Language of document : ECLI:EU:F:2012:82

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tielet Awla)

13 ta’ Ġunju 2012

Kawża F‑41/11

Dana Mocová

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Membri tal-persunal temporanju — Nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratt għal żmien determinat — Setgħa diskrezzjonali — Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg — Artikolu 4 tad-deċiżjoni tad-Direttur Ġenerali tal-OLAF, tat-30 ta’ Ġunju 2005, dwar il-politika l-ġdida fil-qasam tar-reklutaġġ u tal-impjieg tal-persunal temporanju tal-OLAF — Tul massimu tal-kuntratti bħala membru tal-persunal temporanju”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu D. Mocová titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Aġent Direttur Ġenerali tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF), tal-11 ta’ Frar 2011, li tiċħad it-talba tagħha għall-estensjoni tal-kuntratt tagħha bħala membru tal-persunal temporanju.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Rikors ippreżentat kontra deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda ta’ talba — Motiv ibbażat fuq l-assenza ta’ motivazzjoni — Teħid inkunsiderazzjoni tal-motivazzjoni li tinstab fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91; Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra, Artikolu 46)

2.      Uffiċjali — Membri tal-persunal temporanju — Reklutaġġ — Tiġdid ta’ kuntratt għal żmien determinat — Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

(Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra, Artikoli 8 u 47(1)(b))

3.      Uffiċjali — Membri tal-persunal temporanju — Reklutaġġ — Konklużjoni ta’ kuntratt sabiex timtela b’mod temporanju pożizzjoni permanenti — Kundizzjonijiet

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 1a(1); Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra, Artikoli 2(b) u 3 sa 5, u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 8)

1.      Fid-dawl tan-natura evoluttiva tal-proċedura prekontenzjuża, meta d-deċiżjoni tal-amministrazzjoni li tiċħad ilment tinkludi motivazzjoni li bla dubju ta’ xejn kienet nieqsa fid-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda ta’ talba li kontriha tressaq l-ilment, hija l-motivazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-eżami tal-legalità tal-att inizjali li jikkawża preġudizzju, peress li din il-motivazzjoni titqies li tikkoinċidi ma’ dan l-aħħar att. Għaldaqstant, hija tassew il-legalità tal-att inizjali li jikkawża preġudizzju li hija eżaminata, u dan, fid-dawl tal-motivi li jinsabu fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment.

(ara l-punti 21 u 38)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 9 ta’ Diċembru 2009, Il‑Kummissjoni vs Birkhoff, T‑377/08 P, punti 58 u 59, u l-ġurisprudenza ċċitata

2.      Membru tal-persunal temporanju, li għandu kuntratt għal żmien determinat, bħala regola ġenerali ma għandu ebda dritt għat-tiġdid tal-kuntratt tiegħu, peress li dan huwa biss sempliċi possibbiltà, suġġetta għall-kundizzjoni li dan it-tiġdid ikun konformi mal-interess tas-servizz. Fil-fatt, bid-differenza tal-uffiċjali, li l-istabbiltà tal-impjieg tagħhom hija ggarantita mir-Regolamenti tal-Persunal, il-membri tal-persunal temporanju jifformaw parti minn sistema oħra li abbażi tagħha huwa mfassal il-kuntratt ta’ impjieg konkluż mal-istituzzjoni kkonċernata. Mill-Artikolu 47(1)(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra jirriżulta li t-tul tar-relazzjoni ta’ xogħol bejn istituzzjoni u membru tal-persunal temporanju rreklutat għal żmien determinat huwa, preċiżament, irregolat mill-kundizzjonijiet stabbiliti fil-kuntratt konkluż bejn il-partijiet. Barra minn hekk, l-amministrazzjoni tingħata setgħa diskrezzjonali wiesgħa fil-qasam tat-tiġdid ta’ kuntratt. Minbarra dan, l-istħarriġ tal-qorti għandu jkun limitat għall-kwistjoni dwar jekk, fid-dawl tal-arranġamenti u tal-motivi li setgħu wasslu lill-amministrazzjoni għall-evalwazzjoni tagħha, din tal-aħħar aġixxietx f’limiti li ma jistgħux jiġu kkritikati u jekk użatx is-setgħa tagħha b’mod manifestament żbaljat. F’dan il-kuntest, il-fatt li jiġi stabbilit li l-amministrazzjoni wettqet żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti ta’ natura li jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni meħuda abbażi ta’ din l-evalwazzjoni jippreżumi li l-provi, li l-membru tal-personal għandu jipproduċi, huma suffiċjenti sabiex iwaqqgħu l-kredibbiltà tal-evalwazzjonijiet magħmula mill-amministrazzjoni. Fi kliem ieħor, l-eżistenza ta’ żball manifest ma tkunx ġiet stabbilita jekk, minkejja l-provi prodotti mill-membru tal-persunal, l-evalwazzjoni kkontestata tkun tista’ xorta waħda tiġi ammessa bħala ġġustifikata u koerenti.

(ara l-punti 42 sa 44)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 12 ta’ Diċembru 1996, AIUFFASS u AKT vs Il‑Kummissjoni, T‑380/94, punt 59; 17 ta’ Ottubru 2002, Cocchi u Hainz, T‑330/00 u T‑114/01, punt 82; 6 ta’ Frar 2003, Pyres vs Il‑Kummissjoni, T‑7/01, punt 64; 12 ta’ Frar 2008, BUPA et vs Il‑Kummissjoni, T‑289/03, punt 221

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 7 ta’ Lulju 2009, Bernard vs Europol, F‑54/08, punt 44; 23 ta’ Novembru 2010, Gheysens vs Il‑Kunsill, F‑8/10, punt 75

3.      Mill-qari tal-Artikolu 1a(1) tar-Regolamenti tal-Persunal flimkien mal-Artikoli 2 sa 5 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra jirriżulta li l-pożizzjonijiet permanenti tal-istituzzjonijiet huma, bħala prinċipju, intiżi sabiex jimtlew minn uffiċjali u li għalhekk huwa biss f’każijiet eċċezzjonali li tali pożizzjonijiet jistgħu jimtlew minn membri tal-persunal suġġetti għall-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra. Għaldaqstant, għalkemm l-Artikolu 2(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra jipprevedi espressament li membri tal-persunal temporanju jistgħu jiġu rreklutati sabiex timtela pożizzjoni permanenti, dan l-artikolu jippreċiża li dan ir-reklutaġġ jista’ jkun biss temporanju. Barra minn hekk, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra jipprovdi li l-kuntratt ta’ reklutaġġ bħala membru tal-persunal temporanju, fis-sens tal-Artikolu 2(b), ma jistax jeċċedi erba’ snin u jista’ jiġġedded darba biss għal perijodu mhux itwal minn sentejn. Wara dan il-perijodu, il-funzjonijiet tal-membru tal-persunal temporanju għandhom jintemmu permezz tat-tmiem tas-servizz tiegħu jew permezz ta’ ħatra bħala uffiċjal skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal. Din l-eċċezzjoni għall-prinċipju li l-pożizzjonijiet permanenti huma intiżi sabiex jimtlew permezz tal-ħatra ta’ uffiċjali jista’ jkollha biss bħala għan li jiġu ssodisfatti l-ħtiġijiet tas-servizz f’każ speċifiku.

(ara l-punt 48)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 21 ta’ Settembru 2011, Adjemian et vs Il‑Kummissjoni, T‑325/09 P, punt 79, u l-ġurisprudenza ċċitata