas-suġġett tat-tilwima u l-problema mqajma ma hijiex ipotetika, iżda tirrelata mal-fatti diskussi mill-partijiet fil-kawża prinċipali li għandhom jiġu ddeterminati mill-qorti tar-rinviju. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-informazzjoni neċessarja sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domanda magħmula.

28      Isegwi li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

 Fuq il-mertu

29      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 1408/71 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-awtorizzazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 22(1)(c)(i) ma tistax tiġi rrifjutata meta jkun minħabba nuqqas ta’ mediċini jew ta’ riżorsi mediċi bażiċi li l-kura fl-isptar ma tistax tiġi pprovduta fi żmien raġonevoli fl-Istat Membru ta’ residenza tal-persuna assigurata.

30      Għandu jitfakkar li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 1408/71 jipprovdi żewġ kundizzjonijiet li, ladarba ssodisfatti, irendu obbligatorju l-għoti, mill-istituzzjoni kompetenti, ta’ awtorizzazzjoni minn qabel li tkun intalbet abbażi tal-Artikolu 22(1)(c)(i). L-ewwel kundizzjoni teżiġi li l-kura inkwistjoni tkun fost is-servizzi pprovduti mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tirrisjedi l-persuna assigurata. It-tieni kundizzjoni teħtieġ li l-kura li din tal-aħħar tkun beħsiebha tirċievi fi Stat Membru ieħor għajr dak tat-territorju fejn tirrisjedi ma tistax, fid-dawl tal-istat ta’ saħħa attwali tagħha u tal-iżvolġiment tal-marda tagħha, tingħatalha fi żmien normalment neċessarju sabiex jinkiseb it-trattament inkwistjoni fl-Istat Membru ta’ residenza tal-persuna assigurata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Elchinov, C‑173/09, EU:C:2010:581, punti 53 u 54 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

31      Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, li tikkonċerna d-domanda preliminari preżenti, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-awtorizzazzjoni meħtieġa ma tistax tiġi rrifjutata meta trattament identiku jew li huwa daqstant effiċjenti ma jistax jinkiseb fi żmien xieraq fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tirrisjedi l-persuna kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Inizan, C‑56/01, EU:C:2003:578, punti 45 u 60; Watts, C‑372/04, EU:C:2006:325, punt 61, u Elchinov, EU:C:2010:581, punt 65).

32      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, sabiex jiġi evalwat jekk trattament li huwa daqstant effiċjenti jistax jingħata fi żmien xieraq fl-Istat Membru ta’ residenza, l-istituzzjoni kompetenti għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha li jikkaratterizzaw kull każ konkret, billi tieħu inkunsiderazzjoni b’mod xieraq, mhux biss is-sitwazzjoni medika tal-pazjent meta tintalab l-awtorizzazzjoni u, jekk ikun il-każ, il-livell ta’ uġigħ jew in-natura tad-diżabbiltà ta’ dan tal-aħħar, li tista’, pereżempju, trendi impossibbli jew diffiċli wisq għalih li jeżerċita attività professjonali, iżda wkoll l-istorja medika ta’ dan tal-aħħar (sentenzi Inizan, EU:C:2003:578, punt 46; Watts, EU:C:2006:325, punt 62, u Elchinov, EU:C:2010:581, punt 66).

33      Fost iċ-ċirkustanzi kollha li l-istituzzjoni kompetenti hija meħtieġa tieħu inkunsiderazzjoni jista’ jkun hemm, f’każ konkret, nuqqas ta’ mediċini u ta’ riżorsi mediċi bażiċi, bħal dak allegat fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 25 tal-konklużjonijiet tiegħu, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 1408/71 ma jagħmilx distinzjoni bejn ir-raġunijiet li għalihom servizz partikolari ma jistax jingħata fi żmien xieraq. Madankollu, huwa minnu li tali nuqqas ta’ mediċini u ta’ riżorsi mediċi bażiċi, bħall-assenza ta’ tagħmir speċifiku jew ta’ kompetenzi speċjalizzati, irendi impossibbli l-għoti ta’ kura identika jew daqstant effiċjenti fi żmien xieraq fl-Istat Membru ta’ residenza.

34      Madankollu, kif isostnu l-Gvernijiet tar-Rumanija u tar-Renju Unit, kif ukoll il-Kummissjoni, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 31 tas-sentenza preżenti jirriżulta li din l-impossibbiltà għandha tiġi evalwata, minn naħa, b’referenza għall-istabbilimenti ta’ sptar fl-Istat Membru ta’ residenza li jistgħu jipprovdu l-kura inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, b’referenza għall-perijodu li fih it-trattament jista’ jinkiseb fi żmien xieraq.

35      Fir-rigward tal-kawża prinċipali, il-Gvern tar-Rumanija josserva li E. Petru kellha d-dritt tikkuntattja kwalunkwe stabbiliment ta’ kura fir-Rumanija li kellu t-tagħmir neċessarju sabiex iwettaq l-intervent li hija kellha bżonn. Huwa jirrileva wkoll, bħall-konvenuti fil-kawża prinċipali, li r-rapport tat-tabib ġenerali kien jindika li dan l-intervent kellu jsir f’terminu ta’ tliet xhur. Għalhekk, jekk il-fatti allegati minn E. Petru rigward in-nuqqas ta’ mediċini u ta’ riżorsi mediċi bażiċi fl-Institutul de Boli Cardiovasculare f’Timișoara jiġu kkonstatati, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk dan l-intervent setax jitwettaq f’dan it-terminu fi stabbiliment ta’ sptar ieħor fir-Rumanija.

36      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula għandha tkun li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 1408/71 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtorizzazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 22(1)(c)(i) tal-istess regolament ma tistax tiġi rrifjutata meta jkun minħabba nuqqas ta’ mediċini u ta’ riżorsi mediċi bażiċi li l-kura fl-isptar inkwistjoni ma tistax tingħata fi żmien xieraq fl-Istat Membru ta’ residenza tal-persuna assigurata. Din l-impossibbiltà għandha tiġi evalwata b’referenza għall-istabbilimenti ta’ sptar kollha fl-Istat Membru ta’ residenza li jistgħu jipprovdu l-kura inkwistjoni u b’referenza għall-perijodu li fih it-trattament jista’ jinkiseb fi żmien xieraq.

 Fuq l-ispejjeż

37      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, fil-verżjoni emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 592/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Ġunju 2008, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtorizzazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 22(1)(ċ)(i) tal-istess regolament ma tistax tiġi rrifjutata meta jkun minħabba nuqqas ta’ mediċini u ta’ riżorsi mediċi bażiċi li l-kura fl-isptar inkwistjoni ma tistax tingħata fi żmien xieraq fl-Istat Membru ta’ residenza tal-persuna assigurata. Din l-impossibbiltà għandha tiġi evalwata b’referenza għall-istabbilimenti ta’ sptar kollha fl-Istat Membru ta’ residenza li jistgħu jipprovdu l-kura inkwistjoni u b’referenza għall-perijodu li fih it-trattament jista’ jinkiseb fi żmien xieraq.

Firem


* Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.