Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Corte suprema di cassazione (l-Italja) fid-19 ta’ Frar 2019 – Presidenza del Consiglio dei Ministri vs BV

(Kawża C-129/19)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Corte suprema di cassazione

Partijiet fil-kawża prinċipali

Appellanti: Presidenza del Consiglio dei Ministri

Appellata: BV

Domandi preliminari

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea qiegħda tiġi mistoqsija d-domandi li ġejjin fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, li tinvolvi azzjoni għal kumpens ippreżentata minn ċittadina Taljana, li għandha r-residenza abitwali tagħha fl-Italja, kontra l-Istat bħala leġiżlatur, talli ma implimentax u/jew ma implimentax b’mod korrett u/jew ma implimentax b’mod sħiħ l-obbligi previsti mid-Direttiva tal-Kunsill 2004/80/KE, tad-29 ta’ April 2004, “li għandha x’taqsam ma’ ku[m]pens għal vittmi ta’ delitti” 1 u b’mod partikolari, l-obbligu previst mill-Artikolu 12(2) li jimponi fuq l-Istati Membri li jippreżentaw, sa mhux iktar tard mill-1 ta’ Lulju 2005 (kif jirriżulta mill-Artikolu 18(1)), sistema ġġeneralizzata li tiggarantixxi kumpens xieraq u ġust lill-vittmi ta’ delitti vjolenti u intenzjonali (inklużi ta’ delitti ta’ aggressjoni sesswali fejn ir-rikorrenti kienet vittma) li ma jkunux jistgħu jiksbu kumpens għad-danni mġarrba mingħand ir-responsabbli diretti:

f’każ ta’ traspożizzjoni tardiva (u/jew inkompleta) fl-ordinament ġuridiku intern tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/80/KE, tad-29 ta’ April 2004, “li għandha x’taqsam ma’ ku[m]pens għal vittmi ta’ delitti”, li ma hijiex ta’ applikazzjoni diretta, f’dak li jirrigwarda b’mod partikolari l-istabbiliment ta’ sistema ta’ kumpens għall-vittmi tad-delitti vjolenti li hija timponi, li toħloq fir-rigward tal-persuni f’sitwazzjoni transkonfinali li lilhom l-imsemmija direttiva hija esklużivament indirizzata, l-obbligu ta’ kumpens tal-Istat Membru skont il-prinċipji li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (fost oħrajn, is-sentenzi “Francovich” u “Brasserie du Pêcheur u Factortame III”), id-dritt [tal-Unjoni] jimponi fuq l-Istat Membru obbligu simili għal dak impost fuq persuni li ma humiex f’sitwazzjoni transfkonfinali (jiġifieri residenti), li ma kinux ikunu l-benefiċjarji diretti tal-benefiċċji li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tad-direttiva, iżda li, sabiex jiġi evitat ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza/nondiskriminazzjoni fil-qafas ta’ dan id-dritt [tal-Unjoni] kellhom u setgħu – kieku d-direttiva kienet ġiet implimentata tempestivement u b’mod eżawrjenti – jibbenefikaw b’estensjoni tal-effett utli ta’ din l-istess direttiva (fi kliem ieħor tas-sistema ta’ kumpens iċċitata iktar ’il fuq)?

Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għad-domanda preċedenti:

il-kumpens għall-vittmi tad-delitti vjolenti u intenzjonali (u b’mod partikolari tad-delitt ta’ aggressjoni sesswali msemmi fl-Artikolu 609a tal-Kodiċi Kriminali) previst mid-Digriet tal-Ministru tal-Intern tal-31 ta’ Awwissu 2017 [addottat skont l-Artikolu 11(3) tal-legge n. 122 (Disposizioni per l’adempimento degli obblighi derivanti dall’appartenenza dell’Italia all’Unione europea – Legge europea 2015-2016 (il-Liġi Nru 122, li tistabbilixxi dispożizzjonijiet għat-twettiq tal-obbligi li jirriżultaw minn sħubija fl-Unjoni Ewropea – Liġi Ewropea 2015-2016), tas-7 ta’ Lulju 2016, kif emendata (bl-Artikolu 6 tal-Liġi Nru 167 tal-20 ta’ Novembru 2017 u mill-Artikolu 1(593) sa (596) tal-Liġi Nru 145 tat-30 ta’ Diċembru 2018)], fl-ammont fiss ta’ EUR 4 800, jista’ jitqies bħala “kumpens [ġust] u xieraq għal vittmi” fis-sens tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2004/80?

____________

1     Direttiva tal-Kunsill 2004/80/KE, tad-29 ta’ April 2004, li għandha x’taqsam ma’ ku[m]pens għal vittmi ta’ delitti (ĠU 2004, L 261, p. 15; ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 65).