Language of document : ECLI:EU:F:2011:172

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tieni Awla)

29 ta’ Settembru 2011

Kawża F‑80/10

AJ

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Promozzjoni — Artikoli 43 u 45 tar-Regolamenti tal-Persunal — Żball manifest ta’ evalwazzjoni — Motivazzjoni”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu AJ jitlob b’mod partikolari l-annullament tar-rapport ta’ evalwazzjoni tiegħu għas-sena 2008.

Dispożittiv:      Ir-rikors huwa miċħud. Ir-rikorrent għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat ibati l-ispejjeż tal-Kummissjoni.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Evalwazzjoni — Rapport ta’ evalwazzjoni — Setgħa diskrezzjonali tal-evalwaturi — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

2.      Uffiċjali — Evalwazzjoni — Rapport ta’ evalwazzjoni — Skop — Obbligi tal-evalwaturi

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

3.      Uffiċjali — Evalwazzjoni — Rapport ta’ evalwazzjoni — Regressjoni tal-evalwazzjoni meta mqabbla mal-evalwazzjoni preċedenti — Obbligu ta’ motivazzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

4.      Uffiċjali — Evalwazzjoni — Rapport ta’ evalwazzjoni — Kumitat konġunt tal-evalwazzjoni u ta’ promozzjoni fi ħdan il-Kummissjoni — Rwol tal-gruppi tax-xogħol intermedjarji

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

5.      Uffiċjali — Evalwazzjoni — Rispett tad-drittijiet tad-difiża — Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

1.      Setgħa diskrezzjonali kbira hija rrikonoxxuta lill-evalwaturi fid-deċiżjonijiet li jirrigwardaw ix-xogħol tal-persuni li huma għandhom l-inkarigu li jevalwaw. Għaldaqstant, l-istħarriġ ġudizzjarju eżerċitat mill-qorti tal-Unjoni dwar il-kontenut tar-rapporti ta’ evalwazzjoni huwa limitat għall-kontroll tar-regolarità proċedurali, tal-eżattezza materjali tal-fatti, kif ukoll tal-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni jew ta’ użu ħażin ta’ poter. Għalhekk, ma hijiex il-qorti tal-Unjoni li għandha tistħarreġ il-fondatezza tal-evalwazzjoni magħmula mill-amministrazzjoni dwar il-kompetenzi professjonali ta’ uffiċjal meta din tkun tinkludi deċiżjonijiet kumplessi ta’ valur li, min-natura tagħhom stess, ma jistgħux jiġu vverifikati b’mod oġġettiv.

Żball jista’ biss jiġi kklassifikat bħala manifest meta dan ikun jista’ jiġi faċilment identifikat fid-dawl tal-kriterji li l-leġiżlatur kellu l-intenzjoni li jissuġġetta l-eżerċizzju ta’ setgħa deċiżjonali għalihom.

Konsegwentement, sabiex jiġi stabbilit li l-amministrazzjoni wettqet żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti li huma ta’ natura li jiġġustifikaw l-annullament ta’ deċiżjoni ta’ promozzjoni jew ta’ rapport ta’ evalwazzjoni, il-punti tal-provi li r-rikorrenti għandha tressaq għandhom ikunu suffiċjenti sabiex iċaħħdu lill-evalwazzjonijiet magħmula mill-amministrazzjoni mill-plawżibbiltà tagħhom. Fi kliem ieħor, il-motiv ibbażat fuq l-iżball manifest għandu jiġi miċħud jekk, minkejja l-elementi mressqa mir-rikorrenti, l-evalwazzjoni kkontestata tista’ titqies veraċi jew valida.

Dan ikun partikolarment il-każ meta d-deċiżjoni inkwistjoni tkun ivvizzjata minn żbalji ta’ evalwazzjoni li, li kieku jittieħdu kollha flimkien, ikunu biss ta’ natura minuri li ma setgħetx influwenzat lill-amministrazzjoni.

Għandu jiżdied, fir-rigward b’mod iktar speċjali tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-evalwazzjonijiet li jinsabu fir-rapporti ta’ evalwazzjoni, li huwa iktar u iktar ġustifikat li wieħed jillimitah għall-iżball manifest li l-qorti tal-Unjoni ma tafx, direttament, is-sitwazzjoni tal-uffiċjali evalwati, filwaqt li fuq il-pjan amministrattiv, il-proċedura ta’ evalwazzjoni tinkludi garanziji li jinvolvu lill-uffiċjal evalwat, is-superjuri tiegħu u korp konġunt.

(ara l-punti 32 u 34 sa 37)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 23 ta’ Novembru 1978, Agence européenne d’intérims vs Il-Kummissjoni, 56/77, punt 20

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 8 ta’ Mejju 1996, Adia interim vs Il-Kummissjoni, T‑19/95, punt 49; 12 ta’ Diċembru 1996, AIUFFASS u AKT vs Il-Kummissjoni, T‑380/94, punt 59; 6 ta’ Lulju 2000, AICS vs Il-Parlament, T‑139/99, punt 39; 12 ta’ Frar 2008, BUPA et vs Il-Kummissjoni, T‑289/03, punt 221; 21 ta’ Mejju 2008, Belfass vs Il-Kunsill, T‑495/04, punt 63

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 29 ta’ Settembru 2009, Wenning vs Europol, F‑114/07, punt 111, u l-ġurisprudenza ċċitata; 23 ta’ Frar 2010, Faria vs UASI, F‑7/09, punt 44, u l-ġurisprudenza ċċitata; 24 ta’ Marzu 2011, Canga Fano vs Il‑Kunsill, F‑104/09, punt 35, li hija suġġetta għal appell pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Kawża T‑281/11 P

2.      L-iskop tar-rapport ta’ evalwazzjoni huwa li jikkostitwixxi prova bil-miktub u formali fir-rigward tal-kwalità tax-xogħol imwettaq mill-uffiċjal, b’mod li ma jkunx biss deskrizzjoni tal-kompiti mwettqa matul il-perijodu kkonċernat, iżda jinkludi wkoll evalwazzjoni tal-kwalitajiet umani li l-persuna evalwata tkun uriet matul it-twettiq tal-attività professjonali tagħha. Minn dan isegwi, b’mod iktar partikolari, li r-rapport ta’ evalwazzjoni ma huwiex biss intiż li titfassal stampa eżawrjenti tar-rendiment li uffiċjal wettaq fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-kompiti li jirriżultaw mill-pożizzjoni tiegħu, iżda li tiġi enfasizzata, permezz ta’ elementi determinanti, il-kompetenza, ir-rendiment u l-imġiba, fis-servizz ta’ kull uffiċjal. Barra minn hekk, id-deċiżjoni tal-evalwatur hija stabbilita fi tmiem proċedura kontradittorja li tirrigwarda preċiżament l-evalwazzjoni tar-rendiment matul il-perijodu ta’ referenza. Konsegwentement, bħala prinċipju huwa biżżejjed li r-rapport ta’ evalwazzjoni joħroġ il-karatteristiċi saljenti tar-rendiment tal-uffiċjal f’termini ta’, b’mod partikolari, ir-rendiment innifsu, il-kompetenzi u l-imġiba fis-servizz u jevalwahom. Bla ħsara għall-obbligu ta’ motivazzjoni u sakemm l-evalwazzjoni tkun individwalizzata b’mod ċar u ma tkunx impersonali, evalwatur ma huwiex marbut jelenka fid-dettall il-motivazzjonijiet tal-evalwazzjoni tiegħu billi jindika eżempji konkreti sabiex jagħti valur lid-deċiżjonijiet tiegħu.

Barra minn hekk, minkejja li huwa minnu li l-evalwatur ma jistax jiddelega l-kompitu li jevawla r-rendiment tal-uffiċjali evalwati lil terzi, xejn ma jxekklu milli jieħu inkunsiderazzjoni informazzjoni li toriġina minn interlokuturi uffiċjali u affidabbli. Tali mod ta’ kif titwettaq l-evalwazzjoni huwa konformi mal-obbligu, ta’ kull awtorità, li tiddeċiedi b’għarfien sħiħ tal-fatti u fi tmiem ta’ eżami komplut tas-sitwazzjoni.

(ara l-punti 58 u 59)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 22 ta’ Diċembru 2008, Gordon vs Il-Kummissjoni, C‑198/07 P, punt 44

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 12 ta’ Settembru 2007, Combescot vs Il-Kummissjoni, T‑249/04, punt 86; 19 ta’ Novembru 2009, Michail vs Il-Kummissjoni, T‑49/08 P, punt 57

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 10 ta’ Novembru 2009, N vs Il-Parlament, F‑93/08, punt 46; 10 ta’ Settembru 2009, van Arum vs Il-Parlament, F‑139/07, punt 101

3.      L-amministrazzjoni għandha l-obbligu li timmotiva kull rapport ta’ evalwazzjoni b’mod suffiċjenti u dettaljat u b’mod li tagħti l-possibbiltà lill-persuna kkonċernata tifformula osservazzjonijiet dwar din il-motivazzjoni, peress li l-osservanza ta’ dawn ir-rekwiżiti hija iktar u iktar importanti meta fl-evalwazzjoni jkun hemm rigress meta mqabbla mar-rapport tal-evalwazzjoni preċedenti.

(ara l-punt 86)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 20 ta’ Novembru 2007, Ianniello vs Il-Kummissjoni, T‑205/04, punt 94

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 13 ta’ Diċembru 2007, Sequeira Wandschneider vs Il-Kummissjoni, F‑65/05, punt 96; 21 ta’ Frar 2008, Semeraro vs Il-Kummissjoni, F‑19/06, punti 47 u 48

4.      Fil-proċedura ta’ evalwazzjoni fi ħdan il-Kummissjoni, il-gruppi intermedjarji tax-xogħol għandhom biss funzjoni ta’ preparazzjoni tal-laqgħat plenarji tal-kumitat konġunt tal-evalwazzjoni u ta’ promozzjoni u ta’ sinteżi tax-xogħol tal-gruppi konġunti tax-xogħol għall-attenzjoni ta’ dan tal-aħħar. Minn dan isegwi li l-istabbiliment ta’ dawn l-entitajiet jirriżulta mis-setgħa ta’ organizzazzjoni interna tal-awtorità, liema setgħa tawtorizza, anki jekk ma hemm xejn miktub, sabiex tieħu miżuri xierqa bl-għan li tiżgura l-funzjonament intern fl-interess tal-amministrazzjoni tajba. Barra minn hekk, ta’ min jinnota li l-istabbiliment tal-gruppi tax-xogħol intermedjarji ma wasslet għal ebda delegazzjoni tas-setgħat devoluti mir-Regolamenti tal-Persunal lill-Awtorità tal-Ħatra u li hija ma timponi ebda obbligu fuq l-uffiċjali evalwati u lanqas ma tagħtihom dritt jew garanzija proċedurali.

(ara l-punt 101)

5.      Minkejja li d-drittijiet tad-difiża huma applikabbli għall-proċedura ta’ evalwazzjoni, huma jfissru biss li l-uffiċjal evalwat jista’ jsostni l-perspettiva tiegħu matul il-proċedura ta’ evalwazzjoni dwar id-deċiżjonijiet ta’ valur li tagħhom huwa s-suġġett, qabel ma r-rapport ta’ evalwazzjoni tiegħu jsir definittiv.

Barra minn hekk, l-evalwatur tal-appell jista’ jintalab jikkonsulta s-superjuri tal-uffiċjal evalwat, l-evalwatur tiegħu, u saħansitra kollegi tax-xogħol tal-persuna kkonċernata, mingħajr ma din il-konsultazzjoni tkun neċessarjament tinvolvi l-ftuħ ta’ dibattitu kontradittorju ma’ dan tal-aħħar. Dan jimponi ruħu a fortiori f’dak li jikkonċerna l-gruppi tax-xogħol intermedjarji ta’ kumitat konġunt tal-evalwazzjoni u ta’ promozzjoni fi ħdan il-Kummissjoni, liema gruppi ma jistgħux iwettqu, huma stess, l-evalwazzjoni tar-rendiment tal-persuni kkonċernati.

(ara l-punti 108 u 109)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 20 ta’ Novembru 2007, Ianniello vs Il-Kummissjoni, T‑308/04, punti 73 u 74; 18 ta’ Ġunju 2008, Sundholm vs Il-Kummissjoni, T‑164/07 P, punti 28 u 29