Language of document : ECLI:EU:F:2013:39

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(L-Ewwel Awla)

19 ta’ Marzu 2013

Kawża F‑13/12

BR

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Membru tal-persunal temporanju — Nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratt”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li bih BR titlob lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jannulla d-deċiżjoni li biha l-Kummissjoni Ewropea rrifjutat li ġġedded il-kuntratt tagħha bħala membru tal-persunal temporanju, u jikkundanna lil din tal-aħħar tikkumpensa d-dannu tagħha.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. BR għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess u hija kkundannata tbati l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni.

Sommarju

Uffiċjali — Membri tal-persunal temporanji — Tul tal-impjieg — Setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjoni — Restrizzjoni permezz ta’ deċiżjoni interna ta’ portata ġenerali — Ammissibbiltà — Limiti

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41; Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra, Artikolu 2(b) u (d), u l-ewwel u t-tieni paragrafi tal-Artikolu 8)

It-tieni paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra ma joħloqx dritt għal membru tal-persunal li jiġi rreklutat għall-perijodu massimu ta’ sitt snin, fid-dawl tas-setgħa tal-istituzzjoni li tikkonkludi jew li ġġedded dawn il-kuntratti għal tul iqsar mit-tul massimu awtorizzat, u dan bis-saħħa tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li din l-istituzzjoni għandha fl-organizzazzjoni tas-servizzi tagħha abbażi tal-missjonijiet li ngħatawlha u fl-assenjazzjoni, bil-għan ta’ dawn il-missjonijiet, tal-persunal li jinsab għad-dispożizzjoni tagħha, bil-kundizzjoni, madankollu, li din l-assenjazzjoni ssir fl-interess tas-servizz.

Barra minn hekk, l-istituzzjoni għandha din is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa mhux biss f’każijiet individwali, iżda wkoll fil-kuntest ta’ politika ġenerali stabbilita, jekk ikun il-każ, permezz ta’ deċiżjoni interna ta’ portata ġenerali, bħalma huma d-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni, li biha hija tillimita lilha nfisha fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha. Xorta jibqa’ l-fatt li tali deċiżjoni interna ma tistax ikollha bħala konsegwenza li l-istituzzjoni tirrinunzja kompletament għas-setgħa li ngħatat lilha permezz tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra li tikkonkludi jew li ġġedded, skont iċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni, kuntratt bħala membru tal-persunal temporanju skont l-Artikolu 2(b) jew (d) tal-imsemmija Kondizzjonijiet tal-impjieg sa perijodu massimu ta’ sitt snin. Barra minn hekk, l-istituzzjoni hija dejjem obbligata li tosserva l-prinċipji ġenerali tad-dritt, bħalma huwa l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u dak ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

Fid-dawl tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, l-awtorità awtorizzata li tikkonkludi l-kuntratti ta’ reklutaġġ ma tistax tirrinunzja għas-setgħa diskrezzjonali li ngħatat lilha permezz tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg permezz ta’ applikazzjoni mekkanika tar-regola tas-sitt snin — jiġifieri mingħajr ma teżamina l-fajl ta’ kandidatura tal-membru tal-persunal u l-interess tas-servizz li jirreklutah — sabiex tiġġustifika li tillimita r-reklutaġġ tiegħu għal perijodu iqsar minn dak awtorizzat mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 8 tal-imsemmija Kondizzjonijiet tal-impjieg. Fil-fatt, billi tirrinunzja b’hekk għal din is-setgħa diskrezzjonali, l-imsemmija awtorità tikser id-dritt għal amministrazzjoni tajba stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li jeħtieġ li l-istituzzjoni teżamina, b’mod diliġenti, komplet u imparzjali, kull fajl ta’ kandidatura fid-dawl tal-merti u tal-kompetenzi proprji tal-kandidat ikkonċernat u tar-rekwiżiti tal-pożizzjoni li għandha timtela. Tali rinunzja twassal ukoll għall-ksur tad-dmir ta’ premura u tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

(ara l-punti 33 sa 35)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 8 ta’ Settembru 2009, ETF vs Landgren, T‑404/06 P, punt 215

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 16 ta’ Diċembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Petrilli, T‑143/09 P, punti 34 u 35