Language of document : ECLI:EU:F:2012:22

DIGRIET TAL-PRESIDENT TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

tat-28 ta’ Frar 2012

Kawża F‑139/11 R

BJ

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Proċeduri għal miżuri provviżorji — Talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Inkjesta tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) — Stedina għal smigħ — Rapport ta’ għeluq tal-investigazzjoni — Att li jikkawża preġudizzju — Inammissibbiltà tar-rikors prinċipali”

Suġġett:      Talba, imressqa skont l-Artikoli 278 TFUE u 157 EA kif ukoll tal-Artikolu 279 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tagħha BJ titlob, b’mod partikolari, is-sospensjoni tad-deċiżjoni tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF), tat-28 ta’ Ottubru 2011, li tistidinha għal smigħ fil-kuntest ta’ investigazzjoni interna, sa fejn din id-deċiżjoni tiddikjara l-għeluq tal-investigazzjoni u t-tfassil ta’ rapport finali dwar din l-investigazzjoni.

Deċiżjoni:      It-talba għal miżuri provviżorji hija miċħuda. L-ispejjeż huma rriżervati.

Sommarju

1.      Proċeduri għal miżuri provviżorji — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà — Deċiżjoni kkontestata li eżawriet parzjalment l-effetti tagħha fid-data tal-preżentata tat-talba għal miżuri provviżorji — Talba parzjalment inammissibbli

(Artikolu 278 TFUE)

2.      Proċeduri għal miżuri provviżorji — Ġurisdizzjoni tal-imħallef għall-miżuri provviżorji — Għoti ta’ ordnijiet ta’ natura provviżorja

(Artikolu 279 TFUE)

3.      Proċeduri għal miżuri provviżorji — Kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà — Ammissibbiltà tar-rikors prinċipali — Nuqqas ta’ rilevanza — Limiti

(Artikoli 278 TFUE u 279 TFUE)

4.      Uffiċjali — Rikorsi — Att li jikkawża preġudizzju — Kunċett — Atti li jipproduċu effetti legali vinkolanti — Rapport tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) li jagħlaq l-investigazzjoni — Dikjarazzjoni tal-għeluq tal-investigazzjoni u tat-tfassil tar-rapport finali — Deċiżjoni li tistieden uffiċjal jattendi għal smigħ u li tinformah dwar is-suġġett u l-modalitajiet ta’ dan is-smigħ — Esklużjoni

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1073/1999, Artikoli 4(1) u (2), u 9)

5.      Proċeduri għal miżuri provviżorji — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Miżuri provviżorji — Kundizzjonijiet għall-għoti — “Fumus boni juris” — Urġenza — Natura kumulattiva — Ibbilanċjar tal-interessi kollha inkwistjoni — Setgħa diskrezzjonali tal-Imħallef għal miżuri provviżorji

(Artikoli 278 TFUE u 279 TFUE; Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 102(2))

6.      Proċeduri għal miżuri provviżorji — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Miżuri provviżorji — Kundizzjonijiet għall-għoti — Urġenza — Dannu gravi u irreparabbli — Oneru tal-prova

(Artikoli 278 TFUE u 279 TFUE; Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 102(2))

1.      Meta parti minn deċiżjoni kkontestata tkun eżawriet l-effetti tagħha fid-data tal-preżentata tat-talba għal miżuri provviżorji, it-talbiet relatati magħha huma inammissibbli.

(ara l-punt 27)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 27 ta’ Mejju 2011, Mariën vs Il‑Kummissjoni u SEAE, F‑5/11 R u F‑15/11 R, punti 39 u 42

2.      L-imħallef għal miżuri provviżorji għandu setgħa li joħroġ ordnijiet ta’ natura provviżorja u li ma jippreġudikaw bl-ebda mod id-deċiżjoni tal-qorti li tiddeċiedi fil-kawża prinċipali.

(ara l-punt 29)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 5 ta’ Awwissu 1983, CMC et vs Il‑Kummissjoni 118/83 R, punt 53

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 12 ta’ Diċembru 1995, Connolly vs Il-Kummissjoni T‑203/95 R, punt 25

3.      Il-kwistjoni tal-ammissibbiltà tar-rikors prinċipali ma għandhiex, bħala prinċipju, tiġi eżaminat fil-kuntest ta’ proċeduri għal miżuri provviżorji, iżda għandha tkun irriżervata għall-analiżi tal-imsemmi rikors. L-għoti ta’ deċiżjoni fuq l-ammissibbiltà fl-istadju tal-proċeduri għal miżuri provviżorji meta l-ammissibbiltà ma hijiex, prima facie, totalment eskluża, tkun effettivament tippreġudika d-deċiżjoni tal-qorti fil-kawża prinċipali.

Madankollu, jista’ jkun meħtieġ li l-qorti, speċjalment meta tiġi eċċepita l-inammissibbiltà manifesta tar-rikors fil-kawża prinċipali li fuqu tkun ibbażata t-talba għal miżuri provviżorji, tivverifika l-eżistenza ta’ ċerti fatti li jippermettu li tittieħed deċiżjoni, prima facie, dwar l-ammissibbiltà ta’ tali rikors.

(ara l-punti 30 u 31)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 27 ta’ Ġunju 1991, Bosman vs Il-Kummissjoni, C‑117/91 R, punt 7

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 4 ta’ Frar 1999, Peña Abizanda et vs Il-Kummissjoni, T‑196/98 R, punt 10 u l-ġurisprudenza ċċitata; 30 ta’ Ottubru 2003, Akzo Nobel chemicals u Akcros Chemicals vs Il-Kummissjoni, T‑125/03 R u T‑253/03 R, punt 56

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 14 ta’ Diċembru 2006, Dálnoky vs Il-Kummissjoni, F‑120/06 R, punt 41

4.      Kemm fil-kuntest ta’ kawżi speċifiċi tas-servizz pubbliku Ewropew kif ukoll fil-kuntest ta’ kawżi ġenerali, jikkostitwixxu atti li jikkawżaw preġudizzju, u, konsegwentement, li jistgħu jiġu kkontestati, biss dawk il-miżuri li jipproduċu effetti legali vinkolanti li jistgħu jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jbiddlu, b’mod kunsiderevoli, is-sitwazzjoni legali tiegħu.

F’dan ir-rigward, rapport tal-għeluq ta’ investigazzjoni tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) ma jbiddilx is-sitwazzjoni legali tal-persuni li jkunu msemmija. A fortiori, id-dikjarazzjoni ta’ għeluq ta’ investigazzjoni u t-tfassil ta’ rapport finali ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala att li jikkawża preġudizzju.

Barra dan, lanqas id-deċiżjoni tal-OLAF li tistieden uffiċjal jew membru tal-persunal sabiex jattendi smigħ u, sussidjarjament, li tinformah dwar is-suġġett u l-modalitajiet ta’ dan is-smigħ ma tbiddel is-sitwazzjoni legali tiegħu b’mod suffiċjentement kunsiderevoli li tikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju. Fil-fatt, din hija b’mod ċar miżura preparatorja li tintervjeni fit-tmexxija ta’ investigazzjoni li tista’ tagħti lok għal deċiżjoni finali li l-istituzzjoni kkonċernata jew l-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali kompetenti jkunu jistgħu jadottaw fid-dawl tar-rapport tal-OLAF li jagħlaq din l-investigazzjoni.

(ara l-punti 37, 39 u 40)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 6 ta’ April 2006, Camós Grau vs Il‑Kummissjoni, T‑309/03, punti 48 u 49

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 20 ta’ Mejju 2010, Il-Kummissjoni vs Violetti et, T‑261/09 P, punt 46

5.      Skont tal-Artikolu 102(2) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, lit-talbiet dwar miżuri provviżorji għandhom jispeċifikaw, b’mod partikolari, iċ-ċirkustanzi li jistabbilixxu l-urġenza kif ukoll il-punti ta’ fatt u ta’ liġi li jiġġustifikaw prima faciae (fumus boni juris) il-ħruġ tal-miżuri li huma jkunu qed jitolbu.

Ir-rekwiżiti għall-urġenza u għall-fumus boni juris huma kumulattivi, b’tali mod li talba għal miżuri provviżorji għandha tiġi miċħuda meta wieħed mir-rekwiżiti ma jkunx sodisfatt. L-imħallef għal miżuri provviżorji xorta jipproċedi, jekk ikun il-każ, għall-ibbilanċjar tal-interessi inkwistjoni.

Fil-kuntest ta’ dan l-eżami sħiħ, l-imħallef għal miżuri provviżorji għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa u jibqa’ ħieles li jiddetermina, fid-dawl tal-partikolaritajiet tal-każ, il-mod ta’ kif dawn id-diversi rekwiżiti għandhom jiġu vverifikati kif ukoll l-ordni ta’ dan l-eżami, peress li l-ebda regola tad-dritt ma timponilu xi skema ta’ analiżi stabbilita minn qabel sabiex jevalwa n-neċessità li jiddeċiedi provviżorjament.

(ara l-punti 54 sa 56)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 10 ta’ Settembru 1999, Elkaïm u Mazuel vs Il-Kummissjoni, T‑173/99 R, punt 18; 9 ta’ Awwissu 2001, De icola vs BEI, T‑120/01 R, punti 12 u 13

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 31 ta’ Mejju 2006, Bianchi vs ETF, F‑38/06 R, punti 20 u 22

6.      L-għan tal-proċeduri għal miżuri provviżorji ma huwiex li jiġi żgurat kumpens għal dannu, iżda li tiġi ggarantita l-effettività tad-deċiżjoni fuq il-mertu. Sabiex jinkiseb dan l-għan tal-aħħar, huwa meħtieġ li l-miżuri mitluba jkunu urġenti fis-sens li huwa neċessarju, sabiex jiġi evitat dannu gravi u irreparabbli għall-interessi tar-rikorrent, li jiġu stabbiliti u li jipproduċu l-effetti tagħhom qabel id-deċiżjoni fil-kawża prinċipali. Barra minn hekk, hija l-parti li titlob il-ħruġ ta’ miżuri provviżorji li għandha tipproduċi l-prova li ma tistax tistenna l-eżitu tal-kawża prinċipali mingħajr ma jkollha ssofri dannu ta’ dan it-tip.

(ara l-punt 58)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 19 ta’ Diċembru 2002, Esch-Leonhardt et vs BĊE, T‑320/02 R, punt 27