Language of document : ECLI:EU:C:2016:73

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SAUGMANDSGAARD ØE

ppreżentati fl-4 ta’ Frar 2016 (1)

Kawża C‑481/14

Jørn Hansson

vs

Jungpflanzen Grünewald GmbH

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberlandesgericht Düsseldorf (qorti reġjonali superjuri ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja)]

“Rinviju preliminari – Proprjetà intellettwali u industrijali – Drittijiet Komunitarji ta’ varjetajiet ta’ pjanti – Ksur – Regolament (KE) Nru 2100/94 – Artikolu 94 – Kumpens raġonevoli – Kumpens għad-dannu mġarrab mill-detentur – Vantaġġ miksub mill-persuna li wettqet il-ksur – Artikolu 97 – Applikazzjoni komplementari tad-dritt nazzjonali – Direttiva 2004/48/KE – Artikolu 2(1) – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 13 – Danni – Ammont fil-forma ta’ somma f’daqqa – Tariffa ipotetika – Benefiċċji miksuba mill-persuna li wettqet il-ksur – Artikolu 14 –

Rimbors tal-ispejjeż legali u spejjeż oħra”





I –    Introduzzjoni

1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 94 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94, tas-27 ta’ Lulju 1994, dwar drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità (2) kif ukoll tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (3).

2.        Din it-talba qed issir fil-kuntest ta’ tilwima bejn J. Hansson, id-detentur ta’ dritt Komunitarju ta’ varjetà ta’ pjanta li tikkonċerna tip partikolari ta’ margerita, u l-kumpannija Jungpflanzen Grünewald GmbH (iktar ’il quddiem “Jungpflanzen Grünewald”) fir-rigward tal-kumpens għad-dannu li allegatament ġarrab minħabba d-distribuzzjoni mhux awtorizzata ta’ din il-varjetà.

3.        L-Oberlandesgericht Düsseldorf (qorti reġjonali superjuri ta’ Düsseldorf) qed tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja kemm dwar il-firxa tal-kumpens għad-dannu li għalih huwa intitolat id-detentur leż minħabba ksur tad-dritt tiegħu Komunitarju tal-varjetà ta’ pjanta, kif ukoll dwar il-metodi li għandhom jintużaw għall-kalkolu ta’ dan id-dannu u konsegwentement tal-kumpens.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Ir-Regolament 2100/94

4.        Ir-Regolament 2100/94 jistabbilixxi, fl-Artikolu 13(2) tiegħu, l-atti li ma jistgħux jitwettqu mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-dritt Komunitarju tal-varjetajiet ta’ pjanti, fosthom, b’mod partikolari, il-produzzjoni, ir-riproduzzjoni u tqegħid fis-suq tal-varjetà protetta.

5.        It-twettiq mhux awtorizzat ta’ dawn l-atti jikkostitwixxi ksur fis-sens tal-Artikolu 94 ta’ dan ir-regolament, li jipprovdi:

“1.      Kull min:

a)      jafftwa [iwettaq] xi wieħed mill-atti stabbiliti fl-Artikolu 13(2) mingħajr ma jkun intitolat biex jagħmel dan, dwar varjetà li għaliha ikun ingħata dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti;

jew

b)      iħalli barra l-użu korrett ta’ denominazzjoni ta’ varjetà li għaliha jirreferi l-Artikolu 17(1) jew iħalli barra t-tagħrif relevanti li għalih jirreferi l-Artikolu 17(2);

jew

ċ)      kuntrarju għall-Artikolu 18(3) juża d-denominazzjoni ta’ varjetà li għaliha jkun ingħata dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti jew deskrizzjoni li tista’ titħallat magħha, jista’ jiġi mħarrek mid-detentur biex jordna t-tneħħija ta’ dak il-ksur tal-liġi jew biex iħallas kumpens raġonevoli jew it-tnejn jista’ jiġi mħarrek mid-detentur biex jordna t-tneħħija ta’ dak il-ksur tal-liġi jew biex iħallas kumpens raġonevoli jew it-tnejn.

2.      Kull min jaġixxi intenzjonalment jew b’mod traskurat għandu b’żieda jkun suġġett li jikkumpensa lid-detentur għal kull ħsara li tirriżulta minn dak l-att in kwistjoni. Fil-każi ta’ negliġenza ħafifa, dawk il-pretensjonijiet jistgħu jitnaqqsu skont il-grad ta’ dik in-negliġenza ħafifa, b’dan iżda mhux sal-limitu li jkunu anqas mill-vantaġġ mirbuħ minnhom mill-persuna li jkun għamel dak il-ksur.”

6.        L-Artikolu 97 tal-imsemmi regolament, intitolat “Applikazzjoni supplimentari tal-liġi nazzjonali dwar ksur tal-liġi”, huwa redatt kif ġej:

“1. Meta l-parti responsabbli skond l-Artikolu 94 tkun, minħabba dak il-ksur ta’ liġi, għamlet xi gwadann b’detriment tad-detentur jew tal-persuna ntitolata għad-drittijiet ta’ l-esplojtazzjoni, il-qrati kompetenti bis-saħħa ta’ l-Artikoli 101 jew 102 għandhom japplikaw il-liġi nazzjonali tagħhom, inkluża l-liġi privata internazzjonali, f’dak li jirrigwarda r-restituzzjoni.

2. Il-paragrafu 1 għandu japplika wkoll fir-rigward ta’ pretensjonijiet oħra li jistgħu jinqalgħu dwar l-esekuzzjoni jew l-ommissjoni ta’ l-atti skond l-Artikolu 95 fiż-żmien bejn il-pubblikazzjoni ta’ l-applikazzjoni għall-għoti ta’ dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti u l-ħelsien tat-talba.

3. F’kull każ ieħor l-effetti tad-drittijiet tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti għandu jkun determinat unikament skond dan ir-Regolament.”

7.        Għal dak li għandu x’jaqsam mar-regoli proċedurali, l-Artikolu 103 tal-istess regolament jipprevedi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Istat Membru tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni, li jirregolaw l-istess tip ta’ kawżi relatati mad-drittijiet ta’ proprjetà nazzjonali korrispondenti.

8.        Skont l-Artikolu 107 tar-Regolament 2100/94, “[l]-istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa kollha sabiex jassiguraw li l-istess pożizzjonijiet jintgħamlu applikabbli biex jippenalizzaw ksur tal-liġi tad-drittijiet tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti kif applikabbli fil-każ ta’ ksur tad-drittijiet nazzjonali korrispondenti”.

B –    Id-Direttiva 2004/48

9.        Skont il-premessa 10 tad-Direttiva 2004/48, din tal-aħħar għandha l-għan “li tqarreb is-sistemi leġislattivi [tal-Istati Membri] sabiex tassigura livell ta’ protezzjoni għoli, ekwivalenti u omoġenju fis-suq intern”.

10.      Il-premessa 26 ta’ din id-direttiva tippreċiża:

“Bl-għan li jsir kumpens għall-preġudizzju soffret riżultat tal-kontravvenzjoni kommessa mill-kontravventur li daħal f’attività b’mod konxju jew b’raġunijiet validi li suppost kien jaf, li din twassal għal din il-kontravvenzjoni, l-ammont ta’ ħsara konċessa lid-detentur tad-drittijiet għandha tikkunsidra l-aspetti xierqa kollha, bħal telf ta’ qligħ tad-detentur tad-drittijiet jew profitti mhux ġusti magħmula mill-kontravventur u, fejn hu xieraq, xi preġudizzju morali kkawżat lid-detentur tad-drittijiet. Bħala alternattiva, per eżempju fejn huwa diffiċli biex jiġi determinat l-ammont ta’ preġudizzju attwali soffert, l-ammont ta’ ħsara tista’ tiġi minn elementi bħalma huma royalties u ħlasijiet li ikunu jridu jitħallsu kieku l-kontravventur talab awtoriżazzjoni biex uża d-dritt tal-proprjetà intellettwali in kwestjoni. L-għan huwa li ma tiġix introdotta obbligazzjoni biex tipprovdi għall-ħsara punitiva imma biex tħalli għall-kumpens ibbażat fuq kriterji oġġettivi waqt li tikkunsidra l-ispejjeż maħluqa lid-detentur tad-drittijiet, bħal spejjeż ta’ identifikazzjoni u riċerka.”

11.      L-Artikolu 2(1) tal-imsemmija direttiva, intitolat “Firxa ta’ applikazzjoni”, jistabbilixxi:

“Mingħajr preġudizzju għall-mezzi li huma jew li jistgħu jiġu pprovduti fil-Komunità jew fil-leġislazzjoni nazzjonali, sakemm dawk il-mezzi jistgħu ikunu aktar favorevoli għall-proprjetarji tad-drittijiet, il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji provduti b’din id-Direttiva għandhom japplikaw, skond l-Artikolu 3, għal kull kontravvenzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali provduti bil-liġijiet tal-Komunità u/jew bil-liġijiet ta’ l-Istat Membru konċernat.”

12.      Skont l-Artikolu 3(2) tal-istess direttiva, il-miżuri, proċeduri u rimedji stabbiliti mill-Istati Membri għandhom ikunu “effetttivi, proporzjonati u dissważivi”.

13.      L-Artikolu 13 tad-Direttiva 2004/48 jistabbilixxi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti, fuq l-applikazzjoni tal-parti li sarulha d-danni, jordnaw lill-kontravventur li kien jaf jew b’raġunijiet validi li suppost kien jaf, daħal f’attività li tikkontravjeni, biex iħallas id-danni lid-detentur tad-dritt skond il-preġudizzju attwali soffert minnu/minnha riżultat tal-kontravvenzjoni.

Meta l-awtoritajiet ġudizzjarji jiffissaw id-danni:

a)      għandhom jikkunsidraw l-aspetti xierqa kollha, bħall-konsegwenzi negattivi ekonomiċi, li jinkludu qliegħ mitluf, li l-parti li sarulha d-danni, xi profitti inġusti li saru mill-kontravventur u, f’każijiet xierqa, elementi barra fatturi ekonomiċi, bħall-preġudizzju morali ikkawżat lid-detentur tad-dritt bil-kontravvenzjoni,

jew

b)      bħala alternattiva għall-(a), huma jistgħu, f’każijiet xierqa, jistabbilixxu d-danni bħala somma waħda fuq bażi ta’ l-elementi bħal għall-inqas l-ammont ta’ royalties jew ħlasijiet li kieku riedu jitħallsu jekk il-kontravventur talab l-awtoriżazzjoni biex juża’ id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali in kwestjoni.

2.      Fejn il-kontravventur daħal f’attività li tikkontravjenu, u ma kiex jaf jew kien jaf imma kellu raġjunijiet validi, l-Istati Membri jistgħu jistipulaw li l-awtoritajiet ġudizzjarji jistgħu jordnaw li jiġu rkuprati l-profitti jew il-pagament tad-danni, li jistgħu jkunu stabbiliti minn qabel.”

14.      Skont l-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva, “[l]-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-ispejjeż legali u spejjeż oħra raġjonevoli u proprozjonati mħallsa mill-parti rebbieħa, bħala regola ġenerali, ikunu mħallsa mill-parti li tkun tilfet, sakemm jkun [hemm] ekwità”.

III – It-tilwima fil-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

15.      J. Hansson huwa d-detentur tad-dritt Komunitarju ta’ varjetà ta’ pjanta EU 4282, iġġib l-isem “Lemon Symphony” u li tappartjeni lill-ispeċi ta’ Margeriti tal-Cape. Matul is-snin 2002 sa 2009, Jungpflanzen Grünewald iddistribwixxa, mingħajr l-awtorizzazzjoni ta’ J. Hansson, fjuri ta’ din l-ispeċi taħt l-isem ta’ “Summerdaisy’s Alexander”.

16.      Filwaqt li allega l-eżistenza tal-ksur tal-varjetà protetta, J. Hansson talab lil-Landgericht Düsseldorf (qorti reġjonali superjuri ta’ Düsseldorf) sabiex tipprojbixxi din l-attività permezz ta’ miżuri provviżorji. Kemm din il-qorti kif ukoll l-Oberlandesgericht Düsseldorf (qorti reġjonali superjuri ta’ Düsseldorf), fl-appell, ċaħdu din it-talba, għar-raġuni li J. Hansson naqas milli jistabbilixxi b’mod suffiċjenti, ksur prima facie. Dan tal-aħħar ġie kkundannat għall-ħlas tal-ispejjeż taż-żewġ istanzi fir-rigward tal-miżuri provviżorji.

17.      Fil-kuntest tal-proċedura fil-mertu sussegwenti, il-Bundesgerichtshof (qorti federali tal-ġustizzja) ikkonstatat il-ksur b’mod definittiv.

18.      J. Hansson irrikorra mill-ġdid għand il-Landgericht Düsseldorf (qorti reġjonali ta’ Düsseldorf) sabiex jitlob il-kumpens għad-dannu li huwa jasserixxi illi ġarrab minħabba dan il-ksur. Huwa talab, f’dan ir-rigward, il-ħlas:

–        ta’ ammont ta’ EUR 66 231.74, li jirriżulta mill-multiplikazzjoni tar-rati tat-tariffa stabbiliti fil-kuntest tal-ftehim tal-liċenzja għall-varjetà protetta, bin-numru ta’ fjuri ta’ din il-varjetà li ġew mibjugħa mill-konvenuta fil-kawża prinċipali matul is-snin 2002 sa 2009;

–        ta’ ammont ta’ EUR 33 115.89, li huwa ekwivalenti għan-nofs l-ewwel ammont, skont is-“suppliment għall-ksur”, li l-għan tiegħu huwa li jieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi tal-kawża u li jiġi evitat li l-persuna li wettqet il-ksur ma tkunx vantaġġata meta mqabbla mal-persuni liċenzjati;

–        ta’ ammont ta’ EUR 6 067.35, maħsub li jagħmel tajjeb għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar sabiex jattendi għal-laqgħat mal-avukat tiegħu, kif ukoll għall-ħin tal-ivvjaġġar u għat-tħejjija tal-fajl; u

–        tal-interessi moratorji relatati ma’ dawn it-tliet ammonti.

19.      Il-Landgericht Düsseldorf (qorti reġjonali ta’ Düsseldorf) ikkundannat lill-konvenuta fil-kawża prinċipali għall-ħlas tal-ewwel wieħed minn dawn l-ammonti, flimkien mal-interessi moratorji. Din il-qorti, min-naħa l-oħra, irrifjutat li żżid, ma’ dan l-ammont, is-“suppliment għall-ksur”, peress li qieset li dan is-suppliment kien ikollu natura punittiva li la hija rrikonoxxuta mir-Regolament Nru 2100/94, la mid-Direttiva 2004/48, kif ukoll lanqas mid-dritt nazzjonali. Hija ċaħdet ukoll it-talba relatata mal-kumpens għall-ispejjeż l-oħra u għall-ħin li investa J. Hansson. F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti enfasizzat, b’mod partikolari, li d-doveri mwettqa personalment mill-parti fil-kawża għat-tħejjija tal-istess, ma jagħtux, fil-prinċipju, lok għall-ħlas, la fil-kuntest tal-proċedura għat-tassazzjoni tal-ispejjeż u lanqas abbażi tal-Artikolu 94(2) tar-Regolament 2100/94.

20.      Iż-żewġ partijiet ippreżentaw appell minn din is-sentenza quddiem l-Oberlandesgericht Düsseldorf (qorti reġjonali superjuri ta’ Düsseldorf). Huma qed jikkontestaw, essenzjalment, l-evalwazzjoni, magħmula fl-ewwel istanza, tal-ammont li J. Hansson għandu dritt li jitħallas skont l-Artikolu 94(1) u (2) ta’ dan ir-regolament.

21.      Dan tal-aħħar isostni, b’mod partikolari, li huwa b’mod żbaljat li l-Landgericht Düsseldorf (qorti reġjonali ta’ Düsseldorf) ikkalkolat il-kumpens raġonevoli msemmi fl-Artikolu 94(1) abbażi biss tat-tariffa kurrenti miftiehma fil-kuntest tal-ftehim għal-liċenzja fir-rigward tal-varjetà protetta, meta kien hemm għadd ta’ ċirkustanzi li setgħu jiġġustifikaw li mat-tariffa jiżdied is-suppliment. Sussidjarjament J. Hansson isostni li abbażi tat-tieni paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni, huwa għandu dritt mhux biss għall-ħlas tal-kumpens raġonevoli stabbilit skont din it-tariffa, iżda wkoll għar-restituzzjoni tal-benefiċċji miksuba mill-persuna li wettqet il-ksur, li jammontaw għal EUR 66 703.14.

22.      Jungpflanzen Grünewald tikkontesta, min-naħa tagħha, in-natura kurrenti tar-rati tat-tariffa, li abbażi tagħhom il-qorti tal-prim’istanza kkalkolat il-kumpens raġonevoli fis-sens tal-Artikolu 94(1) tar-Regolament 2100/94. Barra minn hekk, hija ssostni, bħala risposta għall-argumenti invokati mir-rikorrent fil-kawża prinċipali insostenn tal-appell tiegħu, li l-qorti tar-rinviju ma tistax, għall-finijiet tal-kalkolu ta’ dan il-kumpens raġonevoli, iżżid, mar-rata kurrenti għall-produzzjoni bil-liċenzja, suppliment fil-forma ta’ somma f’daqqa. Hija tikkontesta wkoll ċertu numru ta’ ċirkustanzi invokati minn J. Hansson insostenn tat-talba tiegħu għaż-żieda tal-imsemmija tariffa.

23.      Il-konvenuta fil-kawża prinċipali ssostni, barra minn hekk, li l-attivitajiet li jikkostitwixxu l-ksur ma twettqux b’mala fide u l-iktar li setgħet ikkommettiet kien nuqqas ħafif. Fid-deċiżjoni tagħha tar-rinviju, l-Oberlandesgericht Düsseldorf tippreċiża madankollu li tqis li din tal-aħħar aġixxiet b’mala fide.

24.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberlandesgericht Düsseldorf (qorti reġjonali superjuri ta’ Düsseldorf) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.      Il-‘kumpens raġonevoli’ li l-awtur tal-vjolazzjoni għandu jħallas lid-detentur ta’ drittijiet Komunitarji ta’ varjetajiet ta’ pjanti skont l-Artikolu 94(1)(a) tar-Regolament Nru 2100/94 meta jwettaq l-atti msemmija fl-Artikolu 13(2) ta’ dan ir-regolament, mingħajr awtorizzazzjoni, stabbilit fir-rigward tar-royalties normalment mitluba [tat-tariffa kurrenti] għal liċenzja ordinarja fl-istess settur tas-suq għall-atti msemmija fl-Artikolu 13(2) tal-istess regolament [tad-Direttiva 2004/48], għandu jitħallas flimkien ma’ ‘ħlas supplimentari għall-vjolazzjoni’ fil-forma ta’ somma f’daqqa? Dan jirriżulta mit-tieni sentenza tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva Nru 2004/48?

2.      Il-‘kumpens raġonevoli’ li l-awtur tal-vjolazzjoni għandu jħallas lid-detentur ta’ drittijiet Komunitarji ta’ varjetajiet ta’ pjanti skont l-Artikolu 94(1)(a) tar-Regolament Nru 2100/94 meta jwettaq l-atti msemmija fl-Artikolu 13(2) ta’ dan ir-regolament, mingħajr awtorizzazzjoni, stabbilit fir-rigward tar-royalties normalment mitluba [tat-tariffa kurrenti] għal liċenzja ordinarja fl-istess settur tas-suq għall-atti msemmija fl-Artikolu 13(2) tal-istess regolament [tar-Regolament Nru 2100/94], għandu jiġi ffissat, f’każ partikolari, billi jittieħed kont tal-kunsiderazzjonijiet jew taċ-ċirkustanzi li ġejjin sabiex jiżdied il-kumpens:

a)      iċ-ċirkustanza li, fiż-żmien tal-vjolazzjoni, il-varjetà invokata kienet varjetà li tgawdi minn esklużività fis-suq minħabba karatteristiċi partikolari, jekk ir-royalties normalment mitluba [it-tariffa kurrenti] għat-tqegħid fis-suq jintlaħqu [tintlaħaq] permezz ta’ ftehimiet ta’ liċenzjar u ta’ kalkoli, stabbiliti għall-varjetà invokata?

Jekk it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ din iċ-ċirkustanza hija kkunsidrata f’dan il-każ:

iż-żieda fil-kumpens hija biss permessa jekk il-karatteristiċi li jispjegaw l-esklużività tal-varjetà invokata huma inklużi fid-deskrizzjoni tad-drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti?

b)      iċ-ċirkustanza li l-varjetà invokata diġà kellha suċċess kbir fil-kummerċjalizzazzjoni tagħha fil-mument meta l-varjetà li permezz tagħha saret il-vjolazzjoni ġiet introdotta fis-suq b’tali mod li l-awtur tal-vjolazzjoni ffranka mill-ispejjeż biex iniedi huwa stess il-varjetà li permezz tagħha saret il-vjolazzjoni, jekk ir-royalties normalment mitluba [tat-tariffa kurrenti] għat-tqegħid fis-suq jintlaħqu [tintlaħaq] permezz ta’ ftehimiet ta’ liċenzjar u ta’ kalkoli, stabbiliti għall-varjetà invokata;

c)      iċ-ċirkustanza li l-portata tal-vjolazzjoni tal-varjetà invokata kienet ogħla mill-medja fit-tul tagħha u fin-numru ta’ unitajiet mibjugħa;

d)      il-kunsiderazzjoni li l-awtur tal-vjolazzjoni, kuntrarjament għad-detentur tal-liċenzja, ma għandux iħallas royalties [tit-tariffa] (li ma jkunx jista’ jirkupra), fejn il-varjetà invokata, li hija s-suġġett ta’ talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, tista’ insegwitu tiġi ddikjarata nulla;

e)      iċ-ċirkustanza li l-awtur tal-vjolazzjoni ma kienx mitlub li jistabilixxi kalkoli trimestrali kuntrarjament għal dak li d-detentur tal-liċenzja normalment jagħmel;

f)      il-kunsiderazzjoni li d-detentur tad-drittijiet ta’ varjetà ta’ pjanti għandu jbati r-riskju ta’ inflazzjoni minħabba fit-tul tal-proċeduri ġudizzjarji;

g)      il-kunsiderazzjoni li, minħabba l-ħtieġa li tittieħed azzjoni legali, id-detentur tad-drittijiet ta’ varjetà ta’ pjanti ma jistax jippjana d-dħul li għandu jirriżulta mill-varjetà invokata, waqt li jista’ jagħmel hekk għad-dħul mil-liċenzji għall-varjetà invokata;

h)      il-kunsiderazzjoni li, f’każ ta’ vjolazzjoni tal-varjetà invokata, id-detentur tad-drittijiet ta’ varjetà ta’ pjanti jsostni kemm ir-riskju inerenti għal kull proċedura ġudizzjarja legali u r-riskju li ma jimplementax id-deċiżjoni fir-rigward tal-awtur tal-vjolazzjoni;

i)      il-kunsiderazzjoni li, f’każ ta’ vjolazzjoni tal-varjetà invokata, l-aġir awtonomu tall-awtur tal-vjolazzjoni jċaħħad lid-detentur tad-drittijiet ta’ varjetà ta’ pjanti mil-libertà li jiddetermina jekk iridx jawtorizza l-awtur tal-vjolazzjoni milli juża’ l-varjetà invokata?”

3.      Il-‘kumpens raġonevoli’ li l-awtur tal-vjolazzjoni għandu jħallas lid-detentur ta’ drittijiet Komunitarji ta’ varjetajiet ta’ pjanti skont l‑Artikolu 94(1)(a) tar-Regolament Nru 2100/94 meta jwettaq l-atti msemmija fl-Artikolu 13(2) ta’ dan ir-regolament, mingħajr awtorizzazzjoni, għandu jiġi ffissat billi jittieħdu wkoll inkunsiderazzjoni l-interessi applikati għall-kumpens annwali dovut bir-rata normali tal-interessi moratorji jekk wieħed jikkunsidra li l-partijiet kontraenti jkunu raġonevolment mistennija li jipprovdu għall-ħlas tal-interessi ta’dak it-tip?

4.      Id-dannu li awtur tal-vjolazzjoni ‘għandu b’żieda jkun suġġett li jikkumpensa’ lid-detentur ta’ drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 94(2) tar-Regolament Nru 2100/94 meta jwettaq l-atti msemmija fl-Artikolu 13(2) ta’ dan ir-regolament, mingħajr awtorizzazzjoni, għandu jiġi kkalkolat fuq il-bażi tar-royalties normalment [tat-tariffa kurrenti] mitluba għal liċenzja ordinarja fl-istess settur tas-suq għall-atti msemmija fl-Artikolu 13(2) tal-istess regolament?

5.      Fil-każ li d-domanda 4 [r-raba’ domanda] tingħata risposta fl-affermattiv:

a)      Fil-kalkolu, ibbażat fuq liċenzja normalment mitluba għat-tqegħid fis-suq, tad-dannu li awtur tal-vjolazzjoni ‘għandu b’żieda jkun suġġett li jikkumpensa’, f’każ partikolari, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 94(2) tar-Regolament Nru 2100/94, il-kunsiderazzjonijiet jew iċ-ċirkustanzi deskritti fid-domanda 2(a) sa (i) [fit-tieni domanda (a) sa (i)] jew iċ-ċirkustanza li d-detentur tad-drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti jkun kostrett mill-ħtieġa li jieħu azzjoni legali sabiex personalment jiddedika ċertu żmien sabiex tiġi stabbilita l-awtur tal-vjolazzjoni u jieħu ħsieb tal-każ u li jiddedika għall-vjolazzjoni ta’ varjetajiet ta’ pjanti l-investigazzjonijiet partikolari għal din it-tip ta’ vjolazzjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi ġġustifikata żieda fil-kumpens normalment mitlub għat-tqegħid fis-suq?

b)      Fil-kalkolu, ibbażat fuq liċenzja normalment mitluba għat-tqegħid fis-suq, tad-dannu li awtur tal-vjolazzjoni ‘għandu b’żieda jkun suġġett li jikkumpensa’, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 94(2) tar-Regolament Nru 2100/94, għandu dejjem jiżdied ‘ħlas supplimentari għall-vjolazzjoni’ fil-forma ta’ somma f’daqqa? Dan jirriżulta mit-tieni sentenza tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva Nru 2004/48?

c)      Fil-kalkolu, ibbażat fuq liċenzja normalment mitluba għat-tqegħid fis-suq, tad-dannu li awtur tal-vjolazzjoni ‘għandu b’żieda jkun suġġett li jikkumpensa’, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 94(2) tar-Regolament Nru 2100/94, għandhom jiġu kkunsidrati l-interessi applikati għall-kumpens annwali dovut bir-rata normali tal-interessi moratorji jekk wieħed jikkunsidra li l-partijiet kontraenti jkunu raġonevolment mistennija li jipprovdu għall-ħlas tal-interessi ta’ dak it-tip?

6.      L-ewwel sentenza tal-Artikolu 94(2) tar-Regolament Nru 2100/94 għandha tiġi interpretata fis-sens li l-qligħ magħmul mill-awtur tal-vjolazzjoni jikkostitwixxu dannu, li l-awtur tal-vjolazzjoni ‘għandu b’żieda jkun suġġett li jikkumpensa’ fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, liema kumpens jista’ jintalab minbarra l-kumpens raġonevoli msemmi fl-Artikolu 94(1) tar-Regolament Nru 2100/94 jew il-qligħ dovut mill-awtur tal-vjolazzjoni f’mala fide skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 94(2) ta’ dan ir-regolament huwa dovut biss b’mod alternattiv għall-kumpens raġonevoli msemmi fl-Artikolu 94(1) tal-imsemmi regolament?

7.      Ir-regoli nazzjonali li ma jippermettux lid-detentur tad-drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti li jitlob, taħt id-dritt sostantiv, għar-rimbors tal-ispejjeż ta’ kawża għal miżuri provviżorji li tiddeċiedi dwar il-vjolazzjoni tad-dritt tiegħu b’mod definittiv anki fil-każ fejn sussegwentement jirbaħ il-kawża fuq il-mertu fir-rigward tal-istess vjolazzjoni, huma kuntrarji għad-dritt għal kumpens mogħti mill-Artikolu 94(2) tar-Regolament Nru 2100/94?

8.      Ir-regoli nazzjonali li ma jippermettux lill-vittma li jitlob, barra mil-limiti stretti tal-proċedura għall-intaxxar tal-ispejjeż, għal kumpens tal-ħin iddedikat għall-proċedura u barra mill-qafas proċedurali ta’ talba għal kumpens, huma kuntrarji għad-dritt għal kumpens mogħti mill-Artikolu 94(2) tar-Regolament Nru 2100/94 sa fejn il-ħin iddedikat ma jaqbiżx il-limiti tas-soltu?”

25.      J. Hansson, Jungpflanzen Grünewald kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom bil-miktub u dehru waqt is-seduta li nżammet fit-12 ta’ Novembru 2015.

IV – Evalwazzjoni

A –    Kunsiderazzjonijiet preliminari

26.      Il-kawża preżenti tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex, minn naħa, tikkjarifika r-rabta bejn l-ewwel u t-tieni paragrafi tal-Artikolu 94 tar-Regolament 2100/94 li timmodula l-firxa tad-dritt għall-kumpens tad-detentur ta’ dritt Komunitarju ta’ varjetajiet ta’ pjanti li jkun ġie leż permezz tal-ksur, sew jekk dan ikun ta’ natura intenzjonata (jew negliġenti) u anki jekk ma jkunx. Din toffrilha, min-naħa l-oħra, l-opportunità sabiex tagħmel xi preċiżjonijiet fir-rigward tal-metodi li għandhom jiġu segwiti għall-kalkolu tal-ammont ta’ dan il-kumpens.

27.      Bħala introduzzjoni, nippreċiża, qabel kollox, l-għan ġenerali tal-Artikolu 94 tal-imsemmi regolament kif ukoll l-għanijiet speċifiċi tal-paragrafi 1 u 2 ta’ din id-dispożizzjoni. Sussegwentement, sabiex tiġi stabbilita l-portata tad‑domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, ser nagħmel distinzjoni bejn il-kwistjoni tad-determinazzjoni tal-elementi li jikkostitwixxu d-dannu li jista’ jiġi kkumpensat u dik tal-metodi li jippermettu l-kwantifikazzjoni ta’ dan id-dannu u sussegwentement id-determinazzjoni tal-ammont tal-kumpens.

1.      Dwar l-għanijiet tal-Artikolu 94 tar-Regolament Nru 2100/94

28.      L-Artikolu 94(1) tar-Regolament Nru 2100/94 li huwa l-għan tal-ewwel tliet domandi preliminari, jimponi fuq il-persuna li twettaq il-ksur, indipendentement minn kull element suġġettiv, il-ħlas ta’ “kumpens raġonevoli” lid-detentur li jkun vittma tal-ksur. Skont it-tieni paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni, li tiegħu l-qorti tar-rinviju qed titlob l-interpretazzjoni permezz tar-raba’ u tat-tmien domanda tagħha, il-persuna li wettqet il-ksur hija barra minn hekk marbuta, jekk tkun aġixxiet intenzjonalment jew b’negliġenza, li tagħmel tajjeb għad-“dannu” li jkun sofra d-detentur minħabba l-ksur.

29.      Fir-rigward tal-għanijiet tal-imsemmi Artikolu 94 kif ukoll mar-rabta bejn dawn iż-żewġ paragrafi, il-formulazzjoni tat-tieni paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni, b’mod partikolari fil-verżjonijiet bil-lingwa Daniża, Ingliża, u Portugiża (4), jidhirli li hija istruttiva minn tliet aspetti.

30.      Fl-ewwel lok, l-użu tal-kliem “eventuel yderligere opstået skade”, “any further damage”, u “quaisquer danos suplementares” jimplika, fl-opinjoni tiegħi, li d-dispożizzjoni għandha l-għan li tiżgura l-kumpens sħiħ għad-dannu mġarrab mid-detentur minħabba l-ksur jew, fi kliem ieħor, li dan tal-aħħar jitpoġġa fis-sitwazzjoni li kien ikun fiha fin-nuqqas tal-ksur (5).

31.      Din ir-redazzjoni tindika, fit-tieni lok, li dan l-għan kumpensatorju mhux biss huwa segwit tal-kuntest tat-tieni paragrafu, iżda wkoll tal-Artikolu 94(1) tar-Regolament Nru 2100/94. Il-frażijiet “eventuel yderligere opstået skade”, “any further damage”, u “quaisquer danos suplementares” jippreżupponu, fil-fatt, li l-ħlas ta’ kumpens raġonevoli fis-sens tal-imsemmi paragrafu 1, diġà għandu l-għan li jagħmel tajjeb għal parti mid-dannu mġarrab mid-detentur (6). Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, barra minn hekk, fis-sentenza Geistbeck, li l-imsemmi Artikolu 94, meħud kollu kemm hu, “huwa intiż biex jikkumpensa l-ħsara mġarrba mid-detentur […]” (7).

32.      Fit-tielet lok, din il-formulazzjoni tenfasizza n-natura residwa tal-kumpens taħt l-imsemmi tieni paragrafu, fis-sens li tkopri kwalunkwe dannu li ma jkunx għadu ġie rreparat fil-kuntest tal-Artikolu 94(1) tar-Regolament Nru 2100/94. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni teskludi l-kunsiderazzjoni doppja tal-kapi differenti ta’ dannu. Għalhekk dawn jinqasmu bejn dawk li għandhom jiġu kkumpensati minn kwalunkwe persuna li wettqet il-ksur, skont l-ewwel paragrafu u dawk li l-kumpens fir-rigward tagħhom għandu jitħallas biss mill-persuna li wettqet il-ksur intenzjonalment jew b’negliġenza, skont l-Artikolu 94(2).

33.      Niddeduċi, barra minn hekk, kemm mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni kif ukoll mis-sistematika tar-Regolament 2100/94, li l-għan tagħha mhux ħlief dak li tiżgura l-kumpens sħiħ għad-dannu mġarrab mid-detentur.

34.      L-użu tal-kliem “jikkumpensa lid-detentur għal kull ħsara li tirriżulta” jidhirli fil-fatt, li jeskludi kwalunkwe interpretazzjoni li l-imsemmija dispożizzjoni għandha għan “punittiv” li jikkonsisti fl-għoti, lid-detentur, ta’ kumpens li jeċċedi l-ammont li huwa meħtieġ sabiex jagħmel tajjeb għad-dannu mġarrab.

35.      Min-naħa l-oħra, hemm dispożizzjonijiet oħra tar-Regolament Nru 2100/94, li jippermettu l-impożizzjoni fuq il-persuna li wettqet il-ksur ta’ obbligi li huma sovraposti fuq il-kumpens ta’ dan id-dannu. L-għan punittiv jista’ għalhekk jintlaħaq permezz ta’ sanzjonijiet ta’ natura penali li jaqgħu, skont l-Artikolu 107 tal-imsemmi regolament (8), taħt id-dritt intern tal-Istati Membri fl-assenza ta’ armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni Ewropea (9). Skont l-Artikolu 97(1) tal-imsemmi regolament, l-Istati Membri jistgħu wkoll imorru lil hinn minn għan purament kumpensatorju billi jistabbilixxu, fid-drittijiet interni tagħhom, il-ħlas lura tal-benefiċċji miksuba mill-persuna li wettqet il-ksur għad-detriment tad-detentur jew tal-persuna liċenzjata li jeċċedu l-ammont tad-dannu mġarrab mid-detentur – nerġa’ niġi għal dan il-punt fil-kuntest tal-eżami tiegħi tas-sitt domanda.

2.      Dwar id-distinzjoni bejn id-determinazzjoni tal-kapi ta’ dannu li jistgħu jiġu kkumpensati u l-metodu għall-kumpens tad-dannu

36.      Jidhirli wkoll li huwa utli li nenfasizza, fl-isfond tal-analiżi tiegħi, id-distinzjoni bejn, minn naħa, id-determinazzjoni tal-elementi tad-dannu li jista’ jiġi kkumpensat u, min-naħa l-oħra, il-kwantifikazzjoni ta’ dan id-dannu u l-iffissar tal-ammont tad-danni.

37.      Id-determinazzjoni tal-kapi ta’ dannu li jistgħu jiġu kkumpensati, tikkonsisti fil-kjarifika tal-firxa tad-dritt sostantiv għall-kumpens li l-Artikolu 94 tar-Regolament Nru 2100/94 jagħti lid-detentur leż jew, fi kliem ieħor, fl-identifikazzjoni tal-varji kapi ta’ dannu li għalihom dan tal-aħħar jista’ jippretendi l-kumpens skont, rispettivament, il-paragrafi 1 u 2 ta’ din id-dispożizzjoni. Dan l-eżerċizzju jikkonċerna għalhekk, ir-riżultat segwit minn din tal-aħħar.

38.      Huwa f’dan il-kuntest li jidħlu t-tieni u t-tielet domandi, relatati mal-identifikazzjoni tal-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-kumpens raġonevoli fis-sens tal-Artikolu 94(1). L-istess jista’ jingħad għall-paragrafi (a) u (ċ) tal-ħames domanda kif ukoll għas-seba’ u t-tmien domandi, li jikkonċernaw id-determinazzjoni tad-dannu li fir-rigward tiegħu t-tieni paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni jipprevedi l-kumpens.

39.      Il-kwantifikazzjoni tad-dannu u l-iffissar tal-ammont tad-danni jimplikaw, għal qrati nazzjonali, l-għażla, f’każ konkret, ta’ metodu li jippermetti li jiġi kkalkolat id-dannu li jista’ jiġi kkumpensat u għalhekk li jiġi ddeterminat l-ammont tal-kumpens li għandu jitħallas mill-persuna li wettqet il-ksur. Dan il-kompitu jista’, fil-prattika, ikun wieħed delikat meta wieħed iqis, b’mod partikolari, id-diffikultà sabiex tiġi prodotta l-prova għall-kapi differenti ta’ dannu.

40.      Huwa minn dan l-angolu li ser neżamina l-ewwel u r-raba’ domanda, kif ukoll il-paragrafu (b) tal-ħames domanda, li permezz tagħhom il-qorti tar-rinviju qed titlob jekk il-kumpens li għalih id-detentur huwa intitolat taħt l-Artikolu 94(1) u/jew (2) tar-Regolament 2100/94, għandux jiġi kkalkolat abbażi tar-rata pattwita fil-kuntest tal-ftehim tal-liċenzja eżistenti għall-varjetà protetta fis-suq partikolari, flimkien, jekk ikun il-każ, ma’ suppliment fil-forma ta’ somma f’daqqa. Is-sitt domanda, relatata mal-ħlas lura tal-qligħ miksub mill-persuna li wettqet il-ksur, timplika wkoll, essenzjalment, il-metodu għall-kalkolu tal-kumpens skont din id-dispożizzjoni.

41.      Madankollu l-imsemmi Artikolu 94 ma jittrattax, b’mod approfondit, il-metodi għall-kalkolu tad-dannu u għall-iffissar tad-danni. Fl-opinjoni tiegħi, dan jispjega ruħu bil-fatt li l-għan prinċipali tar-Regolament Nru 2100/94 ma huwiex li jarmonizza r-rimedji tad-dritt ċivili li jissanzjonaw il-ksur. Dan l-għan huwa, min-naħa l-oħra, segwit fid-Direttiva 2004/48, li tista’ għalhekk toffri ċerti preċiżjonijiet komplementari għall-imsemmija metodi. Minn din il-perspettiva, jidhirli li huwa meħtieġ, qabel kollox, li jiġi eżaminat jekk din id-direttiva tapplikax għall-ksur tad-drittijiet Komunitarji tal-varjetajiet ta’ pjanti u, fl-affermattiv, li tiġi kkjarifikata r-rabta bejn din tal-aħħar u r-regolament.

B –    Dwar l-applikabbiltà tad-Direttiva 2004/48 għad-drittijiet Komunitarji tal-varjetajiet ta’ pjanti u r-rabta tagħha mar-Regolament Nru 2100/94

1.      Dwar l-inklużjoni tad-drittijiet Komunitarja tal-varjetajiet ta’ pjanti fil-kamp tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 2004/48

42.      Kif jirriżulta mill-Artikolu 2(1) tagħha, id-Direttiva 2004/48 tapplika, b’mod trasversali, għall-ksur ta’ kwalunkwe dritt ta’ proprjetà intellettwali previst taħt il-liġi tal-Unjoni u/jew tal-Istati Membri. Inqis, l-istess bħal J. Hansson u bħall-Kummissjoni (10), li dawn id-drittijiet jinkludu d-drittijiet Komunitarja ta’ varjetà ta’ pjanta.

43.      L-argument tal-konvenuta fil-kawża prinċipali, imsejjes fuq l-Artikolu 97(3) tar-Regolament 2100/94 ma jqajjem l-ebda dubju dwar din il-konstatazzjoni.

44.      Essenzjalment, din tal-aħħar tallega, minn naħa, li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/48 ma japplikawx għall-qasam tad-drittijiet Komunitarji ta’ varjetajiet ta’ pjanti, peress li l-Artikolu 97(3) tar-Regolament Nru 2100/94 jistabbilixxi li, minbarra l-limiti li jirriżultaw mill-paragrafi 1 u 2 ta’ din id-dispożizzjoni, “l-effetti […] [ta’ dawn id-] drittijiet […] għandu jkun determinat unikament skond dan ir-Regolament”.

45.      F’dan ir-rigward, jidhirli li jirriżulta, b’mod partikolari mit-titolu tal-Artikolu 97 ta’ dan ir-regolament (“Applikazzjoni supplimentari tal-liġi nazzjonali […]”), li t-tielet paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni jeskludi biss l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali u mhux dik ta’ strumenti oħra tad-dritt tal-Unjoni, bħalma hija d-Direttiva 2004/48, li barra minn hekk, lanqas biss kienet teżisti fid-data tal-adozzjoni tal-imsemmi regolament (11).

46.      Min-naħa l-oħra, Jungpflanzen Grünewald tisħaq li l-Artikolu 97(3) tal-imsemmi regolament jipprekludi wkoll l-applikazzjoni, fil-qasam tad-drittijiet Komunitarji ta’ varjetajiet ta’ pjanti, tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva 2004/48.

47.      Din l-attitudni, fl-opinjoni tiegħi, ma hijiex ġustifikata fir-rigward tal-għan ta’ din id-dispożizzjoni, kif deskritt fil-premessa 23 tar-Regolament Nru 2100/94, li tikkjarifika r-rwol ta’ dan ir-regolament meta mqabbel mad-“dispożizzjonijiet legali mhux armonizzati ta’ l-Istati Membri”. Minn din il-perspettiva, il-“liġi nazzjonali” fis-sens tal-Artikolu 97 tal-imsemmi regolament ma tiġborx fiha d-dritt nazzjonali għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2004/48.

2.      Dwar ir-rabta bejn id-Direttiva 2004/48 u r-Regolament Nru 2100/94

48.      Skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2004/48, din tal-aħħar ma twettaqx għajr armonizzazzjoni minima tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, mingħajr ħsara għad-dispożizzjonijiet li taħt il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali jew id-dritt tal-Unjoni huma iktar favorevoli għad-detentur (12).

49.      Fil-każ preżenti, ir-Regolament Nru 2100/94 jagħti protezzjoni iktar estensiva minn din id-direttiva, sa fejn l-Artikolu 94(1) ta’ dan ir-regolament jeżiġi l-ħlas tal-kumpens raġonevoli mill-persuna li wettqet il-ksur, anki fl-assenza ta’ intenzjoni jew ta’ negliġenza ta’ din tal-aħħar. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 13(2) tal-imsemmija direttiva jħalli f’idejn id-diskrezzjoni kawta tal-pajjiżi Membri sabiex jawtorizzaw jew le, lill-qrati li għandhom ġurisdizzjoni, l-ordni tal-kumpens favur id-detentur, meta l-awtur tal-ksur ikun aġixxa mingħajr għarfien u mingħajr ma kellu motivi raġonevoli li jkun jaf (13).

50.      Madankollu, l-ebda dispożizzjoni tal-imsemmi regolament ma tippreċiża, kif jagħmel l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2004/48, il-metodu għall-iffissar tad-danni li huma maħsuba sabiex jagħmlu tajjeb għall-konsegwenzi tal-ksur. Ir‑Regolament Nru 2100/94 lanqas ma jsemmi r-rimbors tal-ispejjeż legali, li, min-naħa l-oħra, jikkostitwixxu l-għan tal-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva.

51.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jienx konvint li l-Artikoli 94 et seq ta’ dan ir-regolament jikkostitwixxu, kif iddikjarat il-Kummissjoni, “lex specialis” meta mqabbla mal-imsemmija direttiva, u b’mod partikolari meta mqabbla mal-Artikoli 13 u 14 ta’ din tal-aħħar. Fl-opinjoni tiegħi, dawn id-dispożizzjonijiet iktar għandhom rapport ta’ komplementarjetà. Għalhekk għandhom japplikaw simultanjament fil-każ tal-ksur tad-dritt Komunitarja ta’ varjetà ta’ pjanta. Ser nuri, f’dan ir-rigward, li ma teżisti l-ebda kontradizzjoni bejn id-dispożizzjonijiet ta’ dawn iż-żewġ strumenti inkwistjoni f’din il-kawża li xxekkel il-koeżistenza armonjuża ta’ dawn tal-aħħar.

52.      Id-Direttiva 2004/48 tista’ wkoll, jekk ikun il-każ, tikkostitwixxi element rilevanti li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 2100/94 (14). Għandu jiġi evitat madankollu li jinħolqu, taħt il-kopertura tal-interpretazzjoni kuntestwali ta’ dan ir-regolament, drittijiet li huma direttament applikabbli, mhux stabbiliti minn dan tal-aħħar, permezz tal-importazzjoni tagħhom mill-imsemmija direttiva.

3.      Dwar l-applikabbiltà tad-Direttiva 2004/48 fil-kuntest tal-kawża prinċipali

53.      Jungpflanzen Grünewald tikkontesta, madankollu, l-applikabbiltà tad-Direttiva 2004/48 fil-kuntest tat-tilwima fil-kawża prinċipali, għar-raġuni li din ma ġietx trasposta b’mod adegwat fid-dritt Ġermaniż. Skont din tal-aħħar, il-liġi tat-traspożizzjoni ta’ din tal-aħħar tapplika biss għad-drittijiet nazzjonali, u mhux għad-drittijiet Komunitarja tal-varjetajiet ta’ pjanti. Għalhekk, fid-dawl tal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata mal-assenza ta’ effett dirett “orizzontali” tad-direttivi (15), id-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva ma jistgħux japplikaw direttament fir-relazzjonijiet bejn l-individwi.

54.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex setgħa tiddeċiedi, fil-kuntest tal-kawża preżenti, dwar in-natura adegwata u suffiċjenti tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2004/48 fid-dritt Ġermaniż.

55.      Madankollu u fi kwalunkwe każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tinterpreta d-dritt nazzjonali konformement ma’ din id-direttiva (16), kemm-il darba l-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti nazzjonali ma jmorrux kontriha (17). Fil-każ preżenti, il-qorti tar-rinviju ma ġibdet l-attenzjoni għall-ebda dispożizzjoni fid-dritt intern li tidher li ma tistax tiġi kkonċiljata mal-Artikoli 13 u 14 tal-imsemmija direttiva, kif ser jiġu interpretati f’dawn il-konklużjonijiet.

C –    Dwar l-ewwel sat-tielet domanda, dwar id-determinazzjoni tal-“kumpens raġonevoli” fis-sens tal-Artikolu 94(1) tar-Regolament Nru 2100/94

56.      Permezz tal-ewwel tliet domandi preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju trid tistabbilixxi, essenzjalment, jekk l-ammont tal-kumpens raġonevoli fis-sens tal-Artikolu 94(1) tar-Regolament Nru 2100/94, huwiex limitat għal dak tat-tariffa pattwita fil-kuntest tal-ftehim għal liċenzja eżistenti, fir-rigward tal-varjetà protetta fis-suq partikolari (iktar ’il quddiem it-“tariffa kurrenti”), jew jekk jikkorrispondix għal dan l-aħħar ammont kif: (i) aġġustat sabiex jirrifletti ċirkustanzi oħra li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni tal-persuna li wettqet il-ksur meta mqabbla ma’ dik tal-persuna liċenzjata (it-tieni domanda); (ii) miżjud bl-interessi moratorji (it-tielet domanda); u/jew (iii) miżjud b’ suppliment fil-forma ta’ somma f’daqqa (l-ewwel domanda).

57.      Fid-dawl tal-għanijiet tal-imsemmi Artikolu 94(1), ser niddefendi, fl-ewwel lok, il-pożizzjoni li l-kumpens raġonevoli fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni huwa ekwivalenti għall-kumpens li l-persuna li wettqet il-ksur kien ikollha tħallas lid-detentur li kieku talbet l-awtorizzazzjoni għall-użu tal-varjetà protetta, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża li kienu normalment jittieħdu inkunsiderazzjoni minn partijiet kontraenti raġonevoli (iktar ’il quddiem it-“tariffa ipotetika”), li mhux dejjem tikkorrispondi mat-tariffa kurrenti. Fit-tieni lok, ser nispjega r-raġunijiet għaliex, għalkemm id-determinazzjoni tal-kumpens raġonevoli, kif iddefinit, mhux bilfors jimplika ż-żieda tas-suppliment fil-forma ta’ somma f’daqqa mat-tariffa kurrenti, tali prattika għandha tkun awtorizzata kemm-il darba din iż-żieda tirrifletti biss iċ-ċirkustanzi distinti tas-sitwazzjoni tal-persuna li wettqet il-ksur, meta mqabbla ma’ dik tal-persuni liċenzjati partikolari.

1.      Dwar l-assimilazzjoni tal-kumpens raġonevoli mat-“tariffa ipotetika”

58.      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkjarifikat, fis-sentenza Geistbeck, li l-Artikolu 94(1) tar-Regolament Nru 2100/94 għandu l-għan li jagħmel tajjeb għall-vantaġġ li jikseb l-awtur tal-ksur, minħabba l-fatt li ma jkunx ħallas it-tariffa għall-produzzjoni liċenzjata tal-varjetà partikolari (18). Meħuda mill-perspettiva tad-detentur, din id-dispożizzjoni għandha l-għan għalhekk li tikkumpensa lil dan tal-aħħar, peress li huwa ma setax jitħallas din it-tariffa fuq l-attivitajiet tal-persuna li wettqet il-ksur, “mingħajr madankollu jikkunsidra [ma tikkunsidra] kumpens għad-danni oħra barra dawk relatati ma’ nuqqas ta’ ħlas tal-imsemmi kumpens [raġonevoli]” (19).

59.      Fl-opinjoni tiegħi, mill-istess sentenza, li d-dannu li l-imsemmi Artikolu 94(1) għandu l-għan li jikkumpensa, jikkorrispondi għan-nuqqas ta’ ħlas, mhux tat-tariffa kurrenti bħala tali, iżda tat-tariffa ipotetika li l-persuna li wettqet il-ksur kien ikollha tħallas, fid-dawl tal-kuntest speċifiku tal-każ, li kieku talbet l-awtorizzazzjoni għall-użu tal-varjetà protetta (20).

60.      Fil-fatt il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, minn naħa, li l-ammont tat-tariffa kurrenti għall-produzzjoni liċenzjata jikkostitwixxi “bażi ta’ kalkolu” għall-kumpens raġonevoli (21). Għalhekk dan l-ammont ma jirrappreżentax, fl-opinjoni tiegħi, għajr punt tat-tluq li għandu jiġi adattat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ (22).

61.      Min-naħa l-oħra, hija enfasizzat il-ħtieġa li jiġi evitat li l-iffissar tal-ammont tal-kumpens raġonevoli ma jwassalx sabiex jiffavorixxi lil persuna li wettqet il-ksur meta mqabbla mal-persuna liċenzjata li tkun issodisfat l-obbligi kollha tagħha (23). Issa, tali sitwazzjoni tirriżulta biss fl-ipoteżi fejn it-tnejn li huma jkunu marbuta jħallsu tariffa identika, minkejja li ċerti ċirkustanzi li huma partikolari għall-persuna li wettqet il-ksur, kienu jiġġustifikaw l-iffissar ta’ tariffa ogħla li kieku ġie nnegozjat ftehim għal-liċenzja mad-detentur.

62.      Inqis għalhekk li l-ammont tal-kumpens raġonevoli għandu jirrifletti ċ-ċirkustanzi tal-każ li jiddistingwu s-sitwazzjoni tal-persuna li wettqet il-ksur, meta mqabbla ma’ dik li fiha kienu jinsabu l-persuni liċenzjati fil-mument tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ referenza, sa fejn il-qorti li għandha ġurisdizzjoni tqis li dawn kienu jittieħdu inkunsiderazzjoni minn partijiet kontraenti raġonevoli. Min-naħa l-oħra, iċ-ċirkustanzi li jkunu diġà riflessi fl-ammont tat-tariffa kurrenti, pattwita f’tali ftehim, ma jistgħux jitqiesu għat-tieni darba biż-żieda ta’ dan l-ammont, fil-mument tal-kalkolu tal-kumpens raġonevoli.

63.      Peress li jinsabu fl-aqwa pożizzjoni sabiex jevalwaw iċ-ċirkustanzi kollha rilevanti tal-każ, għal dak li għandu x’jaqsam mal-kuntest fattwali tiegħu, il-qrati nazzjonali għandu jkollhom marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni sabiex ikunu jistgħu jidentifikaw dawn iċ-ċirkustanzi u jistabbilixxu, konsegwentement, l-ammont tal-imsemmi kumpens. Il-qorti tar-rinviju diġà esponiet, fil-kawża preżenti, l-opinjoni tagħha dwar xi fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni u li hija identifikat fil-kuntest tat-tieni domanda tagħha. Ser inkun kawt li l-evalwazzjoni tiegħi ma sservix ta’ sostituzzjoni għal dan u ser nillimita ruħi għal xi kunsiderazzjonijiet ta’ natura ġenerali:

–        Din il-qorti tqis li l-ammont tat-tariffa kurrenti diġà jirrifletti l-benefiċċju li l-persuna li wettqet il-ksur kisbet mill-esklużività tal-varjetà protetta, mis-suċċess kummerċjali ta’ din tal-aħħar u min-nefqa konsekuttiva għat-tnedija, kif ukoll mill-perijodu u l-firxa tal-ksur. Jekk dan huwa l-każ, ningħaqad mal-konklużjoni ta’ din tal-aħħar li dawn il-fatturi ma jiġġustifikaw l-ebda aġġustament ta’ dan l-ammont.

–        Fl-ipoteżi li l-ksur iġġenera, minħabba l-portata tiegħu ratione temporis u kwantitattiva, għajr id-dannu marbut man-nuqqas ta’ ħlas ta’ kumpens raġonevoli, ċerti inkonvenjenzi speċifiċi, dawn għandhom jiġu indirizzati fil-kuntest, mhux tal-ewwel paragrafu, iżda tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 94 tar-Regolament Nru 2100/94, kemm-il darba jiġi kkonstatat l-element suġġettiv hemmhekk previst (24). Dawn l-inkonvenjenzi jistgħu, b’mod partikolari, jirriżultaw minn eventwali distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq u minn prezzijiet konsekuttivi li jkunu iktar baxxi, li jħeġġu lill-persuni liċenzjati sabiex jitolbu tnaqqis fit-tariffi pattwiti, li għalihom jirreferi J. Hansson fl-osservazzjonijiet tiegħu bil-miktub.

–        L-assenza ta’ riskju għall-persuna li wettqet il-ksur, li tħallas remunerazzjoni mingħajr ma tkun tista’ tirkupraha fil-każ tal-annullament sussegwenti tal-varjetà inkwistjoni, jista’, fl-opinjoni tiegħi, jiddistingwi s-sitwazzjoni ta’ din tal-aħħar minn dik tal-persuna liċenzjata, jekk il-ftehim għal-liċenzja ta’ referenza ma jipprevedix ir-rimbors tat-tariffi f’każ bħal dan.

–        Il-fatt li l-persuna li wettqet il-ksur ma hijiex marbuta bl-istess obbligi kuntrattwali bħal persuna liċenzjata, b’mod partikolari għal dak li għandu x’jaqsam mal-kompatibbiltà, jidhirli wkoll li huwa tali li jiġġustifika li jiġi rikjest minn tal-ewwel, korrispettiv differenti minn dak li huwa dovut mit-tieni waħda.

–        L-istess jista’ jingħad għall-inkonvenjenzi mġarrba mid-detentur minħabba l-fatt li l-persuna li wettqet il-ksur ġeneralment tħallas il-kumpens raġonevoli ħafna iktar tard mill-persuna liċenzjata. Dawn jinkludu żvantaġġi relatati mal-kontijiet u r-riskju tal-inflazzjoni eventwali li jaqgħu fuq id-detentur, kif ukoll l-impossibbiltà li dan tal-aħħar jippjana minn qabel id-dħul li l-persuna li wettqet il-ksur għamlet mill-użu tal-varjetà protetta. Il-qrati nazzjonali jistgħu, fl-opinjoni tiegħi, iqisu dawn iċ-ċirkustanzi billi jżidu mal-ammont tal-kumpens raġonevoli, ammont li jikkorrispondi għall-interessi moratorji li partijiet kontraenti li huma raġonevoli kienu pprevedew (anki jekk il-ftehim għal-liċenzja ta’ referenza ma jkunx fih klawżola f’dan is-sens). Jistgħu wkoll, fl-eżerċizzju tal-marġni tagħhom ta’ diskrezzjoni, iżidu wkoll l-ammont tal-kumpens raġonevoli, kemm-il darba ma jqisux li dawn l-interessi jikkostitwixxu kumpens adegwat.

–        Min-naħa l-oħra, jeżisti wkoll, fl-opinjoni tiegħi, ir-riskju marbut mal-proċedura ġudizzjarja kif ukoll man-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kontra l-persuna li wettqet il-ksur, anki fil-kuntest ta’ relazzjoni kuntrattwali bejn mid-detentur u l-persuna liċenzjata tiegħu. Barra minn hekk il-Kummissjoni osservat li dan ir-riskju normalment ikun diġà assorbit fl-ammont tat-tariffa kurrenti għall-produzzjoni bil-liċenzja.

–        Il-kunsiderazzjoni li, fil-mument tad-determinazzjoni tat-tariffa ipotetika, id-detentur isib ruħu, sabiex ngħidu hekk, imġiegħel jidħol fi ftehim “b’mod fittizju” mal-persuna li wettqet il-ksur, lanqas ma għadha titqies fir-rigward tad-dannu li jista’ jiġi kkumpensat skont l-Artikolu 94(1). Il-libertà li wieħed jagħżel il-parti kontraenti l-oħra la tidhirx, fil-fatt, bħala tali, li tista’ tinfluwenza l-ammont tat-tariffa pattwita fil-kuntest tal-ftehim għal liċenzja.

–        Id-distorsjonijiet potenzjali fil-politika tad-detentur għall-ħruġ tal-liċenzji, riżultanti mid-dħul fis-suq ta’ mudelli ffalsifikati, ma jidhirlix li huwa direttament marbut man-nuqqas ta’ ħlas ta’ kumpens raġonevoli. Huwa jistgħu, min-naħa l-oħra, jagħtu lok għal kumpens fil-kuntest tal-Artikolu 94(2) tar-Regolament Nru 2100/94.

2.      Dwar il-possibbiltà li l-ammont tat-tariffa kurrenti jiżdied b’ammont fil-forma ta’ somma f’daqqa

64.      L-iżviluppi preċedenti ppreċiżaw b’hekk, il-firxa tad-dannu li jista’ jiġi kkumpensat skont l-Artikolu 94(1) tar-Regolament Nru 2100/94. Ser neżamina issa kwistjoni li hija relatata mal-metodu li għandu jintuża sabiex jiġi stabbilit l-ammont tal-kumpens raġonevoli li għandu jagħmel tajjeb għal dan id-dannu: dan l-ammont għandu (jew jista’) jiġi kkalkolat billi jiżdied suppliment fil-forma ta’ somma f’daqqa, mat-tariffa kurrenti għall-produzzjoni bil-liċenzja?

65.      Għalkemm l-Oberlandesgericht Düsseldorf (qorti reġjonali superjuri ta’ Düsseldorf) ma tagħtix definizzjoni tal-kunċett ta’ “suppliment fil-forma ta’ somma f’daqqa” fil-kuntest tal-ewwel domanda preliminari tagħha, hija tirreferi f’parti oħra tad-deċiżjoni tar-rinviju, għal ammont teoretiku stabbilit abbażi ta’ indizji. Għalhekk din il-qorti, fl-opinjoni tiegħi, għandha l-intenzjoni li tistabbilixxi ammont li jiżdied ma’ dak tat-tariffa kurrenti u li jkun mogħti abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet ta’ ekwità, u dan fl-assenza ta’ prova ta’ kull element ta’ dannu effettivament imġarrab mid-detentur minħabba n-nuqqas ta’ ħlas tal-kumpens raġonevoli.

66.      Neskludi qabel kollox l-eżistenza tal-obbligu ta’ impożizzjoni, fuq il-persuna li wettqet il-ksur, tal-ħlas ta’ tali suppliment skont l-imsemmi Artikolu 94(1). Fil-fatt, il-kumpens raġonevoli jikkorrispondi, fl-opinjoni tiegħi, għat-tariffa ipotetika li kienu jistabbilixxu partijiet kontraenti raġonevoli fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha rilevanti. Issa, dawn tal-aħħar mhux bilfors jiġġustifikaw, u lanqas fl-istess miżura, żieda tal-ammont tat-tariffa kurrenti meħuda bħala bażi għall-kalkolu.

67.      It-tieni subparagrafu (b) tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2004/48 – li jipprovdi li l-qrati nazzjonali jistgħu jevalwaw b’mod globali d-dannu mġarrab mid-detentur abbażi “għall-inqas” tal-ammont tat-tariffa ipotetika – lanqas ma jimponi obbligu f’dan is-sens. Fil-fatt, minbarra l-fatt li din id-dispożizzjoni ma għandhiex, fil-mira tagħha, ħlief l-ipoteżi li l-persuna li wettqet il-ksur aġixxiet “b’mod konxju jew b’raġunijiet validi li suppost kien[et] jaf”, hija tillimita ruħha għall-obbligu tal-Istati Membri li jissorveljaw li dawn il-qrati jkunu jistgħu jirrikorru għal tali metodu b’mod alternattiv meta mqabbel mal-metodu tal-iffissar tad-danni abbażi tal-“aspetti xierqa kollha” deskritt fit-tieni subparagrafu (b) tal-Artikolu 13(1) tal-imsemmija direttiva. L-għażla tal-metodu għal kull każ konkret tappartjeni lill-imsemmija qrati.

68.      Għalkemm ir-redazzjoni tal-ewwel domanda tirreferi biss għall-eżistenza jew le tal-obbligu għaż-żieda tas-suppliment fil-forma ta’ somma f’daqqa mat-tariffa kurrenti, jidhirli li huwa opportun li jiġi eżaminat ukoll jekk dawn il-qrati għandhomx għall-inqas il-fakultà li jipproċedu b’dan il-mod.

69.      F’dan ir-rigward, J. Hansson jitkellem dwar id-diffikultà sabiex tiġi kkwantifikata l-importanza ta’ kull waħda miċ-ċirkustanzi li kienu normalment jieħdu inkunsiderazzjoni partijiet kontraenti raġonevoli, fil-mument tad-determinazzjoni tat-tariffa għall-produzzjoni bil-liċenzja. Il-qorti tar-rinviju osservat ukoll li l-ammont ta’ tariffa ipotetika, mid-definizzjoni tagħha, la jista’ jiġi pprovat u lanqas ikkalkolat b’eżattezza. Dawn il-kunsiderazzjonijiet jiġġustifikaw, f’għajnejja, li l-qrati nazzjonali jkunu awtorizzati jistabbilixxu dan l-ammont b’ekwità, billi japplikaw, jekk ikun il-każ, suppliment fil-forma ta’ somma f’daqqa mal-ammont tat-tariffa kurrenti.

70.      Dan premess, inqis li l-kumpens ekwu ma jistax jiġi kkalkolat abbażi ta’ ammont globali li jeċċedi l-ammont tat-tariffa kurrenti, sakemm dan l-ammont globali ma jkunx esklużivament maħsub sabiex jagħmel tajjeb għad-dannu marbut man-nuqqas ta’ ħlas ta’ dan il-kumpens. Fi kliem ieħor, iż-żieda tas-somma globali ma jistax ikollha ħlief l-għan li tirrifletti ċ-ċirkustanzi li kienu normalment jieħdu inkunsiderazzjoni partijiet kontraenti raġonevoli, bħal dawk esposti fil-punt 63 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Fil-kawża prinċipali, ser ikun għalhekk il-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tevalwa, abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet ta’ ekwità u ta’ indizji li hija tqis rilevanti, jekk is-suppliment mitlub minn J. Hansson huwiex adegwat sabiex jintlaħaq dan il-għan jew, jekk ikun il-każ, li tistabbilixxi l-livell ta’ suppliment xieraq.

71.      Din iż-żieda ma tistax, min-naħa l-oħra, tinkludi elementi oħra tad-dannu li ġarrab id-detentur, li l-kumpens fir-rigward tiegħu ma jaqax taħt l-Artikolu 94(1), iżda taħt l-Artikolu 94(2) tar-Regolament 2100/94. Hija ma tistax, a fortiori, issegwi għan punittiv (25). Fil-fatt, l-ewwel paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni japplika wkoll għall-persuna li wettqet il-ksur mhux b’nuqqas, b’mod li l-kunċett ta’ dissważjoni u, a fortiori, ta’ piena ma huwiex rilevanti f’dan il-kuntest (26).

D –    Dwar ir-raba’ u s-sitt domanda, relatati mal-kumpens għad-dannu skont l-Artikolu 94(2) tar-Regolament Nru 2100/94

72.      Ser neżamina issa d-domandi l-oħra mill-perspettiva tad-distinzjoni bejn, minn naħa, id-determinazzjoni tal-elementi tad-dannu li jista’ jiġi kkumpensat u, min-naħa l-oħra, il-metodu li għandu jiġi segwit sabiex jiġi kkalkolat dan tal-aħħar u konsegwentement l-ammont tal-kumpens.

1.      Dwar id-determinazzjoni tal-kapi ta’ dannu li jistgħu jiġu kkumpensati skont l-Artikolu 94(2) tar-Regolament

73.      Il-paragrafi (a) u (ċ) tal-ħames domanda, kif ukoll is-seba’ u t-tmien domandi (li ser neżamina separatament fil-punti 105 sa 123 ta’ dawn il-konklużjonijiet), għandhom l-għan, essenzjalment, li jiksbu ċerti kjarifiki dwar il-kapi ta’ dannu li fir-rigward tagħhom id-detentur jista’ jikseb il-kumpens, f’każ ta’ intenzjoni jew ta’ negliġenza min-naħa tal-persuna li wettqet il-ksur, skont l-Artikolu 94(2) tar-Regolament Nru 2100/94. Dawn jinkludu ċ-ċirkustanzi identifikati fil-kuntest tat-tieni domanda (sa fejn jkunu għadhom ma ttiħdux inkunsiderazzjoni bl-applikazzjoni tal-ewwel paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni), il-ħin iddedikat sabiex jiġi identifikat il-ksur u t-tħejjija tal-azzjoni ġudizzjarja, kif ukoll ċerti spejjeż oħra relatati mal-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet tad-detentur (27)?

74.      Kif osservajt fil-punt 32 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-kumpens abbażi tal-imsemmi Artikolu 94(2) għandu natura residwa inkwantu jkopri l-elementi kollha ta’ dannu mġarrab mid-detentur li ma jkunux għadhom ittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-paragrafu 1 ta’ din id-dispożizzjoni.

75.      Għalhekk, sa fejn il-qorti nazzjonali tkun tqis li ċerti ċirkustanzi elenkati fil-kuntest tat-tieni domanda ma jikkostitwixxux dannu marbut man-nuqqas ta’ ħlas tal-kumpens raġonevoli fis-sens tal-paragrafu 1, dawn għandhom jiġu kkumpensati skont l-Artikolu 94(2) tar-Regolament Nru 2100/94.

76.      Dawn iċ-ċirkustanzi jistgħu jinkludu, b’mod partikolari, il-limitazzjoni, ikkawżata mill-fatt li d-detentur ma jistax ħlief jitlob kumpens a posteriori f’każ ta’ ksur, għal-libertà ta’ dan tal-aħħar li jagħżel il-kontraenti tiegħu, kif ukoll id-distorsjonijiet konsekuttivi tal-politika tiegħu għall-għoti tal-liċenzji. Jiġbru wkoll, fl-opinjoni tiegħi, id-distorsjonijiet potenzjali tal-kompetizzjoni fis-suq, li jirriżulta minn ksur mifrux fuq tul ta’ żmien jew ta’ kwantità partikolari.

77.      Inqis, min-naħa l-oħra, li l-Artikolu 94(2) ta’ dan ir-regolament ma jipprevedix il-kumpens għall-ħin u l-isforzi ddedikati għall-investigazzjonijiet u għat-tħejjija ta’ proċedura ġudizzjarja, jew għall-ispejjeż legali u nfiq ieħor relatat mad-difiża tad-drittijiet tad-detentur. Ser nispjega ruħi dwar dan fil-kuntest tal-analiżi tiegħi tas-seba’ u tat-tmien domanda (punti 105 sa 123 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

2.      Dwar il-metodu għall-iffissar tad-danni skont l-Artikolu 94(2) tar-Regolament Nru 2100/94

78.      Permezz tar-raba’ domanda u tal-paragrafu (b) tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tistabbilixxi jekk il-kumpens skont l-Artikolu 94(2) tar-Regolament Nru 2100/94, għandux (jew jistax) jiġi kkalkolat abbażi tat-tariffa kurrenti għall-produzzjoni b’liċenzja (għalkemm din tal-aħħar diġà sservi bħala bażi għall-kalkolu tal-kumpens raġonevoli fis-sens tal-paragrafu 1 ta’ din id-dispożizzjoni), u, jekk ikun il-każ, miżjuda b’suppliment fil-forma ta’ somma f’daqqa.

a)      Osservazzjonijiet preliminari

79.      L-imsemmi Artikolu 94(2) ma jippreċiżax il-metodu applikabbli għall-kalkolu tad-dannu mġarrab mid-detentur li jkun vittma tal-ksur. Għalhekk ser indawwar il-ħarsa tiegħi lejn l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2004/48, li jistabbilixxi bażi minima ta’ protezzjoni applikabbli b’mod partikolari għad-drittijiet Komunitarji ta’ varjetajiet ta’ pjanti.

80.      L-ewwel subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni, li jirregola l-firxa tad-dritt għall-kumpens tad-detentur, jimponi fuq l-Istati Membri li jistabbilixxu d-danni, kif adattati għad-dannu realment imġarrab minn dan id-detentur, li għandhom jitħallsu mill-persuna li wettqet il-ksur xjentement. It-tieni subparagrafu tal-imsemmi Artikolu 13(1) jirrikjedi li l-Istati Membri jaċċertaw li l-qrati li għandhom ġurisdizzjoni jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom żewġ metodi alternattivi sabiex ikunu jistgħu jaslu għar-riżultat preskritt fl-ewwel subparagrafu (28).

81.      Skont it-tieni subparagrafu (a) tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2004/48, l-ewwel minn dawn il-metodi huwa msejjes fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tal-aspetti idónei kollha, bħall-konsegwenzi ekonomiċi negattivi – li jinkludu n-nuqqas ta’ qligħ tad-detentur kif ukoll il-benefiċċji miksuba b’mod inġust mill-persuna li wettqet il-ksur – u ċerti fatturi mhux ekonomiċi, bħad-dannu morali mġarrab mid-detentur.

82.      It-tieni minn dawn il-metodi jikkonsisti, abbażi tal-punt (b) ta’ din id-dispożizzjoni, fid-determinazzjoni tad-“danni bħala somma waħda fuq bażi ta’ l-elementi bħal għall-inqas l-ammont ta’ royalties jew ħlasijiet li kieku riedu jitħallsu jekk il-kontravventur talab l-awtoriżazzjoni biex juża’ id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali in kwestjoni”. Fil-kuntest tad-drittijiet Komunitarji ta’ varjetajiet ta’ pjanti, dan l-ammont minimu jikkorrispondi, b’hekk, għal dak tat-tariffa ipotetika kkalkolata bl-applikazzjoni tal-Artikolu 94(1) tar-Regolament Nru 2100/94. Kif tenfasizza l-premessa 26 tal-imsemmija direttiva, tali metodu huwa indikat b’mod partikolari meta d-dannu verament imġarrab mid-detentur huwa diffiċli sabiex jiġi pprovat.

83.      F’dan ir-rigward, id-duttrina, b’mod partikolari dik Ġermaniża, kemm-il darba enfasizzat id-diffikultajiet prattiċi marbuta mal-metodi tal-iffissar tad-danni, imsejsa fuq il-qligħ miksub mill-persuna li wettqet il-ksur jew it-telf li ġarrab d-detentur, b’mod partikolari għal dak li għandu x’jaqsam mal-oneru tal-prova u man-nuqqas ta’ mezzi disponibbli sabiex jinġabru l-provi meħtieġa. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-metodu msejjes fuq it-tariffa ipotetika hija ppreżentata bħala l-iktar effikaċi u prattika (29). Skont xi kummentaturi, il-qrati barra minn hekk ħafna drabi jagħżlu din it-triq (30). Dawn il-konklużjonijiet jirriżultaw ukoll mill-istudju dwar danni ċivili fil-qasam tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, imwettaq mill-Osservatorju Ewropew dwar il-ksur tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali (31).

84.      Minn din il-perspettiva, kemm it-tariffa ipotetika kif ukoll ir-riferiment għall-benefiċċji miksuba mill-persuna li wettqet il-ksur jikkostitwixxu, fl-opinjoni tiegħi, sostituti li huma maħsuba sabiex jevalwaw id-dannu realment imġarrab mid-detentur, fl-assenza ta’ provi suffiċjenti tal-elementi kollha li jikkontribwixxu għal dan id-dannu (32). B’hekk, il-metodi differenti li jipprevedi t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2004/48 għandhom l-għan li jiksbu l-istess riżultat, jiġifieri stima ta’ kumpens xieraq għall-imsemmi danni. Din id-dispożizzjoni tirrikonoxxi, barra minn hekk, il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-qrati nazzjonali sabiex jagħżlu l-metodu li huma jqisu xieraq fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ u, b’mod partikolari, tal-mezzi ta’ prova disponibbli.

b)      Dwar il-possibbiltà li d-danni jiġu kkalkolati abbażi tat-tariffa kurrenti, biż-żieda, jekk ikun il-każ, ta’ suppliment fil-forma ta’ somma f’daqqa

85.      Skont il-formulazzjoni tagħhom, ir-raba’ domanda u l-ħames domanda (b) jikkonċernaw biss l-eżistenza ta’ obbligu għall-kalkolu tal-kumpens skont l-Artikolu 94(2) tar-Regolament Nru 2100/94 abbażi tal-ammont tat-tariffa kurrenti, biż-żieda ta’ ammont fil-forma ta’ somma f’daqqa. Tali obbligu ma jidhirlix li jista’ jiġi rrikonċiljat mal-marġni ta’ diskrezzjoni li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2004/48 jikkonċedi lil qrati nazzjonali fir-rigward tal-metodu għall-iffissar tad-danni. Fl-opinjoni tiegħi, huma jistgħu, minn naħa, jevalwaw id-dannu marbut man-nuqqas ta’ ħlas tal-kumpens raġonevoli b’mod globali, abbażi tat-tariffa ipotetika kkalkolata fuq it-tariffa kurrenti (skont il-metodu deskritt fil-punt (b) ta’ din id-dispożizzjoni) u, min-naħa l-oħra, jevalwaw id-dannu residwu mġarrab mid-detentur billi jsejsu ruħhom fuq fatturi oħra rilevanti (bl-applikazzjoni tal-metodu espost fil-punt (a) tal-imsemmija dispożizzjoni).

86.      Id-domandi tal-qorti tar-rinviju jidhirli wkoll madankollu li jikkonċernaw l-eżistenza tal-fakultà li jistabbilixxu d-danni skont l-Artikolu 94(2), billi l-ammont tat-tariffa kurrenti jiżdied b’ammont fil-forma ta’ somma f’daqqa.

87.      F’dan ir-rigward, il-konvenuta fil-kawża prinċipali u l-Kummissjoni jqisu li, peress li din it-tariffa diġà sservi ta’ bażi għall-kalkolu tal-kumpens raġonevoli fis-sens tal-paragrafu 1, ma tistax tittieħed bħala riferiment fil-kuntest tal-paragrafu 2 tal-imsemmi Artikolu 94.

88.      Min-naħa tiegħi, inqis li l-qrati nazzjonali ma humiex marbuta, meta l-ksur ikun irriżulta minn intenzjoni jew minn negliġenza tal-awtur tagħha, li jimponu fuq dan tal-aħħar, il-ħlas ta’ żewġ ammonti separati, skont il-paragrafi 1 u 2 rispettivament tal-imsemmi Artikolu 94. Min-naħa l-oħra, peress li din id-dispożizzjoni għandha l-għan, fit-totalità tagħha, li tagħmel tajjeb għad-dannu mġarrab mid-detentur, ma hemm xejn li jimpedixxi, fil-prattika, lil dawn il-qrati milli jordnaw il-kumpens fil-forma ta’ ammont globali li hija maħsuba sabiex tagħmel tajjeb kemm għad-dannu marbut man-nuqqas ta’ ħlas ta’ kumpens raġonevoli kif ukoll mal-elementi l-oħra tad-dannu.

89.      Infakkar, f’dan ir-rigward, li konformement mat-tieni paragrafu (b) tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2004/48, l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw lill-qrati li għandhom ġurisdizzjoni, sabiex ikunu jistgħu jistabbilixxu d-danni permezz ta’ ammont fil-forma ta’ somma f’daqqa, billi jsejsu ruħhom fuq l-ammont tat-tariffa ipotetika, li fil-prinċipju hija kkalkolata abbażi tal-ammont tat-tariffa kurrenti. Kif jirriżulta mill-formulazzjoni tagħha, din id-dispożizzjoni tapplika meta l-persuna li wettqet il-ksur aġixxiet “b’mod konxju jew b’raġunijiet validi li suppost kien jaf [kienet taf]” – ipoteżi li tinsab ukoll fl-Artikolu 94(2) tar-Regolament Nru 2100/94. Madankollu fil-kuntest tad-drittijiet Komunitarji ta’ varjetajiet ta’ pjanti, din il-fakultà ta’ kumpens globali hija estiża, fl-opinjoni tiegħi, għad-dannu kollu li jkun ġarrab id-detentur, mingħajr ma hija ristretta biss għad-dannu marbut man-nuqqas ta’ ħlas tal-kumpens raġonevoli skont l-Artikolu 94(1).

90.      Dan premess, ladarba l-qrati nazzjonali jistabbilixxu kumpens globali skont il-paragrafi 1 u 2 tal-imsemmi Artikolu 94 abbażi tal-ammont tat-tariffa kurrenti, l-għan tal-kumpens sħiħ għad-dannu mġarrab mid-detentur, jirrikjedi, fl-opinjoni tiegħi, li dan l-ammont jiġi adattat sabiex jirrifletti dan id-dannu bl-iktar mod fidil. Din l-interpretazzjoni tiżgura, barra minn hekk, l-effettività tal-Artikolu 94(2). Fil-fatt, il-paragrafu 1 ta’ din id-dispożizzjoni, kif interpretat fil-punti 58 sa 71 ta’ dawn il-konklużjonijiet, diġà jipprevedi l-ħlas lid-detentur tal-ammont ta’ tariffa ipotetika li tikkorrispondi għat-tariffa kurrenti kif aġġustata, jekk ikun il-każ, sabiex tirrifletti ċ-ċirkustanzi li jiddistingwu s-sitwazzjoni tal-persuna li wettqet il-ksur, meta mqabbla ma’ dik tal-persuni liċenzjati ta’ riferiment.

91.      Din l-attitudni hija wkoll konformi mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2004/48, li jistabbilixxi li d-danni għandhom jiġu adattati għad-dannu realment imġarrab mid-detentur. Issa, kif osserva l-Avukat Ġenerali Wathelet fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Liffers, l-ammont tat-tariffa ipotetika mhux dejjem jirrifletti d-dannu kompletament (33).

92.      Tqum allura l-kwistjoni li jiġi stabbilit jekk dan l-aġġustament tal-ammont tat-tariffa kurrenti jistax jieħu l-forma ta’ suppliment fil-forma ta’ somma f’daqqa.

93.      L-Oberlandesgericht Düsseldorf (qorti reġjonali superjuri ta’ Düsseldorf) tfakkar, f’dan ir-rigward, in-natura punittiva ta’ dan is-suppliment, kemm-il darba dan jiġi impost. Jekk hija qed tirreferi, permezz ta’ din il-kwalifika klassifika, għal żieda favur il-persuna intitolata għad-danni, li f’moħħha jkollha għanijiet oħra għajr dak tal-kumpens għad-dannu realment imġarrab, jidhirli li tali żieda ma taqax fl-ambitu tal-għan kumpensatorju tal-Artikolu 94(2) tar-Regolament Nru 2100/94. Inqis għalhekk li din id-dispożizzjoni ma tippermettix lill-qorti nazzjonali tagħti dan it-tip ta’ suppliment lid-detentur.

94.      Il-kelma “punittiv” madankollu tagħti lok għal konfużjoni jekk din il-qorti għandha wkoll l-intenzjoni li tirreferi għal danni li, filwaqt li jeċċedu (anki b’mod kunsiderevoli) l-ammont tat-tariffa kurrenti, għandhom ukoll l-għan li jagħmlu tajjeb għad-dannu realment imġarrab minħabba l-ksur.

95.      Fl-opinjoni tiegħi, l-ebda dispożizzjoni tal-imsemmi regolament jew tad-Direttiva 2004/48 ma tipprojbixxi dan l-aħħar tip ta’ kumpens. Tal-ewwel jippreskrivi riżultat – il-kumpens sħiħ tad-dannu mġarrab mid-detentur – mingħajr ma jistabbilixxi metodoloġija speċifika għal dan il-għan. It-tieni waħda ma tipprevedix, konformement mal-Artikolu 2(1), ħlief qafas minimu għall-protezzjoni tad-drittijiet tad-detentur, mingħajr ħsara għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali jew tad-dritt tal-Unjoni li huma iktar favorevoli għal dan tal-aħħar. Għalhekk, għalkemm din id-direttiva ma tobbligax lill-Istati Membri jimponu d-danni abbażi ta’ somma globali li teċċedi l-ammont tat-tariffa ipotetika (li hija stess hija kkalkolata abbażi tat-tariffa kurrenti), lanqas ma tipprojbixxi dan (34). Min-naħa l-oħra, din il-fakultà tirriżulta b’mod espliċitu mis-t-tieni paragrafu (b) tal-Artikolu 13(1) tal-imsemmija direttiva, li jirreferi għal ammont globali li jikkorrispondi “għall-inqas” għal dak tat-tariffa ipotetika (35). Din l-attitudni hija wkoll ikkonfermata permezz tal-premessa 26 ta’ din id-direttiva, li tippreċiża li din id-dispożizzjoni, jekk ma tintroduċix obbligu sabiex jiġu stabbiliti danni “punitiva[punittivi]”, għandha l-għan li tippermetti “kumpens ibbażat fuq kriterji oġġettivi […]”.

96.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, inqis li l-qorti nazzjonali tista’, sabiex tiddetermina d-danni, intiżi li jagħmlu tajjeb għad-dannu kollu mġarrab mid-detentur skont l-Artikolu 94(1) u (2) tar-Regolament 2100/94, tieħu l-ammont tat-tariffa kurrenti għall-produzzjoni bil-liċenzja bħala bażi għall-kalkolu, biż-żieda ta’ ammont globali ma’ dan tal-aħħar, sabiex jiġu riflessi l-elementi kollha ta’ dan id-dannu, abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet ta’ ekwità u tal-elementi kollha li hija tqis idónei (36).

c)      Dwar il-ħlas lura tal-benefiċċji miksuba mill-persuna li wettqet il-ksur

97.      Permezz tas-sitt domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qed tistaqsi jekk il-benefiċċji li kisbet il-persuna li wettqet il-ksur jikkostitwixxux dannu li għalih d-detentur jista’ jippretendi l-kumpens, skont l-Artikolu 94(2) tar-Regolament Nru 2100/94, minbarra l-ħlas tal-kumpens raġonevoli stabbilit abbażi tal-paragrafu 1 ta’ din id-dispożizzjoni, jew jekk dawn il-benefiċċji ma humiex dovuti, unikament b’mod alternattiv meta mqabbla ma’ dan tal-aħħar.

98.      Infakkar, qabel kollox li, fid-dawl tal-għan esklużivament kumpensatorju tal-Artikolu 94 tar-Regolament Nru 2100/94, id-detentur ma jistax jippretendi ħlief il-kumpens li ġarrab realment bħala riżultat tal-ksur.

99.      Issa, il-benefiċċji miksuba mill-persuna li wettqet il-ksur ma jikkostitwixxux bħala tali, element kostituttiv ta’ dan id-dannu. Kif imsemmi fil-punt 84 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-vantaġġ miksub jew il-benefiċċji magħmula mill-persuna li wettqet il-ksur, kemm fil-kuntest tal-imsemmi Artikolu 94(2), kif ukoll tat-tieni paragrafu (a) tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2004/48, ma jirrappreżentawx – bħat-tariffa ipotetika – għajr sostituti li huma maħsuba sabiex jevalwaw id-dannu realment imġarrab mid-detentur, fl-assenza ta’ provi tal-elementi kollha li jsawruh (37). Fi kliem ieħor, ir-riferiment għat-tariffa ipotetika jew għal benefiċċji tal-persuna li wettqet il-ksur, jikkostitwixxu għodda li tippermetti lill-qrati nazzjonali li jistmaw dan l-istess dannu u konsegwentement jistabbilixxu l-ammont tal-kumpens.

100. F’dawn iċ-ċirkustanzi, inqis li dawn il-qrati ma jistgħux, skont l-Artikolu 94 tar-Regolament Nru 2100/94, jagħtu lid-detentur kemm il-ħlas ta’ kumpens raġonevoli ta’ ammont li jikkorrispondi għal dak tat-tariffa ipotetika, kif ukoll il-ħlas ta’ somma li tirrifletti l-benefiċċji tal-persuna li wettqet il-ksur, sakemm wieħed ma jeċċedix l-għan kumpensatorju ta’ din id-dispożizzjoni.

101. Dan premess, l-ammont ta’ dawn il-benefiċċji jista’, fil-prattika, jeċċedi dak tat-tariffa ipotetika li d-detentur għandu d-dritt għall-ħlas tiegħu, skont l-Artikolu 94(1) ta’ dan ir-regolament, abbażi tal-kumpens għad-dannu marbut man-nuqqas ta’ ħlas ta’ kumpens raġonevoli. F’ipoteżi bħal din, id-dannu residwu li għalih dan tal-aħħar jista’ jiġi kkumpensat skont is-subparagrafu 2 ta’ din id-dispożizzjoni, jista’ jitqies b’riferiment għall-bilanċ tal-imsemmija benefiċċji li jeċċedu l-ammont ta’ din it-tariffa (38). Madankollu din hija biss fakultà li għaliha jistgħu jirrikorru l-qrati nazzjonali, kemm-il darba huma jqisu li dan huwa xieraq għall-valutazzjoni tad-dannu realment imġarrab mid-detentur.

102. F’dan ir-rigward, jidhirli li huwa utli li jiġi enfasizzat, fid-dawl tal-għan kumpensatorju tal-Artikolu 94 tal-imsemmi regolament, li t-tieni sentenza tal-paragrafu 2 ta’ din id-dispożizzjoni ma timplikax, kuntrarjament għal dak li tisħaq il-Kummissjoni, li l-vantaġġ miksub mill-persuna li wettqet il-ksur jikkostitwixxi limitu li jimponi ruħu fuq il-qrati nazzjonali, anki fl-ipoteżi fejn dan jeċċedi l-ammont tad-dannu mġarrab mid-detentur (39). Din is-sentenza hija limitata, fl-opinjoni tiegħi, għar-rikonoxximent, lil dawn il-qrati, ta’ marġni ta’ diskrezzjoni li jawtorizzahom inaqqsu l-ammont tal-kumpens taħt dak tad-dannu realment imġarrab, abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet ta’ ekwità, meta l-persuna li wettqet il-ksur ma tkunx ikkommettiet ħlief nuqqas ħafif. Minn din il-perspettiva, ir-referenza għall-benefiċċju miksub minn din tal-aħħar tfisser biss, fl-applikazzjoni ta’ din il-miżura ta’ ekwità, li l-imsemmija qrati ma jistgħux jillimitaw l-ammont tal-kumpens b’mod li dan tal-aħħar mhux biss ma jagħmilx tajjeb għad-dannu kollu mġarrab mid-detentur, iżda barra minn hekk lanqas biss ikopri l-benefiċċji mwettqa mill-persuna li wettqet il-ksur. Min-naħa l-oħra, jekk l-ammont ta’ dawn il-benefiċċji jeċċedi dak tad-dannu, dawn l-istess qrati għandhom jillimitaw l-ammont tal-kumpens għal dak tal-imsemmi dannu (40).

103. It-tieni subparagrafu (a) tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2004/48, filwaqt li jipprevedi li l-qrati nazzjonali “għandhom jikkunsidraw” l-aspetti kollha xierqa, bħall-benefiċċji mwettqa b’mod inġust mill-persuna li wettqet il-ksur, lanqas ma jistabbilixxi dawn il-benefiċċji bħala limitu minimu jew kriterju restrittiv għall-evalwazzjoni tad-dannu. Din id-dispożizzjoni, fl-opinjoni tiegħi, tillimita ruħha li tistabbilixxi l-marġni ta’ diskrezzjoni tal-qorti nazzjonali sabiex din tkun tista’ tevalwa dan id-dannu abbażi tal-kriterji li hija tqis xierqa, li fosthom hemm l-imsemmija benefiċċji (41).

104. Jekk l-Artikolu 94(2) tar-Regolament Nru 2100/94 u l-Artikolu 31(1) tad-Direttiva 2004/48 ma jagħtux għalhekk, lid-detentur, id-dritt li jitħallas lura l-bilanċ tal-benefiċċji miksuba mill-persuna li wettqet il-ksur, meta dan jeċċedi l-ammont tad-dannu li huwa ġarrab, tali dritt jista’, min-naħa l-oħra jingħatalu abbażi tad-dritt intern tal-Istati Membri, konformement mal-Artikolu 97(1) ta’ dan ir-regolament. Din id-dispożizzjoni tawtorizza, b’mod parallel mal-applikazzjoni tal-imsemmi regolament, dik tar-regoli nazzjonali li jipprevedu l-ħlas lura tal-benefiċċju miksub mill-persuna li wettqet il-ksur għad-detriment tad-detentur jew ta’ persuna liċenzjata – u dan indipendentement minn kwalunkwe element suġġettiv. F’dan il-kuntest, kif osservat il-Kummissjoni, il-benefiċċji tal-persuna li wettqet il-ksur ma jikkostitwixxux miżura li tippermetti li jiġi kkwantifikat id-dannu mġarrab mid-detentur, iżda l-għan bħala tali, ta’ kawża għar-restituzzjoni msejsa fuq id-dritt nazzjonali. Dan premess, l-imsemmi Artikolu 97(1) iqajjem id‑diffikultajiet tiegħu ta’ interpretazzjoni li jmorru lil hinn mill-kuntest ta’ din il-kawża (42).

E –    Dwar is-seba’ u t-tmien domanda, relatati mal-kumpens tal-ispejjeż legali u spejjeż oħra relatati mad-difiża tad-drittijiet tad-detentur

105. Permezz tal-aħħar żewġ domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju qed tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 94(2) tar-Regolament Nru 2100/94 jipprekludix dispożizzjonijiet nazzjonali li ma jippermettux li d-detentur li jkun ġie leż permezz tal-ksur, jikseb ir-rimbors tal-ispejjeż tal-proċedura għal miżuri provviżorji meta t-talbiet tiegħu ma ntlaqgħux f’dan il-kuntest, iżda li jkun sussegwentement rebaħ il-kawża fil-mertu (is-seba’ domanda) kif ukoll il-kumpens għall-ħin iddedikat għat-tħejjija tal-proċess, sa fejn dan ma jeċċedix il-limiti normali (it-tmien domanda) (43).

106. Ir-risposta li għandha tingħata lil dawn id-domandi timplika, l-ewwel u qabel kollox, li jiġi stabbilit jekk dan id-dannu li jista’ jiġi kkumpensat jinkludix, skont l-Artikolu 94(2), l-ispejjeż legali u spejjeż oħra relatati mat-tħejjija ta’ istanza ġudizzjarja.

107. J. Hansson u l-Kummissjoni jirrakkomandaw risposta affermattiva għal din id-domanda u dan fid-dawl tal-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni kif ukoll ta’ dik tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2004/48, li jipprevedu l-kumpens tad-dannu mġarrab mid-detentur, mingħajr ma jissuġġettawh għall-ebda restrizzjoni. Waqt is-seduta, il-Kummissjoni saħqet, barra minn hekk, li l-ispeċifiċitajiet tad-drittijiet Komunitarji tal-varjetajiet ta’ pjanti, li jikkonċernaw, b’mod partikolari, diffikultajiet sabiex jiġi pprovat il-ksur, jitolbu li l-Artikolu 94(2) tar-Regolament Nru 2100/94 jiġi interpretat fis-sens li d-dannu li għandu jiġi kkumpensat bħala tali, ikun jinkludi l-ispejjeż legali kif ukoll l-ispejjeż għall-identifikazzjoni u l-investigazzjoni tal-ksur.

108. Il-kuntest iktar ġenerali, madankollu, li fih jidħlu dawn id-dispożizzjonijiet, ixaqleb iktar favur is-soluzzjoni opposta.

109. F’dan ir-rigward, għalkemm dan ir-regolament huwa sieket dwar il-kwistjoni tal-kumpens tal-ispejjeż legali u spejjeż oħra relatati mal-kawża, hemm strumenti oħra tad-dritt tal-Unjoni, relatati mal-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali, li jirriżervaw għal dawn tal-aħħar dispożizzjonijiet speċifiċi u distinti minn dawk relatati mal-kumpens tad-dannu mġarrab mid-detentur minħabba ksur. B’hekk, fil-kuntest tad-Direttiva 2004/48, ir-rimbors tal-ispejjeż legali u “spejjeż oħra” li kienet nefqet il-parti li rebħet il-kawża, huwa l-għan ta’ dispożizzjoni, jiġifieri l-Artikolu 14, li hija separata mill-Artikolu 13 dwar id-danni. Ix-xogħol preparatorju ta’ din id-direttiva jissuġġerixxi li dawn l-“ispejjeż oħra” jkopru, b’mod partikolari, l-ispejjeż ta’ investigazzjoni u ta’ perizja marbuta mad-determinazzjoni tal-ksur (44). L-imsemmi Artikolu 14 ma jistabbilixxix, mill-bqija, ir-rimbors ta’ dawn l-ispejjeż legali u “spejjeż oħra” mill-parti li tkun tilfet il-kawża, ħlief u inkwantu dawn ikunu raġonevoli u proporzjonati (45), u bla ħsara għall-kunsiderazzjonijiet ta’ ekwità. Il-Ftehim dwar il-qorti unifikata tal-privattivi jinkludi dispożizzjoni komparabbli (46).

110. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-istudju dwar id-danni ċivili fil-qasam tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, imwettaq mill-Osservatorju Ewropew dwar il-ksur tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, id-drittijiet interni tal-Istati Membri ma jħaddnux prinċipji komuni li jistgħu jikkonċedu dritt iktar estiż għar-restituzzjoni tal-ispejjeż legali u spejjeż oħra relatati mal-kawża, u lanqas a fortiori, għall-kumpens sħiħ ta’ dawn tal-aħħar jew ta’ kwalunkwe element ieħor ta’ dannu mġarrab mid-detentur. Skont dan l-istudju, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri għandhom regoli speċifiċi relatati ma’ dawn l-ispejjeż u dan l-infiq, fil-qasam tat-tassazzjoni tal-ispejjeż, li huma distinti mid-dispożizzjonijiet ġenerali relatati mar-responsabbiltà ċivili (47). Nosserva, mingħajr ma nippreġudika l-konformità tagħhom mal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48 (48), li dawn ir-regoli jillimitaw, ġeneralment, l-irkupru tal-imsemmija spejjeż u nfiq bl-esklużjoni tar-rimbors ta’ ċerti kategoriji ta’ dawn tal-aħħar, billi jipprevedu ċerti skali jew tariffi massimi, mingħajr ħsara għall-marġni ta’ diskrezzjoni tal-qrati nazzjonali abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet ta’ ekwità, jew billi jiġu kkombinati bosta minn dawn il-metodi (49).

111. Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ma nara l-ebda raġuni li tiġġustifika, fl-assenza ta’ kwalunkwe indikazzjoni f’dan is-sens fit-test tar-Regolament Nru 2100/94, li d-detentur ta’ drittijiet Komunitarji ta’ varjetà ta’ pjanta għandu jingħata l-benefiċċju ta’ reġim iktar favorevoli għar-rimbors tal-ispejjeż legali u spejjeż oħra relatati mat-tħejjija tal-kawża, minn dak li minnu jgawdu ġeneralment id-detenturi ta’ drittijiet oħra ta’ proprjetà intellettwali. Lanqas ma huwa eskluż, barra minn hekk, li l-produzzjoni tal-provi għall-ksur u l-investigazzjoni tal-azzjoni ġudizzjarja jistgħu jkunu ugwalment diffiċli u għoljin fir-rigward tal-protezzjoni ta’ dawn id-drittijiet l-oħra jew għall-inqas ta’ xi wħud minnhom.

112. Għalhekk inqis li l-Artikolu 94(2) ta’ dan ir-regolament, moqri fid-dawl tal-kuntest tiegħu, ma jikkonċedix lid-detentur id-dritt għall-kumpens tal-ispejjeż legali u spejjeż oħra relatati mad-difiża tad-drittijiet tiegħu b’mod ġudizzjarju. Għalhekk, il-kumpens ta’ dawn l-ispejjeż u dan l-infiq jaqa’, fl-opinjoni tiegħi, fid-dritt intern tal-Istati Membri, li jinkludi, jekk ikun il-każ, dispożizzjonijiet li jittrasponu d-Direttiva 2004/48.

113. F’dan ir-rigward, infakkar li, kif issollevat il-Kummissjoni, li skont l-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva, il-parti li tkun rebħet il-kawża tista’ tikseb mingħand il-parti li tilfet il-ħlas lura tal-ispejjeż legali u spiża oħra li huma raġonevoli u proporzjonati, u dan anki fil-każ fl-assenza ta’ nuqqas minn din tal-aħħar.

114. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidhirli li huwa opportun, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, li s-seba’ u t-tmien domanda jiġu eżaminati wkoll mill-perspettiva ta’ din id-dispożizzjoni, minkejja li din il-qorti ma semmithiex fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari (50).

115. Għal dak li għandu x’jaqsam mas-seba’ domanda, inqis li l-Artikolu 14 Direttiva 2004/48 japplika separatament fil-kuntest, minn naħa, tal-proċedura għal miżuri provviżorji u, min-naħa l-oħra, tal-proċedura fil-mertu, peress li dawn jikkonċernaw azzjonijiet distinti b’għanijiet differenti. Fil-fatt, l-għan tal‑proċedura għal miżuri provviżorji jikkonsisti fl-għoti ta’ miżura provviżorja, filwaqt li l-proċedura fil-mertu tikkonċerna d-determinazzjoni tal-ksur bħala tali. Fil-kawża preżenti, kif irrimarkat il-qorti tar-rinviju, l-azzjoni għal miżuri provviżorji kellha l-għan li tikseb, b’mod provviżorju, il-projbizzjoni tal-attivitajiet kontenzjużi ta’ Jungpflanzen Grünewald. Is-suċċess ta’ din l-azzjoni kien jiddependi fuq id-determinazzjoni, skont livelli speċifiċi ta’ prova, mhux biss tad-dritt prima facie tad-detentur, iżda wkoll tal-eżistenza ta’ sitwazzjoni ta’ urġenza.

116. Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li J. Hansson tilef l-azzjoni għall-miżuri provviżorji kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fl-appell. Konformement mal-Artikolu 14, ir-rikorrent li jsib ruħu f’din is-sitwazzjoni ikollu għalhekk iġarrab l-ispejjeż relatati ma’ din l-azzjoni, anki jekk iktar ’il quddiem jirbaħ il-kawża fil-mertu.

117. Nikkonkludi minn dan li din id-dispożizzjoni ma tipprekludix regola nazzjonali li tistabbilixxi li r-rikorrent li jirbaħ il-kawża fil-mertu wara li jkun tilef l-azzjoni għal miżuri provviżorji, ma jkunx jista’ jirkupra l-ispejjeż relatati ma’ din l-azzjoni.

118. Sabiex nirrispondi għat-tmien domanda, għandu jiġi stabbilit jekk il-kunċett ta’ “spejjeż oħra” fis-sens tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48, ikoprix iż-żmien għat-tħejjija tal-kawża, b’mod partikolari fil-kuntest tal-laqgħat mal-avukati u tal-ivvjaġġar inkonnessjoni magħhom.

119. Kif enfasizzat fil-punt 109 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ix-xogħol preparatorju ta’ din id-direttiva jindika li l-Kummissjoni kellha f’moħħha, fir-rigward tal-kunċett ta’ “spejjeż oħra”, b’mod partikolari l-ispejjeż tal-investigazzjoni u tal-perizja (51), li huma speċifiċi għal kontenzjuż li jikkonċerna l-proprjetà intellettwali.

120. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża li l-imsemmi Artikolu 14 jistabbilixxi kundizzjonijiet għar-rimbors tal-ispejjeż legali li huma partikolarment favorevoli għad-detenturi tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u dan sabiex jiġi evitat li dawn tal-aħħar joqogħdu lura milli jistabbilixxu d-drittijiet tagħhom ġudizzjarjament (52).

121. Inqis, f’dan ir-rigward, kif sostna l-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Realchemie Nederland, li r-riskju ta’ dissważjoni li din id-dispożizzjoni għandha l-għan li tevita, jirriżulta min-natura partikolari tal-proċeduri u mill-mezzi ta’ prova fil-qasam tal-proprjetà intellettwali, bl-ispejjeż għall-investigazzjoni u għall-perizja jkunu tali li jistgħu jitilgħu b’mod kunsiderevoli f’dan il-kuntest (53).

122. Il-ħin investit mid-detentur fil-kuntest tal-laqgħat mal-avukati tiegħu u l-ivvjaġġar għal dan il-għan, ma jidhrux, min-naħa l-oħra, partikolarment marbuta mal-kontenzjuż tal-proprjetà intellettwali, kif lanqas ma jistgħu jservu ta’ element dissważiv għall-introduzzjoni tal-proċedura ġudizzjarja.

123. Għalhekk, inqis li l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48 lanqas ma jipprekludi dispożizzjonijiet nazzjonali li jillimitaw il-possibbiltà tal-kumpens għall-ħin ddedikat għat-tħejjija ta’ azzjoni ġudizzjarja.

V –    Konklużjoni

124. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi kif ġej għad-domandi magħmula mill-Oberlandesgericht Düsseldorf (qorti reġjonali ta’ Düsseldorf):

1)      L-Artikolu 94(1) tar-Regolament Nru 2100/94, tas-27 ta’ Lulju 1994, dwar drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ammont tal-kumpens raġonevoli jikkorrispondi għal dak tat-tariffa li l-persuna li wettqet il-ksur kien ikollha tħallas lid-detentur tad-dritt Komunitarju tal-varjetà ta’ pjanta, li kieku talbet lil dan tal-aħħar l-awtorizzazzjoni għall-użu tal-varjetà protetta, b’kunsiderazzjoni għaċ-ċirkustanzi kollha tal-każ li kontraenti raġonevoli kienu normalment jieħdu inkunsiderazzjoni. Huwa l-kompitu tal-qorti nazzjonali li tidentifika dawn iċ-ċirkustanzi u li tistabbilixxi l-ammont tal-kumpens raġonevoli. Fl-eżerċizzju ta’ din il-marġni ta’ diskrezzjoni, din il-qorti tista’, b’mod partikolari, tqis iż-żmien li għadda mit-twettiq tal-attivitajiet li jikkostitwixxu l-ksur, billi żżid mal-ammont tal-kumpens raġonevoli, l-interessi moratorji.

2)      La l-Artikolu 94(1) tar-Regolament Nru 2100/94 u lanqas l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ma jimponu fuq il-qorti nazzjonali l-obbligu li tistabbilixxi l-ammont tal‑kumpens raġonevoli, biż-żieda tas-suppliment fil-forma ta’ somma f’daqqa mal-ammont tal-kumpens pattwit fil-kuntest tal-ftehim għal-liċenzja eżistenti li jikkonċernaw il-varjetà protetta fuq is-suq partikolari. Dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprekludux, madankollu, lill-imsemmija qorti milli tipproċedi b’dan il-mod, jekk hija tqis li dan huwa idóneu sabiex tikkalkula l-ammont tat-tariffa li l-persuna li wettqet il-ksur kien ikollha tħallas li kieku talbet lid-detentur l-awtorizzazzjoni għall-użu tal-varjetà protetta, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ li kontraenti raġonevoli kienu normalment jieħdu inkunsiderazzjoni. Dan is-suppliment fil-forma ta’ somma f’daqqa ma jistax, min-naħa l-oħra, jiżdied għal finijiet oħra fil-kuntest tal-Artikolu 94(1) tar-Regolament Nru 2100/94.

3)      La l-Artikolu 94(2) tar-Regolament Nru 2100/94 u lanqas l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2004/48 ma jobbligaw lill-qorti nazzjonali tistabbilixxi l-ammont tad-danni li huma maħsuba li jagħmlu tajjeb għad-dannu kollu mġarrab mid-detentur abbażi tat-tariffa pattwita fil-kuntest tal-ftehim għal-liċenzja eżistenti, li jikkonċernaw il-varjetà protetta fuq is-suq partikolari. Dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprekludux, madankollu, lill-imsemmija qorti milli tistabbilixxi din it-tariffa bħala punt tat-tluq għall-kalkolu tal-imsemmija danni u li taġġustah, jekk ikun il-każ, kemm-il darba tqis li dan huwa xieraq sabiex tikkumpensa d-dannu realment imġarrab mid-detentur minħabba l-ksur.

4)      La l-Artikolu 94(2) tar-Regolament Nru 2100/94 u lanqas l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2004/48 ma jimponu fuq il-qorti nazzjonali, jekk din tiddeċiedi li tistabbilixxi d-danni, maħsuba li jagħmlu tajjeb għad-dannu kollu mġarrab mid-detentur abbażi tal-ammont tat-tariffa pattwita fil-kuntest tal-ftehim għal-liċenzja eżistenti li jikkonċernaw il-varjetà protetta fuq is-suq partikolari, li żżid suppliment fil-forma ta’ somma f’daqqa. Dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprekludux, madankollu, lill-imsemmija qorti milli tipproċedi b’dan il-mod, kemm-il darba tqis li dan huwa xieraq sabiex tikkumpensa d-dannu realment imġarrab mid-detentur minħabba l-ksur. Dan is-suppliment fil-forma ta’ somma f’daqqa ma jistax, min-naħa l-oħra, jiżdied għal finijiet oħra.

5)      L-Artikolu 94(2) tar-Regolament Nru 2100/94 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-benefiċċji miksuba mill-persuna li wettqet il-ksur ma jikkostitwixxux dannu mġarrab mid-detentur li fir-rigward tiegħu dan tal-aħħar jista’ jippretendi l-kumpens skont din id-dispożizzjoni, minbarra l-ħlas tal-kumpens raġonevoli skont l-Artikolu 94(1) ta’ dan ir-regolament. Il-qorti nazzjonali tista’ madankollu, fl-evalwazzjoni tad-danni mġarrba mid-detentur, tieħu inkunsiderazzjoni l-ammont ta’ dawn il-benefiċċji u konsegwentement tistabbilixxi l-ammont tal-kumpens.

6)      La l-Artikolu 94(2) tar-Regolament Nru 2100/94 u lanqas l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48 ma jipprekludu dispożizzjonijiet nazzjonali li ma jippermettux lid-detentur jikseb ir-rimbors għall-ispejjeż ta’ azzjoni għal miżuri provviżorji fir-rigward tal-ksur, anki jekk sussegwentement jirbaħ il-kawża fil-mertu.

7)      La l-Artikolu 94(2) tar-Regolament Nru 2100/94 u lanqas l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48/KE ma jipprekludu dispożizzjonijiet nazzjonali li ma jippermettux lid-detentur jikseb kumpens għall-ħin ddedikat għat-tħejjija tal-azzjoni ġudizzjarja għall-kumpens tal-ksur.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 16, p. 390.


3 –      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 32.


4 –      L-istess tagħlim jirriżulta wkoll mill-verżjonijiet bil-lingwa Ċeka, Ġermaniża, Estonjana, Griega, Kroata, Latvjana, Ungeriża, Olandiża, Slovakka, Slovena u Svediża. Għalkemm inqas espliċiti f’dan ir-rigward, il-verżjonijiet l-oħra lingwistiċi bl-ebda mod ma jinvalidaw dawn tal-aħħar.


5 –      L-enfasi hija tiegħi. Ara, ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-kawża Geistbeck (C‑509/10, EU:C:2012:187, punt 40). Ser nikkwalifika madankollu d-dikjarazzjoni li l-Artikolu 94 tar-Regolament Nru 2100/94 għandu l-għan li jiżgura l-kumpens sħiħ għad-dannu mġarrab minħabba l-ksur, billi nsostni, fil-punti 105 sa 123 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li d-dritt għall-kumpens skont din id-dispożizzjoni ma jkoprix l-ispejjeż legali u spejjeż oħra marbuta mad-difiża tad-drittijiet tad-detentur.


6 –      L-enfasi hija tiegħi.


7 –       C‑509/10, EU:C:2012:416, punt 36.


8 –      Għalkemm il-verżjoni bil-lingwa Franċiża ta’ din id-dispożizzjoni ma tindikax espliċitament li ma għandhiex fil-mira tagħha sanzjonijiet ta’ natura ċivili, din l-interpretazzjoni tirriżulta mingħajr ambigwità, b’mod partikolari, mill-verżjonijiet bil-lingwa Daniża, Ingliża, Taljana u Olandiża, li jużaw rispettivament il-kliem, “strafbarhed”, “penalties”, “reprimere” u “bestraffing”. Din l-interpretazzjoni tippermetti, mill-bqija, li tiġi żgurata l-effettività tal-Artikolu 94 tar-Regolament Nru 2100/94.


9 –      Fl-2013, il-Kummissjoni pproponiet emenda tar-Regolament Nru 2100/94 b’mod li jobbliga lill-Istati Membri jadottaw sanzjonijiet penali effettivi, proporzjonati u dissważivi (proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-produzzjoni u d-disponibbiltà fis-suq ta’ materjal riproduttiv tal-pjanti, tas-6 ta’ Mejju 2013 [COM (2013) 262 finali, p. 98]). Din il-proposta ġiet miċħuda permezz tar-riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Marzu 2014 (T7‑0185/2014), u sussegwentement irtirata mill-Kummissjoni (ĠU 2015, C 80, p. 20).


10 –      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ppreċiżat li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din di-direttiva jkopri, b’mod partikolari, id-drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti [dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/48/KE , (ĠU 2005, L 94, p. 37)]


11 –      Il-konvenuta fil-kawża prinċipali rreferiet għar-rapport tal-Kummissjoni li jenfasizza r-riskju li l-Artikolu 97(3) tar-Regolament 2100/94 ma jiġix interpretat b’mod li jeskludi l-applikazzjoni tad-Direttiva 2100/94 fit-totalità tagħha u jisħaq, għalhekk, sabiex din id-dispożizzjoni tiġi emendata (Kummissjoni Ewropea, Direttorat Ġenerali “Saħħa u Sigurtà fl-Ikel”, “Evaluation of the Community Plant Variety Right Acquis – Final Report”, April 2011, disponibbli taħt http://ec.europa.eu/food/plant/plant_property_rights/evaluation/docs/cpvr_evaluation_final_report_en.pdf, p. 28). Fl-opinjoni tiegħi, dan ir-rapport iktar isostni l-konklużjoni li din id-direttiva għandha tapplika għad-drittijiet Komunitarji ta’ varjetajiet ta’ pjanti, milli ssostni l-pożizzjoni ta’ Jungpflanzen Grünewald.


12 –      Ara, ukoll, l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/48, li jipprovdi li “[m]ingħajr preġudizzju għall-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji ċivili u amministrattivi stipulati bid-Direttivi, l-Istati Membri jistgħu japplikaw għal sanzjonijiet oħra xierqa f’każijiet fejn id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ġew kontravvenuti”.


13 –      Ir-Regolament (UE) Nru 1257/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2012 li jimplimenta l-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja (ĠU L 361, p. 1), li l-premessa 13 tiegħu tirreferi għad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplementaw id-Direttiva 20043/48, lanqas ma jobbliga lill-Istati Membri jipprevedu kumpens li għandu jitħallas mill-persuna li wettqet il-ksur, fin-nuqqas ta’ ħtija ta’ din tal-aħħar. L-istess jista’ jingħad għall-Artikolu 45 tal-Ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali li jolqtu l-kummerċ, li jirriżultaw mill-Anness 1 C tal-ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), iffirmat fil-Marrakech fil-15 ta’ April 1994 u approvat permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800, tat-22 ta’ Diċembru 1994, dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986‑1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21 p. 80).


14 –      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Cilfit et (283/81, EU:C:1982:335, punt 20).


15 –      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Marshall (152/84, EU:C:1986:84, punt 48), u Faccini Dori (C‑91/92, EU:C:1994:292, punt 20).


16 –      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Pfeiffer et (C‑397/01 sa C‑403/01, EU:C:2004:584, punti 110 sa 119).


17 –      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Impact (C‑268/06, EU:C:2008:223, punt 100 u l-ġurisprudenza ċċitata).


18 –      C‑509/10, EU:C:2012:416, punt 40.


19 –      Ibidem punt 50.


20 –      Ir-riferiment fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, għal ammont “ekwivalenti għall-miżata dovuta għall-produzzjoni bil-liċenzja C li ma ħallasx [il-bidwi]”, ma tmurx kontra din il-konklużjoni. Fil-fatt, jekk tinqara fid-dawl tal-kuntest ta’ din is-sentenza, din il-formulazzjoni timplika sempliċement li l-kumpens raġonevoli għandu jkollu, bħala punt tat-tluq tiegħu, dan l-ammont u mhux l-ammont inqas għoli tal-kumpens dovut, skont l-Artikolu 14(3) ta’ dan ir-regolament, mill-bdiewa li jkunu qed jibbenefikaw mill-“privileġġ tal-bidwi” skont l-ewwel paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni.


21 –      Sentenza Geistbeck (C‑509/10, EU:C:2012:416, punt 37).


22 –      Barra minn hekk, jista’ jkun hemm kuntratti ta’ liċenzja li jikkonċernaw varjetà protetta f’suq partikolari li jkunu neqsin, b’mod partikolari meta l-ksur jikkonċerna suq fejn din il-varjetà ma tkunx għadha kkummerċjalizzata. Il-qorti tar-rinviju tkun tista’ tieħu għalhekk, bħala bażi ta’ kalkolu, it-tariffa pattwita f’kuntratti ta’ liċenzja relatati ma’ varjetajiet jew ma’ swieq simili, jew tistabbilixxi ammont raġonevoli fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ.


23 –      Sentenza Geistbeck (C‑509/10, EU:C:2012:416, punti 40 u 41).


24 –      Jidhirli li huwa verosimili, fi kwalunkwe każ, li ksur ta’ ċerta portata u li jippersisti għal tul ta’ żmien rarament jitwettaq involontarjament, b’mod li l-imsemmija inkonvenjenzi jkunu jistgħu, fil-prinċipju, jiġu kkumpensati abbażi tal-Artikolu 94(2) tal-imsemmi regolament.


25 –      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-kawża Geistbeck (C‑509/10, EU:C:2012:187, punt 57).


26 –      Moqri fid-dawl tal-kuntest tiegħu, il-punt 42 tas-sentenza Geistbeck (C‑509/10, EU:C:2012:187, punt 57), li jirreferi għall-“karattru tal-inċentiv” tal-imsemmi Artikolu 94(1), ma jqajjimx dubji dwar din il-konklużjoni. Din is-sentenza kienet tikkonċerna s-sitwazzjoni speċifika ta’ bidwi li kien kiser l-obbligi tiegħu ta’ informazzjoni abbażi tal-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 2100/94, tant li ma setax jibbenefika mill-metodu ta’ kalkolu (iktar favorevoli) għal kumpens previst minn din id-dispożizzjoni.


27 –      Għalkemm il-ħames domanda qiegħda ssir biss lill-Qorti tal-Ġustizzja fl-ipoteżi fejn din tikkonkludi, fir-risposta tagħha għar-raba’ domanda, li l-kumpens abbażi tal-Artikolu 94(2) tar-Regolament Nru 2100/94 għandu wkoll jiġi kkalkolat abbażi tat-tariffa kurrenti, inħoss li din hija rilevanti indipendentement mir-risposta li tingħata għar-raba’ domanda. Id-determinazzjoni tal-elementi tad-dannu li jista’ jiġi kkumpensat tippreċedi, fil-fatt, dik tal-metodu adegwat sabiex jiġi kkwantifikat id-dannu u sabiex jiġu stabbiliti d-danni relattivi.


28 –      Ara, ukoll, l-Artikolu 68(3) tal-Ftehim dwar il-Qorti Unifikata tal-Privattivi (ĠU 2013, C 175, p. 1).


29 –      Ara, b’mod partikolari, Geiger, C., Raynard, J., u Rodà, C., “What developments for the European framework on enforcement of intellectual property rights? A comment on the evaluation report dated December 22, 2010”, EIPR, 2011, Nru 9, p. 547; Meier‑Beck, P., “Les dommages‑intérêts pour contrefaçon de brevet en droit allemand – Principes fondamentaux, évaluation et mise en œuvre”, Revue mensuelle du JurisClasseur – Propriété Industrielle, 2004, p. 11 sa 15, u Rau, M., “Damages for patent infringement in Germany”, RIPIA, 2000, Nru 201, p. 78 sa 82. Dwar id-diffikultà sabiex jiġi kkalkolat it-telf imġarrab mid-detentur, ara Moss, G. u Rogers, D., “Damages for Loss of Profits in Intellectual Property Litigation”, EIPR, 1997, p. 425 et seq.


30 –      Ara, b’mod partikolari, Raynard, J., “IP enforcement in Europe: acquis and future plans”, f’Geiger, C. (ed.), Constructing European intellectual property: Achievements and new perspectives, 2013, p. 392.


31 –      Preċedentement imsejjaħ “Osservatorju Ewropew dwar falsifikazzjoni u piraterija”. European Observatory on Counterfeiting and Piracy, “Damages in Intellectual Property Rights”, disponibbli taħt http://ec.europa.eu/internal_market/iprenforcement/docs/damages_en.pdf, p. 3 tat-taqsima “Analysis, recommendations and best practices” u p. 1 sa 22 u 44 sa 53 tat-tabella sommarja.


32 –      Ara l-premessa 26 tad-Direttiva 2004/48.


33 –      C‑99/15, EU:C:2015:768, punt 27.


34 –      Ix-xogħol preparatorju tad-Direttiva 2004/48 ma jikkontradixxix din il-konklużjoni. Ċertament li l-proposta inizjali tal-Kummissjoni kienet tipprevedi li l-qrati nazzjonali kellhom ikunu jistgħu jevalwaw id-dannu subit mid-detentur abbażi ta’ somma globali li tikkorrispondi għad-doppju tat-tariffa ipotetika, bil-preċiżjoni li din is-somma globali ma tikkostitwixxix danni punittivi (proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri u proċeduri li għandhom l-għan li jiżguraw l-osservanza tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, tat-30 ta’ Jannar 2003, [COM (2003) 46 finali, p. 25 u 43]). Fid-dawl tan-natura minima ta’ armonizzazzjoni li topera din id-direttiva, l-adozzjoni tar-formulazzjoni inqas preskrittiva fil-verżjoni finali tal-13(1)(b) bl-ebda mod ma ċċaħħad lill-Istati Membri mill-fakultà li jawtorizzaw lil qrati tagħhom sabiex jipproċedu b’dan il-mod.


35 –      Il-kwistjoni li jiġi stabbilit, b’mod partikolari, jekk l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2004/48 jippermettix li jiġu stabbiliti d-danni billi jiżdied, mal-ammont tat-tariffa ipotetika stabbilita bl-applikazzjoni tat-tieni subparagrafu (b) ta’ din id-dispożizzjoni, somma li hija maħsuba sabiex tagħmel tajjeb għad-dannu morali, hija l-għan ta’ domanda preliminari fil-kawża Liffers (C‑99/15), pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. L-Avukat Ġenerali Wathelet ippropona li tingħata risposta pożittiva fir-rigward (konklużjonijiet fil-kawża Liffers, C‑99/15, EU:C:2015:768).


36 –      Ara, f’dan is-sens, il-premessa 17 tad-Direttiva 2004/48, li tenfasizza l-importanza li jiġi stabbilit l-ammont tal-kumpens abbażi tal-karatteristiċi għal kull każ partikolari. Fil-prinċipju, is-suppliment fil-forma ta’ somma f’daqqa, applikat għall-ammont tat-tariffa kurrenti li għandha titħallas mill-persuna li wettqet il-ksur b’nuqqas, għall-finijiet tal-kumpens tad-dannu kollu mġarrab mid-detentur, ikun ogħla mis-suppliment fil-forma ta’ somma f’daqqa, li jista’, jekk ikun il-każ, jiġi impost skont l-Artikolu 94(1) tar-Regolament Nru 2100/94, bl-għan li jiġi kkumpensat l-uniku dannu marbut man-nuqqas ta’ ħlas ta’ kumpens raġonevoli.


37 –      L-użu tal-benefiċċji magħmula mill-persuna li wettqet il-ksur għandha wkoll il-vantaġġ li tippermetti lid-detentur jikseb kumpens mingħajr ma jiżvela l-istruttura tal-ispejjeż tiegħu jew il-possibbiltajiet tal-benefiċċji (ara Meier‑Beck, P., “Allemagne: les dommages‑intérêts pour contrefaçon des droits de propriété industrielle après la loi sur l’amélioration du respect des droits de propriété intellectuelle”, Propriété Industrielle – Revue mensuelle LexisNexis Jurisclasseur, Novembru 2013, p. 21).


38 – Fil-każ preżenti, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-vantaġġ li kisbet Jungpflanzen Grünewald mill-ksur, jitla’ sa EUR 66 703.14, jiġifieri ammont li huwa viċin għal dak ta’ EUR 66 231.74 mogħti lil J. Hansson mil-Landgericht Düsseldorf (qorti reġjonali ta’ Düsseldorf) u stabbilit abbażi tat-tariffa kurrenti (ara l-punti 18 u 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet). L-Oberlandesgericht Düsseldorf (qorti reġjonali superjuri ta’ Düsseldorf) tkun tista’, fl-eżerċizzju tal-marġni tagħha ta’ diskrezzjoni, tieħu inkunsiderazzjoni l-bilanċ ta’ EUR 471.4 li jikkorrispondi għad-differenza bejn dawn l-ammonti, sabiex ikun jista’ jiġi kkwantifikat id-dannu residwali mġarrab minn J. Hansson u li għadu ma ġiex ikkumpensat bl-għoti ta’ kumpens raġonevoli.


39 – Ara, f’dan is-sens, Bouche, N., “Protection communautaire des obtentions végétales”, Jurisclasseur Droit International, aġġornat fl-20 ta’ Novembru 2014, punt 225.


40 –      Ċertament, ladarba l-benefiċċji miksuba mill-persuna li wettqet il-ksur, iservu bħala sostitut għall-evalwazzjoni tad-dannu realment imġarrab mid-detentur, il-firxa eżatta ta’ dan tal-aħħar ma tkunx ipotetikament magħrufa. Madankollu, jekk il-firxa ta’ dan id-dannu tiġi stabbilita, it-tieni sentenza tal-Artikolu 94(2) tar-Regolament Nru 2100/94 ma timponix fuq il-qorti nazzjonali, fl-opinjoni tiegħi, l-obbligu għall-kalkolu tad-danni fuq dawn il-benefiċċji, meta dawn tal-aħħar jeċċedu l-ammont tal-imsemmi dannu.


41 –      Ara, f’dan is-sens, Rodá, C., “Les conséquences civiles de la contrefaçon des droits de propriété industrielle”, coll. du CEIPI, Nru 58, 2010, p. 243 u 244. Ninnota li inizjalment, il-proposta għad-Direttiva COM (2003) 46 finali, fl-Artikolu 17, p. 25 u 43), kienet tirreferi wkoll għall-possibbiltà li l-Istati Membri jipprevedu, għal finijiet dissważivi, l-irkupru tal-benefiċċji miksuba mill-persuna li wettqet il-ksur, kemm-il darba dawn ma jkunux ittieħdu inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tad-danni. Din id-dispożizzjoni, madankollu, ma tinsabx fil-verżjoni finali tad-Direttiva 2004/48.


42 –      B’mod partikolari, ma jirriżultax mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-applikazzjoni tar-regoli nazzjonali dwar ir-restituzzjoni ta’ dawn il-benefiċċji ġiet invokata fil-kuntest tal-proċedura fil-kawża prinċipali.


43 –      Din l-aħħar problema titqajjem ukoll fil-kuntest tal-ħames domanda (a).


44 –      Proposta għal direttiva 2003, COM (2003) 46 finali, Artikolu 18, p. 26.


45 –      F’ċerti verżjonijiet lingwistiċi, bħal dawk bil-lingwa Spanjola, Daniża, Franċiża u Taljana, is-sintassi tal-Artikolu 14 tagħti x’wieħed jaħseb li l-aġġettivi “raġjonevoli u proprozjonati” ma jirreferux ħlief għall-“ispejjeż legali”, bl-eċċezzjoni ta’ “spejjeż oħra […] mħallsa” mill-parti li tkun rebħet il-kawża. Din l-ambigwità ma tirriżultax, min-naħa l-oħra, f’verżjonijiet lingwistiċi oħra, bħal dawk bil-lingwa Ġermaniża (“dass die Prozesskosten und sonstigen Kosten […], soweit sie zumutbar und angemessen sind”), Ingliża (“reasonable and proportionate legal costs and other expenses”) jew Olandiża (“redelijke en evenredige gerechtskosten en andere kosten”). F’każ ta’ diverġenzi bejn il-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva tal-Unjoni, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata skont l-istruttura ġenerali u l-għan tal-leġiżlazzjoni li minnha tifforma parti (sentenza Endendijk, C‑187/07, EU:C:2008:197, punti 22 sa 24 u l-ġurisprudenza ċċitata). Irid jingħad li d-Direttiva 2004/48 ma ssemmi l-ebda kunsiderazzjoni fejn tispjega li huwa biss ir-rimbors tal-ispejjeż legali li għandu limitu massimu. Barra minn hekk, ma nara l-ebda ġustifikazzjoni oġġettiva għal tali distinzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, nagħti preferenza lill-interpretazzjoni li kemm l-ispejjeż legali kif ukoll l-ispejjeż l-oħra ma jistgħux jiġu rkuprati kemm-il darba ma jkunux “raġonevoli u proporzjonati”.


46 –      L-Artikolu 69(1) tal-Ftehim.


47 –      Ċerti qrati nazzjonali jaċċettaw, madankollu, l-irkupru tal-ispejjeż legali u anki tal-ispejjeż għal perizja, bħala element ta’ dannu li jista’ jiġi kkumpensat fil-każ ta’ nuqqas tal-persuna li wettqet il-ksur, abbażi tar-regoli relatati mar-responsabbiltà ċivili u jekk ikun il-każ kif suġġett għal qafas għal kunsiderazzjonijiet ta’ ekwità (ara r-rapport tal-European Observatory on Counterfeiting and Piracy, “Damages in Intellectual Property Rights”, disponibbli taħt http://ec.europa.eu/internal_market/iprenforcement/docs/damages_en.pdf, p. 66 sa 96 tat-tabella sommarja kif ukoll Rodá, C., “Les conséquences civiles de la contrefaçon des droits de propriété industrielle”, coll. du CEIPI, Nru 58, 2010, p. 213 sa 218 u 321 sa 327).


48 –      Fil-Kawża United Video Properties (C‑57/15), pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, din tal-aħħar hija mistiedna tiddetermina, essenzjalment, jekk l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48 jipprekludix dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprevedu sistema ta’ tariffi globali, fil-qasam ta’ irkupru tal-ispejjeż ta’ rappreżentazzjoni u li jissuġġettaw il-ħlas lura tal-ispejjeż tal-perizja għall-eżistenza ta’ nuqqas tal-konvenut.


49 –      European Observatory on Counterfeiting and Piracy op. cit. p. 3 tas-sezzjoni “Analysis, recommendations and best practices”, p. 9 tat-taqsima “Executive summary”, kif ukoll p. 66 sa 81 tat-tabella sommarja.


50 –      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Medipac‑Kazantzidis (C‑6/05, EU:C:2007:337, punt 34) u Enterprise Focused Solutions (C‑278/14, EU:C:2015:228, punt 17).


51 –      Madankollu, l-imsemmi Artikolu 14 jirregola biss, fl-opinjoni tiegħi, il-kumpens tal-ispejjeż marbuta mad-determinazzjoni tal-ksur inkwistjoni fil-kuntest tal-każ partikolari. L-ispejjeż ġenerali ta’ identifikazzjoni u tal-verifika tas-suq, li jsiru f’fażi preċedenti u mhux speċifiċi għal istanza partikolari, jistgħu madankollu, fil-prattika, ikunu diġà integrati fl-ammont tat-tariffa kurrenti għall-produzzjoni bil-liċenzja (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-kawża Geistbeck, C‑509/10, EU:C:2012:187, punti 64 u 72 sa 74). Huwa, fl-opinjoni tiegħi, minn din il-perspettiva li l-premessa 26 tad-Direttiva 2004/48 tindika li l-evalwazzjoni globali tad-danni abbażi tat-tariffa ipotetika, tippermetti li jitqiesu l-ispejjeż tar-riċerka u tal-identifikazzjoni magħmula mid-detentur.


52 –      Sentenzi Realchemie Nederland (C‑406/09, EU:C:2011:668, punt 48), u Diageo Brands (C‑681/13, EU:C:2015:471, punt 77).


53 –      C‑406/09, EU:C:2011:209, punt 87.