Language of document : ECLI:EU:F:2009:3

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (L-Ewwel Awla)

20 ta’ Jannar 2009


Kawża F-32/08


Marie-Claude Klein

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Pensjonijiet – Pensjoni tal-invalidità – Mewt – Kunċett ta’ tfal dipendenti – Artikolu 2 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal – Allowance fil-każ ta’ mewt – Għotja fil-każ ta’ mewt – Pensjoni tal-orfni”

Suġġett: Rikors ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu M. Klein titlob, essenzjalment, l-annullament tad‑deċiżjoni tal-Uffiċċju għall-Amministrazzjoni u l-Ħlas ta’ Intitolament Individwali tal-Kummissjoni, tal-4 ta’ Mejju 2007, li tiċħad it-talbiet tagħha intiżi sabiex tikkwalifika għall-ħlas ta’ ċerti drittijiet pekunjarji li hija titlob abbażi tal-mewt ta’ missierha, li kien uffiċjal tal-Kummissjoni, kif ukoll l-annullament, sa fejn meħtieġ, tad-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra, tal-15 ta’ Novembru 2007, li tiċħad l-ilment imressaq fit-3 ta’ Awwissu 2007 kontra d‑deċiżjoni msemmija hawn fuq.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. M. Klein hija kkundannata għall-ispejjeż.




Sommarju


1.      Proċedura – Rikors promotur – Rekwiżiti proċedurali – Sunt tal-motivi invokati

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Serviżż Pubbliku, Artikolu 35(1))

2.      Dritt Komunitarju – Interpretazzjoni – Prinċipji – Interpretazzjoni awtonoma

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 70 u 80)

3.      Uffiċjali – Pensjonijiet – Aventi kawża tal-persuna intitolata – Tfal dipendenti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 70 u 80; Anness VII, Artikolu 2)

4.      Uffiċjali – Sigurtà soċjali – Assigurazzjoni għall-inċidenti u għall-mard ikkaġunat mix-xogħol – Għotja fil-każ ta’ mewt

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 73(1) u (2))

5.      Uffiċjali – Pensjonijiet – Aventi kawża tal-persuna intitolata – Termini għat-tressiq tat-talba għall-kalkolu tad-drittijiet għall-pensjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Anness VIII, Artikolu 42)


1.      Skont l-Artikolu 35(1) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, ir-rikors għandu, b’mod partikolari, jindika s-suġġett tal-kawża u jkun fih il-motivi u l-punti ta’ fatt u ta’ dritt imressqa. Sabiex rikors ikun ammissibbli, huwa neċessarju, sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali, li l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ikun ibbażat jirriżultaw, tal-anqas fil-qosor, imma b’mod koerenti u komprensibbli, mit-test tar-rikors stess. Madankollu, għalkemm riferiment sempliċi għal anness għall-espożizzjoni tal-fatti li għandha tkun fir-rikors innifsu ma huwiex bħala regola ġenerali, aċċettabbli, hemm lok li r‑rikors ma jiġix iddikjarat inammissibbli iżda li dan jiġi eżaminat fuq il-mertu sakemm il-konvenuta u l-qorti Komunitarja jkollhom il-possibbiltà li jifhmu l‑espożizzjoni tal-fatti mniżżla fl-ilment. Fi kwalunkwe każ, il-qorti Komunitarja għandha d-dritt tevalwa, skont iċ-ċirkustanzi ta’ kull każ partikolari, jekk l‑amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja tiġġustifikax li rikors jiġi miċħud fuq il‑mertu, mingħajr ma tieħu deċiżjoni minn qabel fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-konvenuta.

(ara l-punti 19 u 20)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja : 26 ta’ Frar 2002, Il-Kunsill vs Boehringer, C‑23/00 P, Ġabra p. I‑1873, punti 51 u 52 ; 23 ta’ Marzu 2004, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑233/02, Ġabra p. I‑2759, punt 26

Il-Qorti Ġenerali: 28 ta’ April 1993, De Hoe vs Il-Kummissjoni, T‑85/92, Ġabra p. II‑523, punt 20 ; 22 ta’ Ġunju 1994, Rijnoudt u Hocken vs Il-Kummissjoni, T‑97/92 u T‑111/92, Ġabra SP p. I‑A‑159 u II‑511, punt 71 ; 21 ta’ Mejju 1999, Asia Motor Franza et vs Il-Kummissjoni, T‑154/98, Ġabra p. II‑1703, punt 49; 15 ta’ Ġunju 1999, Ismeri Europa vs Il-Qorti tal-Awdituri, T‑277/97, Ġabra p. II‑1825, punt 29 ; 15 ta’ Ġunju 2005, Regione autonoma della Sardegna vs Il‑Kummissjoni, T‑171/02, Ġabra p. II‑2123, punt 155

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 17 ta’ Ottubru 2007, Mascheroni vs Il‑Kummissjoni, F‑63/06, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 52 ; 8 ta’ April 2008, Bordini vs Il-Kummissjoni, F-­134/06, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 56


2.      Jirriżulta mill-ħtiġijiet kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt Komunitarju kif ukoll mill-prinċipju ta’ ugwaljanza, li l-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju li ma jinkludu ebda riferiment speċifiku għad-dritt tal-Istati Membri, sabiex jiġu stabbiliti s-sens u l-portata tagħhom, għandhom normalment jingħataw, fil-Komunità kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi, li għandha tiġi stabbilita fid-dawl tal-kuntest tad-dispożizzjoni u tal-għan imħadden mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni. Barra minn dan, għalkemm huwa veru li, anki fin-nuqqas ta’ riferiment speċifiku, l-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju tista’ timplika, jekk ikun il-każ, riferiment għad-dritt ta’ Stati Membri, dan jiġri biss meta l-qorti Komunitarja ma tkunx tista’ tiddeċifra fid-dritt Komunitarju jew fil-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju l-punti li jippermettulha tippreċiża l‑kontenut u l-portata permezz ta’ interpretazzjoni awtonoma.

Fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ tfal dipendenti, stabbilit fl-Artikoli 70 u 80 tar-Regolamenti tal-Persunal, id-dritt Komunitarju jipprovdi, b’mod partikolari fir-Regolamenti tal-Persunal, indikazzjonijiet suffiċjenti li jippermettu li jiġu ppreċiżati, b’mod awtonomu, il-kontenut u l-portata tal-imsemmi kunċett. Jeħtieġ li jiġi eskluż kull riferiment għad-dritt nazzjonali. Barra minn hekk, interpretazzjoni awtonoma tal-kunċett ta’ tfal dipendenti hija l-iktar kapaċi tiżgura applikazzjoni uniformi ta’ dan il-kunċett, kif ukoll l-ugwaljanza fit-trattament tal-aventi kawża tal-uffiċjali, tal-persuni intitolati għal pensjoni ta’ rtirar jew tal-persuni intitolati għal pensjoni tal-invalidità.

(ara l-punti 35 u 36)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali: 22 ta’ Frar 2006, Adam vs Il-Kummissjoni, T‑342/04, Ġabra SP p. I‑A‑2‑23 u II‑A‑2‑107, punt 32


3.      Sabiex wieħed jasal għall-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ tfal dipendenti fis-sens tal-Artikoli 70 u 80 tar-Regolamenti tal-Persunal, jeħtieġ li jsir riferiment għad-definizzjoni mogħtija fl-Artikolu 2 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, dwar l-allowance għal tfal dipendenti, jiġifieri li għandu jkun, skont l‑Artikolu 2(2), tifel “attwalment mantnut mill-uffiċjal”, u dana billi l‑manteniment effettiv ikun jinkludi r-responsabbiltà tal-bżonnijiet kollha jew parti minnhom tat-tfal, b’mod partikolari, fir-rigward tal-post tal-għajxien, l-ikel, l-ilbies, l-edukazzjoni, il-kura u l-ispejjeż mediċi.

Fid-dawl tal-Artikolu 2 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, il‑qorti Komunitarja ma tistax tinjora l-limiti tal-età li għalihom hija suġġetta l‑allowance għal tfal dipendenti, skont l-Artikolu 2(3), jiġifieri li t-tfal ikunu taħt it-18-il sena jew, taħt ċerti kundizzjonijiet, taħt is-26 sena. Il-limiti tal-età previsti fl-Artikolu 2(3) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal huma għaldaqstant iġġustifikati mhux biss fir-rigward tal-għoti ta’ allowance għal tfal dipendenti, iżda wkoll fir-rigward tal-għoti ta’ benefiċċju fil-każ ta’ mewt u ta’ pensjoni tal-orfni. Fil-fatt, jekk il-leġiżlatur, fil-limiti tad-diskrezzjoni tiegħu, telaq mill-premessa li, sa minn ċerta età, it-tfal għandhom ikunu f’pożizzjoni li jmantnu lilhom infushom u ma għandhomx ikunu ta’ piż fuq il-baġit Komunitarju fir-rigward tal-għoti ta’ allowance għal tfal dipendenti, allura ma hemm l-ebda raġuni li dan ma jgħoddx ukoll fir-rigward ta’ benefiċċji finanzjarji previsti fl-Artikoli 70 u 80 tar-Regolamenti tal-Persunal.

In-neċessità li jiġi ddefinit il-kunċett ta’ tfal dipendenti fid-dawl tal-Artikolu 2(2) u (3) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, moqrija flimkien, hija kkonfermata mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(6) u (7). Fil-fatt, jirriżulta b’mod ċar minn dawn l-aħħar dispożizzjonijiet li l-kunċett ta’ tfal dipendenti ma għandux jinftiehem biss fid-dawl tal-Artikolu 2(2), iżda b’mod iktar wiesa’; għalhekk, l-Artikolu 2(6) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal jirreferi espressament għal “tifel dipendenti fis-sens ta’ dan l-Artikolu” u l-Artikolu 2(7) jirreferi espressament għal “tifel dipendenti fis-sens tal-paragrafi 2 u 3”.

Jirriżulta espliċitament mill-Artikolu 2(4) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal li, sabiex persuna titqies li hija tifel/tifla dipendenti, jeħtieġ li tittieħed “deċiżjoni raġunati speċjali ta’ l-awtorità tal-ħatra”. Il-possibbiltà li l‑amministrazzjoni tqis li persuna hija tifel/tifla dipendenti fis-sens tal-Artikolu 2(4) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal tiddependi fuq il-prova kumulattiva, minn naħa, tal-eżistenza ta’ “responsabbiltà legali li jżomm” li taqa’ fuq l-uffiċjal u, min-naħa l-oħra, ta’ “spejjeż kbar” imposti fuq l‑uffiċjal mill-manteniment tat-tifel/tifla.

(ara l-punti 37, 40, 41, 44 u 45)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali: 10 ta’ Ottubru 2006, Arranz Benitez vs Il-Parlament, T‑87/04, Ġabra SP p. I‑A‑2‑201 u II‑A‑2‑1031, punt 42, u l-ġurisprudenza ċċitata


4.      Ir-riferiment tal-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal għall-kundizzjonijiet stabbiliti mir-Regoli Komuni dwar l-assigurazzjoni tal-uffiċjali tal-Komunità Ewropea kontra r-riskju ta’ inċident u ta’ mard minn fuq il-post tax-xogħol huwa intiż biss għall-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-imsemmi artikolu, jiġifieri “r‑riskju ta’ inċident u ta’ mard minn fuq il-post tax-xogħol”, u mhux il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tiegħu. Huwa wkoll f’dan l-istess sens, jiġifieri b’riferiment għall-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-Regoli Komuni, li għandha tinftiehem id-dispożizzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 73(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, li jipprovdi: “It-tali regoli għandhom jispeċifikaw liema riskji mhux koperti”. Barra minn hekk, fid-dawl tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-imsemmija Regoli Komuni, dawn japplikaw biss, skont l-Artikolu 1, għal “uffiċjal”, “aġent temporanju” u “aġent kuntrattwali”; dawn għalhekk ma jkoprux ir-riskji li jseħħu wara li uffiċjal jew aġent ikun waqaf mill-funzjonijiet tiegħu b’mod definittiv. Għalkemm, għal mard ikkaġunat mix-xogħol, dawn jipprevedu, fl-Artikolu 16 tagħhom, li l-“persuna li kienet assigurata” (jiġifieri dik li waqfet mill-funzjonijiet tagħha b’mod definittiv) jew l-aventi kawża tad-drittijiet tagħha (meta l-persuna assigurata tkun mietet) jistgħu jkunu intitolati għal benefiċċji previsti fl-Artikolu 73(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, madankollu tali benefiċċji jingħataw biss meta l-mewt tal-“persuna li kienet assigurata” tirriżulta minn mard li mmanifesta ruħu wara l-waqfa definittiva tagħha mill-kariga, li madankollu ġie kkawżat waqt il-qadi tal-funzjonijiet tagħha.

Il-fatt li l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal jiddisponi li l-għotja fil-każ ta’ mewt tista’ titħallas flimkien mal-benefiċċji previsti fil-Kapitolu 3 tat-Titolu V tar-Regolamenti tal-Persunal ma jikkostitwixxix il-prova li l-għotja fil-każ ta’ mewt tista’ wkoll tingħata lill-aventi kawża ta’ uffiċjal li ma għadux fis-servizz. Fil-fatt, għalkemm ċerti artikoli tal-Kapitolu 3 inkwistjoni jikkonċernaw dawk intitolati għall-pensjoni ta’ rtirar jew għall-pensjoni tal-invalidità, oħrajn, bħall-Artikoli 79 u 80 tar-Regolamenti tal-Persunal, jipprevedu l-għoti ta’ benefiċċji finanzjarji mhux biss lill-aventi kawża tal-persuni intitolati msemmija, iżda anki lil-aventi kawża ta’ uffiċjal li jkun għadu fis-servizz, fil-każ li huwa jmut.

(ara l-punti 54 u 55)

5.      Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 42 tal-Anness VIII tar-Regoli tal-Persunal, li jipprovdu li l-aventi kawża ta’ uffiċjal li miet li ma talbux il-ħlas tad-drittijiet tal-pensjoni ta’ rtirar tagħhom fi żmien sena mid-data tal-mewt tal-uffiċjal jitilfu l‑intitolament tagħhom, ħlief fejn tkun tista’ tiġi stabbilita forza maġġuri, huma ta’ ordni pubblika u ma humiex fid-diskrezzjoni tal-partijiet jew tal-qorti, peress li dawn ġew stabbiliti bil-għan li tiġi żgurata ċ-ċarezza u ċ-ċertezza tas-sitwazzjonijiet ġuridiċi. Il-fatt li suċċessur ta’ uffiċjal ma kienx jaf bir-Regolamenti tal-Persunal ħlief wara li skada dan it-terminu ma jikkostitwixxix argument li jiġġustfika n-nuqqas ta’ osservanza tiegħu u ma jistax bħala konsegwenza jistabbilixxi l-eżistenza ta’ forza maġġuri peress li l-imsemmi terminu ta’ sena diġà jidher li huwa terminu twil biżżejjed li jippermetti lill-werrieta u lill-aventi kawża ta’ uffiċjal jew pensjonant Komunitarju sabiex jikkuntattjaw l-amministrazzjoni tal-istituzzjoni. Barra minn hekk, kull persuna suġġetta għar-Regolamenti tal-Persunal jew li tista’ tibbenefika minn dritt mogħti mill-imsemmija regolamenti għandha tkun taf ir-Regolamenti tal-Persunal u ma tistax tinvoka n-nuqqas ta’ għarfien tagħha, sabiex tevita, f’kull qasam, it-termini ta’ preskrizzjoni stabbiliti fl-imsemmija Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punti 59 u 60)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali: 29 ta’ Settembru 1999, Neumann u Neumann-Schölles vs Il‑Kummissjoni, T‑68/97, Ġabra SP p. I‑A‑193 u II‑1005, punti 45 u 48