Language of document : ECLI:EU:F:2015:89

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA
(L-Ewwel Awla)

16 ta’ Lulju 2015

Kawża F‑116/14

Simona Murariu

vs

L-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA)

“Servizz pubbliku – Persunal tal-EIOPA – Membru tal-persunal temporanju – Avviż ta’ pożizzjoni vakanti – Rekwiżit ta’ esperjenza professjonali minima ta’ tmien snin – Kandidat intern li diġà ġie kkonfermat fil-funzjonijiet tiegħu ta’ membru tal-persunal temporanju fi tmiem perijodu ta’ prova – Assenjazzjoni provviżorja għall-impjieg il-ġdid li tfisser klassifikazzjoni fi grad ogħla – Żball materjali li jinsab fl-avviż ta’ pożizzjoni vakanti – Irtirar tal-offerta ta’ impjieg – Applikabbiltà tad-DĠI – Konsultazzjoni tal-Kumitat tal-Persunal – Aspettattivi leġittimi”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, li bih S. Murariu talbet essenzjalment, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tal-24 ta’ Frar 2014 li biha, skontha, id-Direttur eżekuttiv tal-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA) irtira d-deċiżjoni tiegħu tas-7 ta’ Novembru 2013 li taħtarha, provviżorjament, f’pożizzjoni li kienet is-suġġett ta’ avviż ta’ pożizzjoni vakanti kif ukoll l-annullament tad-deċiżjoni tal-24 ta’ Lulju 2014 li ċaħdet l-ilment tagħha u, min-naħa l-oħra, il-kundanna tal-EIOPA għall-kumpens tad-dannu materjali u morali li hija tqis li ġarrbet.

Deċiżjoni:      Id-deċiżjoni tal-24 ta’ Frar 2014 tal-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol hija annullata sa fejn:

meta tinjora, f’relazzjoni kuntrattwali, id-drittijiet kweżiti u t-termini kuntrattwali, hija tiċħad retroattivament il-kandidatura ta’ S. Murariu għall-impjieg ta’ espert anzjan fil-pensjonijiet tax-xogħol (“senior expert on personal pensions”) u tirtira impliċitament l-offerta ta’ impjieg, taħt skema ta’ assenjazzjoni provviżorja, diġà aċċettata minn S. Murariu, li kienet saritilha fis-17 ta’ Lulju 2013; hija ċċaħħad lil S. Murariu mill-benefiċċju ta’ salarju li jikkorrispondi għall-grad AD 8 matul il-perijodu ta’ assenjazzjoni provviżorja mis-16 ta’ Settembru 2013 sal-24 ta’ Frar 2014. Il-bqija tat-talbiet għal annullament huma miċħuda. L-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol hija kkundannata li tikkumpensa d-dannu materjali lil S. Murariu, li sofriet bejn is-16 ta’ Settembru 2013 u l-24 ta’ Frar, sal-ammont li jikkorrispondi għad-differenza fir-remunerazzjoni bejn il-gradi AD 6 u AD 8, miżjud bl-interessi moratorji, mis-16 ta’ Settembru 2013, bir-rata stabbilita mill-Bank Ċentrali Ewropew għat-tranżazzjonijiet prinċipali ta’ rifinanzjament matul il-perijodu kkonċernat u miżjuda b’żewġ punti. Il-kumplament tat-talbiet għall-kumpens huma miċħuda. L-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol għandha tbati l-ispejjeż tagħha u hija kkundannata li tbati l-ispejjeż sostnuti minn S. Murariu.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Regolamenti tal-Persunal – Dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni – Tqegħid tal-firma tal-president tal-bord ta’ tmexxija – Effetti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 110)

2.      Uffiċjali – Membri tal-persunal temporanju – Avviż ta’ pożizzjoni vakanti – Skop – Obbligu għall-amministrazzjoni li tindika l-kundizzjonijiet rikjesti sabiex jiġi okkupat impjieg – Portata – /Ċaħda ta’ kandidatura peress li ma ġiex issodisfatta kundizzjoni li ma tinsabx f’avviż ta’ pożizzjoni vakanti, iżda prevista f’dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni applikabbli għall-proċedura – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 110)

3.      Uffiċjali – Regolamenti tal-Persunal – Dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni – Proċedura għall-adozzjoni – Obbligu tal-amministrazzjoni li tikkonsulta l-Kumitat tal-Persunal – Portata – Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 110)

4.      Uffiċjali – Prinċipji – Protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi – Kundizzjonijiet – Impossibbiltà li tkun sostnuta aspettattivi leġittima li att manifestament illegali jinżamm

5.      Uffiċjali – Membri tal-persunal temporanju – Att li jikkawża preġudizzju – Reklutaġġ – Irtirar ta’ offerta ta’ impjieg wara aċċettazzjoni mill-kandidat magħżul – Illegalità

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91; Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Komunitajiet Ewropej, Artikoli 14 u 47)

6.      Uffiċjali – Membri tal-persunal temporanju – Reklutaġġ – Perijodu ta’ prova – Kandidat intern li diġà ġie kkonfermat fil-funzjonijiet tiegħu bħala membru tal-persunal temporanju – Assenjazzjoni għal impjieg ġdid li għandu klassifikazzjoni fi grad ogħla – Rekwiżiti ta’ perijodu ta’ prova ġdid – Ammissibbiltà

(Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Komunitajiet Ewropej, Artikoli 10 u 14)

7.      Uffiċjali – Membri tal-persunal temporanju – Reklutaġġ – Klassifikazzjoni fi grad – Kandidat intern li diġà ġie kkonfermat fil-funzjonijiet tiegħu bħala membru tal-persunal temporanju – Assenjazzjoni għal impjieg ġdid li għandu klassifikazzjoni fi grad ogħla –Klassifikazzjoni retroattiva fi tmiem perijodu ta’ prova ta’ sitt xhur – Inammissibbiltà

1.      Fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni fis-sens tal-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal, it-tqegħid tal-firma tal-president tal-bord ta’ tmexxija ta’ korp tal-Unjoni fuq it-test ta’ verżjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet isservi biss sabiex l-imsemmija dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni jkunu awtentikati bħala att adottat mill-bord ta’ tmexxija. Madankollu, dan ma jfissirx li dawn ġew adottati mill-imsemmi president li jaġixxi b’mod individwali.

(ara l-punt 69)

2.      Il-prinċipju ta’ ċertezza legali jirrikjedi li l-amministrazzjoni tqiegħed lill-partijiet ikkonċernati f’pożizzjoni li jistgħu jkunu jafu bi preċiżjoni l-portata tal-obbligi fuqhom jew id-drittijiet li għandhom. Konsegwentement, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jirrikjedi li regola stabbilita mill-amministrazzjoni u li tiddetermina drittijiet u obbligi għall-membri tal-persunal tingħata pubbliċità adegwata bil-modi u l-forom li hija l-amministrazzjoni li għandha tiddeterminahom.

Fir-rigward, b’mod partikolari, ta’ regoli li jikkonċernaw ir-reklutaġġ ta’ membri tal-persunal temporanji, l-awtorità li għandha s-setgħa li tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ ta’ istituzzjoni jew aġenzija għandha tindika b’mod kemm jista’ jkun preċiż fl-avviż ta’ pożizzjoni vakanti l-kundizzjonijiet rikjesti għall-pożizzjoni inkwistjoni, sabiex il-persuni jkunu f’pożizzjoni li jevalwaw jekk hemmx lok għalihom li japplikaw. Ċertament, l-imsemmija awtorità ma hijiex marbuta li tfakkar il-kundizzjonijiet kollha espressament previsti mir-Regolamenti tal-Persunal, peress li l-kandidati huma preżunti li jkunu jafuhom, iżda avviż ta’ pożizzjoni vakanti ikun imċaħħad mill-iskop tiegħu, li huwa li jinforma lill-kandidati bil-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti għal din il-pożizzjoni, jekk l-amministrazzjoni tista’ teskludi kandidat għal motiv li ma jinsabx espressament fl-imsemmi avviż jew fl-imsemmija Regolamenti tal-Persunal, jew li ma kienx preċedentement ippubblikat b’mod li jkun aċċessibbli jew magħruf lill-kandidat.

Madankollu, istituzzjoni jew aġenzija għandha, fil-prinċipju, il-possibbiltà jew saħansitra l-obbligu, sabiex tiżgura l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fl-iżvolġiment ta’ proċeduri differenti ta’ għażla għal postijiet tal-istess grad, li teskludi kandidat għan-nuqqas ta’ osservanza ta’ kundizzjoni li, minħabba żball klerikali ta’ redazzjoni, ma tinsabx bħala tali f’wieħed mill-avviżi ta’ pożizzjoni vakanti tagħha, iżda tirriżulta b’mod ċar u univoku mid-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal u mill-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra adottati mill-istituzzjoni jew aġenzija u li kienu ġew ippubblikati b’mod xieraq, u li, għaldaqstant, huma meqjusa magħrufa minn kandidat normalment diliġenti li jappartjeni għall-persunal tal-istituzzjoni jew tal-aġenzija involuta. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 110(3) tar-Regolamenti tal-Persunal jippermetti lill-amministrazzjoni diskrezzjoni wiesgħa fl-għażla tal-metodu ta’ komunikazzjoni tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punti 73 sa 76)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenzi tat-30 ta’ Ottubru 1974, Grassi vs Il-Kunsill, 188/73, EU:C:1974:112, punt 40; tal-25 ta’ Novembru 1976, Küster vs Il-Parlament, 123/75, EU:C:1976:162, punt 7; tal-21 ta’ Ġunju 2007, ROM-projecten, C‑158/06, EU:C:2007:370, punt 25; tal-11 ta’ Diċembru 2007, Skoma-Lux, C‑161/06, EU:C:2007:773, punt 28, u tal-10 ta’ Marzu 2009, Heinrich, C‑345/06, EU:C:2009:140, punt 44

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenza tat-2 ta’ Ottubru 1996, Vecchi vs Il-Kummissjoni, T‑356/94, EU:T:1996:136, punt 50

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenzi tat-30 ta’ Novembru 2009, Wenig vs Il-Kummissjoni, F‑80/08, EU:F:2009:160, punt 90; tal-14 ta’ April 2011, Šimonis vs Il-Kummissjoni, F‑113/07, EU:F:2011:44, punti 73 u 74, u tal-15 ta’ Ottubru 2014, Moschonaki vs Il-Kummissjoni, F‑55/10 RENV, EU:F:2014:235, punti 41 u 42

3.      Għalkemm id-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni tal-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal ma jistgħux jiġu adottati minn aġenzija mingħajr il-qbil tal-Kummissjoni, li b’hekk tingħata ċertu setgħa ta’ superviżjoni lil din tal-aħħar, hija madankollu prevista biss konsultazzjoni mal-Kumitat tal-Persunal, jiġifieri forma modesta ta’ parteċipazzjoni għal teħid ta’ deċiżjoni, li ma jimplika bl-ebda l-obbligu għall-amministrazzjoni li taġixxi fuq l-osservazzjonijiet ifformulati mill-Kumitat tal-Persunal fil-kuntest tal-konsultazzjoni ta’ dan tal-aħħar. Madankollu, sakemm tippreġudika l-effettività tal-obbligu ta’ konsultazzjoni, l-amministrazzjoni għandha tosserva dan l-obbligu kull meta l-konsultazzjoni tal-Kumitat tal-Persunal hija tali li tista’ tinfluwenza l-kontenut tal-att li għandu jiġi adottat.

Id-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ʼil fuq tal-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal ma jistabbilixxux il-kronoloġija tal-istadji tal-proċedura ta’ adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet ġenerali ta’ eżekuzzjoni minn aġenzija, b’mod partikolari dwar jekk il-kumitat tal-persunal tiegħu jista’ jew għandux jinstema’ qabel jew wara l-ftehim mogħti mill-Kummissjoni. F’dan ir-rigward, peress li s-setgħa ta’ adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni mogħtija formalment lill-aġenzija hija kundizzjonata għall-ftehim tal-Kummissjoni, b’tali mod li, fir-realtà, kemm l-aġenzija kif ukoll il-Kummissjoni għandhom setgħa deċiżjonali fil-materja. B’hekk, il-Kumitat tal-Persunal ta’ aġenzija jista’ jiġi kkonsultat qabel l-approvazzjoni ta’ abbozz ta’ dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni mill-Kummissjoni, sakemm it-test adottat ulterjorment, formalment, mill-aġenzija ma huwiex differenti sostanzjalment minħabba tibdil li sar fuq talba tal-Kummissjoni, mit-test inizjalment ippreżentat lill-Kumitat tal-Persunal.

B’hekk, l-aġenzija hija obbligat li tikkonsulta mill-ġdid il-Kumitat tal-Persunal qabel l-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni biss jekk tiddeċiedi li taċċetta emendi, rikjesti mill-Kummissjoni, għall-proposta inizjali tagħha u li jaffettwaw sostanzjalment l-istruttura ta’ din il-proposta. Tali obbligu huwa madankollu eskluż għal emendi speċifiċi u limitati, peress li jitfakkar li n-natura sostanzjali ta’ modifika għandha tiġi evalwata mill-perspettiva tal-iskop u tal-pożizzjoni tad-dispożizzjonijiet emendati fl-iskema ġenerali, u mhux dak tal-konsegwenzi individwali li jistgħu jkollhom fuq l-uffiċjali jew il-membri tal-persunal ikkonċernati.

(ara l-punti 86 sa 88)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, Centeno Mediavilla et vs Il-Kummissjoni, C‑443/07 P, EU:C:2008:767, punt 52

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenza tal-20 ta’ Novembru 2003, Cerafogli u Poloni vs BĊE, T‑63/02, EU:T:2003:308, punt 23, u l-ġurisprudenza ċċitata

4.      Għalkemm il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jista’ jillimita d-dritt tal-amministrazzjoni li tirtira, b’effett retroattiv, miżura vvizzjata b’illegalità jekk id-destinatarju tal-att seta’ joqgħod fuq l-apparenza ta’ legalità tagħha, din il-kundizzjoni ma tistax titqies bħala ssodisfatta fil-preżenza ta’ ċirkustanzi oġġettivi li kellhom iwasslu lill-persuna kkonċernata li tinduna bl-iżball inkwistjoni jew, fi kliem ieħor, fil-preżenza ta’ elementi tali li jqajmu dubji dwar il-legalità tal-att. B’hekk, il-persuna kkonċernata ma tistax tinvoka l-apparenza ta’ legalità tal-att irtirat b’mod partikolari meta l-imsemmi att ma għandu l-ebda bażi legali jew ġie adottat bi ksur evidenti tar-regoli ta’ dritt applikabbli.

(ara l-punt 98)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: sentenza tat-12 ta’ Mejju 2010, Bui Van vs Il-Kummissjoni, T‑491/08 P, EU:T:2010:191, punt 44, u l-ġurisprudenza ċċitata

5.      Il-bażi tar-relazzjoni ta’ impjieg ta’ membru tal-persunal temporanju mal-istituzzjoni jew l-aġenzija kkonċernata hija kkostitwita minn kuntratt ta’ impjieg. B’hekk, fir-rigward tal-possibbiltà li tintemm relazzjoni kuntrattwali, ladarba stabbilita permezz tal-iskambju tal-intenzjonijiet tal-partijiet, l-awtorità li għandha s-setgħa li tikkonkludi l-kuntratti ta’ reklutaġġ ma tistax taġixxi b’mod unilaterali bħala awtorità tal-ħatra, iżda hija marbuta bid-dispożizzjonijiet kuntrattwali rilevanti li jorbtuha mal-membru tal-persunal tagħha u, fi kwalunkwe każ, fl-osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra, b’mod partikolari l-Artikoli 14 u 47 tagħhom.

Fil-fatt, għalkemm ebda dispożizzjoni ta’ dawn il-Kondizzjonijiet tal-impjieg ma tipprojbixxi lill-awtorità li għandha s-setgħa li tikkonkludi l-kuntratti ta’ reklutaġġ awtorità, permezz ta’ dispożizzjonijiet kuntrattwali iktar favorevoli għall-membri tal-persunal, tillimita, fl-interess tal-imsemmija ħaddiema, is-setgħa tagħha, ibbażat fuq l-Artikolu 47 tal-imsemmija Kondizzjonijiet tal-impjieg, ix-xoljiment ta’ kuntratti ta’ impjieg konklużi validament, hija ma jistax, madankollu, lil hinn mill-każijiet previsti mill-imsemmija Kondizzjonijiet tal-impjieg, tirtira unilateralment l-impenn kuntrattwali tagħha mal-membru tal-persunal ikkonċernat. B’mod partikolari, offerta ta’ impjieg magħmula lil kandidat għall-impenn tiegħu bħala membru tal-persunal temporanju tikkostitwixxi ċertament intenzjoni sempliċi u, bħala tali, att preparatorju, mhux li joħloq drittijiet, li jistgħu jiġu rtirati, pereżempju meta l-awtorità li għandha s-setgħa li tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ tiskopri, wara l-formulazzjoni tal-offerta ta’ impjieg, li waħda mill-kundizzjonijiet ta’ reklutaġġ stabbiliti mill-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra, l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti jew dispożizzjonijiet interni ma ġietx issodisfatta mill-persuna kkonċernata. Madankollu, is-sitwazzjoni hija differenti meta tali offerta ġiet aċċettata, li hija ħadet forma materjali permezz ta’ deċiżjoni tal-awtorità li għandha s-setgħa li tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ u li r-relazzjoni kuntrattwali l-ġdida kienet fil-fatt, diġà s-suġġett ta’ bidu ta’ eżekuzzjoni. Fil-fatt, f’sitwazzjoni simili, l-iskambju tal-intenzjonijiet tal-partijiet kontraenti jagħti lok għal obbligi kuntrattwali ġodda ta’ natura kuntrattwali li jillimitaw is-setgħa tal-imsemmija awtorità li taġixxi unilateralment lil hinn minn każijiet espressament previsti mill-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra, bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 47 tiegħu, u, fi kwalunkwe każ, li jaġixxi retroattivament.

(ara l-punti 101 u 103)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenzi tat-18 ta’ Ottubru 1977, Schertzer vs Il-Parlament, 25/68, EU:C:1977:158, punt 40, u tad-19 ta’ Ġunju 1992, V. vs Il-Parlament, C‑18/91 P, EU:C:1992:269, punt 39

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenzi tat-30 ta’ Novembru 1994, Düchs vs Il-Kummissjoni, T‑558/93, EU:T:1994:279, punt 43, u tas-7 ta’ Lulju 2004, Schmitt vs AER, T‑175/03, EU:T:2004:214, punt 53

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2012, Eklund vs Il-Kummissjoni, F‑57/11, EU:F:2012:145, punt 66, u d-digriet tal-10 ta’ Lulju 2014, Mészáros vs Il-Kummissjoni, F‑22/13, EU:F:2014:189, punt 73

6.      Aġenzija tal-Unjoni tista’ tipprevedi, fid-dispożizzjonijiet interni tagħha, li kandidat għal pożizzjoni li għandha timtela fi ħdanha, li diġà qed jaħdem fis-servizz ta’ din l-aġenzija bħala membru tal-persunal temporanju kkonfermat iżda fi grad iktar baxx minn dik tal-pożizzjoni inkwistjoni, jista’ jkun suġġett, bħala kandidat estern għall-imsemmija aġenzija suġġetta, dwarha, għal perijodu ta’ prova fis-sens tal-Artikolu 14 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra fil-pożizzjoni inkwistjoni, għal forma ġdida ta’ perijodu ta’ prova ta’ sitt xhur, li r-riżultati tagħhom ser jiddeterminaw l-intervent sussegwenti ta’ impjieg fiss fil-pożizzjoni l-ġdida u fi grad ogħla permezz ta’ żieda għall-kuntratt tiegħu li tipprevedi l-assenjazzjoni mill-ġdid tiegħu għall-kuntratt li tipprevedi l-assenjazzjoni mill-ġdid b’mod permanenti fil-pożizzjoni kkonċernata. Din l-interpretazzjoni, ispirata mill-applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 14 tal- Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra lil membru tal-persunal temporanju li ma għadux kemm ġie rreklutat minn istituzzjoni jew aġenzija, iżda li jibbenefika minn impjieg għal żmien determinat jew indeterminat fi ħdan din tal-aħħar, jikseb fit-tmiem ta’ perijodu ta’ prova tal-Artikolu 14 tal-imsemmija Kondizzjonijiet tal-impjieg, tippermetti wkoll ma jkunux ippenalizzati il-membri tal-persunal temporanju li huma diġà kkonfermati f’aġenzija, peress li, jekk ikun il-każ, l-aġenzija tista’ titwassal li tagħti prijorità lir-reklutaġġ ta’ kandidati li tista’ tirrikjedi li jkun hemm evalwazzjoni tal-prestazzjoni tagħhom fi tmiem il-perijodu ta’ prova, f’dan il-każ fil-kundizzjonijiet tal-Artikolu 14 tal-imsemmija Kondizzjonijiet tal-impjieg, preċiżament għad-detriment ta’ kandidati interni li għalihom perijodu ta’ prova ġdid ma jkunx possibbli.

Fil-fatt, mill-formulazzjoni jew mill-istruttura tal-Artikoli 10 u 14 tal-imsemmija Kondizzjonijiet tal-impjieg ma jirriżultax li huma jipprekludu li l-amministrazzjoni tista’ tirrikjedi mill-membru tal-persunal ikkonċernat li jwettaq perijodu ta’ prova ġdid fis-sens tal-Artikolu 14 tal-imsemmija Kundizzjonijiet tal-impjieg jew kwalunkwe forma oħra ta’ perijodu ta’ prova għall-ħtiġijiet ta’ din l-assenjazzjoni l-ġdida.

B’hekk, meta tassenja fuq waħda mill-pożizzjonijiet l-oħra tiegħu wieħed mill-membru tal-persunal temporanju diġà kkonfermat, taħt kuntratt għal perijodu determinat jew indeterminat, fil-funzjonijiet preċedenti tiegħu fi tmiem perijodu ta’ prova fis-sens tal-Artikolu 14 tal-imsemmija Kundizzjonijiet tal-impjieg, l-awtorità li għandha s-setgħa li tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ tista’ tiddeċiedi li teżenta lill-persuna kkonċernata milli tagħmel perijodu ta’ prova ġdid meta tikkunsidra li jkompli, f’din il-kwalità ta’ membru tal-persunal temporanju, ir-relazzjoni ta’ impjieg tiegħu mal-persuna li timpjegah, u dan fil-każ fejn it‑tkomplija tar-relazzjoni ta’ impjieg tinvolvi żieda fil-grad jew bidla fil-funzjonijiet imwettqa u meta l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti għal-impjieg li għadu kif ġie okkupat jirreferi biss għal reklutaġġ għal żmien determinat.

Għall-kuntrarju, meta l-kuntratt il-ġdid ta’ impjieg mal-istess awtorità li għandha s-setgħa li tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ jaqa’ fil-kuntest ta’ kategorija oħra ta’ impjieg jew irrappreżenta waqfa fil-karriera tal-membru tal-persunal temporanju diġà kkonfermat minn perijodu ta’ prova taħt l-Artikolu 14 tal-imsemmija Kondizzjonijiet tal-impjieg, fil-forma, pereżempju, ta’ bidla sostanzjali fit-tip ta’ funzjonijiet imwettqa mill-membru tal-persunal ikkonċernat jew ukoll, minn żieda ta’ żewġ gradi, l-imsemmija awtorità tista’, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha u ta’ organizzazzjoni tas-servizzi tagħha, tiddeċiedi li tqis, għall-finijiet tal-Artikolu 14 tal-imsemmija Kondizzjonijiet tal-impjieg, li l-kuntratt ta’ impjieg tal-persuna kkonċernata, inkluż wieħed magħmula b’żieda għall-kuntratt preċedenti, jikkonċerna impjieg differenti li jfisser li, bħall-kandidati esterni għall-istituzzjoni jew għall-aġenzija, bħall-membri tal-persunal temporanju ta’ istituzzjonijiet oħra jew aġenziji jew ukoll persuni li ma jaħdmux għall-Unjoni, għandhom juru kwalitajiet professjonali suffiċjenti fil-funzjonijiet il-ġodda, sabiex jiġġustifikaw konferma f’dawn il-funzjonijiet u klassifikazzjoni fi grad ogħla milli qabel.

(ara l-punti 130 sa 133)

7.      Hija invalida deċiżjoni tal-amministrazzjoni li tipprevedi li membru tal-persunal temporanju assenjat provviżorjament għal impjieg li għalih grad ogħla mill- impjieg attwali tiegħu normalment huwa previst, ma huwiex immedjatament ikklassifikat fil-grad imħabbar fl-avviż ta’ pożizzjoni vakanti ta’ dan l-impjieg, iżda huwa kklassifikat b’mod retroattiv fi tmiem il-perijodu ta’ prova ta’ sitt xhur, sa fejn twassal għal assenjazzjoni temporanja ta’ kandidat intern għal impjieg li kien suġġett għal proċedura ta’ għażla bil-pubblikazzjoni mingħajr ma ngħata l-klassifikazzjoni prevista għall-impjieg stabbilita fl-avviż ta’ pożizzjoni vakatni, u dan anki meta l-persuna kkonċernata huwa meħtieġ li jwettaq b’mod totali l-funzjonijiet relatati mal-impjieg inkwistjoni fuq perijodu ta’ iktar minn erba’ xhur.

(ara l-punt 140)