Language of document :

Rikors ippreżentat fis-6 ta' Frar 2012 - Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Litwanja

(Kawża C-61/12)

Lingwa tal-kawża: il-Litwan

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: A. Steiblytės, G. Wilms u G. Zavvos)

Konvenuta: Ir-Repubblika tal-Litwanja

Talbiet

tiddikjara li, billi tipprojbixxi r-reġistrazzjoni ta' karozzi tal-passiġġieri li għandhom l-isteering immontat fuq in-naħa tal-lemin u/jew billi titlob li l-isteering immontat fuq in-naħa tal-lemin għandu jiġi ttrasferit fuq in-naħa tax-xellug qabel ir-reġistrazzjoni ta' karozza tal-passiġġieri ġdida jew ta' karozza tal-passiġġieri li kienet diġà rreġistrata fi Stat Membru ieħor, ir-Repubblika tal-Litwanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-Direttiva tal-Kunsill 70/311/KEE 2, tat-8 ta' Ġunju 1970, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mat-tagħmir għall-kontroll tad-direzzjoni ta' vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, taħt id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2007/46/KE , tal-5 ta' Settembru 2007, li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta' vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta' sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi, kif ukoll taħt l-Artikolu 34 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

tikkundanna lir-Repubblika tal-Litwanja għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

1. Skont il-miżuri legali tar-Repubblika tal-Litwanja, ma huwiex permess li jiġu rreġistrati karozzi tal-passiġġieri ġodda b'tagħmir tal-isteering li jkun fuq in-naħa tal-lemin, minkejja li dawn il-karozzi jissodisfaw il-ħtiġijiet kollha stipulati fid-Direttiva Qafas 2007/46/KE u fid-direttivi separati speċifikati fl-Anness IV tagħha. Fid-29 ta' April 2009, id-Direttiva 2007/46/KE ħassret u emendat id-Direttiva 70/156/KEE . L-Istati Membri kellhom jagħmlu traspożizzjoni tal-provvedimenti tad-Direttiva 2007/46/KE fil-liġi nazzjonali qabel id-29 ta' April 2009.

2. Skont l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva Qafas 2007/46/KE, l-istituzzjonijiet kompetenti ta' Stat Membru għandhom jirreġistraw karozza tal-passiġġieri ġdida jekk din tissodisfa il-ħtiġijiet tekniċi stipulati f'dik id-direttiva u fid-direttivi separati. Id-Direttiva 2007/46/KE ma tipprovdix il-possibbiltà li r-reġistrazzjoni ta' karozza tal-passiġġieri ġdida tiġi rrifjutata fuq il-bażi tan-naħa li fuqha huwa mmontat it-tagħmir tal-isteering. Din il-konklużjoni hija wkoll ikkonfermata bil-provvedimenti tad-Direttiva separata 70/311/KEE li huma msemmija fl-Anness IV tad-Direttiva Qafas. L-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 70/311/KE jipprojbixxi lil Stat Membru milli jirrifjuta r-reġistrazzjoni ta' karozza tal-passiġġieri fuq il-bażi tat-tagħmir tal-isteering jekk dan it-tagħmir jissodisfa l-ħtiġijiet stipulati f'dik id-direttiva. Fl-annessi tad-Direttiva 70/311/KEE ma huwiex speċifikat fuq liema naħa għandu jkun immontat it-tagħmir tal-isteering, inkluż l-isteering innifsu, u iktar minn hekk, lanqas ma huwa speċifikat li n-naħa tat-triq li fiha għandha tinstaq karozza tiddetermina n-naħa tat-tagħmir tal-isteering f'karozza.

3. Meta karozza tal-passiġġieri tissodisfa l-ħtiġijiet kollha tad-direttivi li saret referenza għalihom, ma hemm l-ebda raġuni li tista' twassal Stat Membru li fih it-traffiku jinstaq fuq in-naħa tal-lemin tat-triq, li jitlob li l-isteering għandu jkun ittrasferit lejn ix-xellug sabiex il-karozza tkun tista' tiġi rreġistrata. Bil-għan li tiġi żgurata s-sigurtà fit-toroq, skont id-Direttiva Qafas u d-direttivi separati, l-adattattament ta' karozza bl-isteering fuq in-naħa tal-lemin għal traffiku fuq in-naħa tal-lemin tat-triq ma jitlobx it-trasferiment tal-isteering għan-naħa tax-xellug.

4. Lanqas ma huwa permess skont il-miżuri legali tar-Repubblika tal-Litwanja li jiġu rreġistrati karozzi tal-passiġġieri li kienu diġà rreġistrati qabel fi Stat Membru ieħor u li għandhom tagħmir ta' steering fuq in-naħa tal-lemin. Għandu jiġi nnotat li, fil-miżuri legali tar-Repubblika tal-Litwanja, ma ssir l-ebda distinzjoni bejn jekk l-istess karozza kinitx irreġistrata fi Stat Membru li fih it-traffiku jinstaq fuq in-naħa tax-xellug tat-triq jew jekk kinitx irreġistrati fi Stat Membru li fih it-traffiku jinstaq fuq in-naħa tal-lemin tat-triq.

5. L-Artikolu 34 TFUE, li jipprojbixxi restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni u kull miżura li għandha effett ekwivalenti, japplika għal dawn il-projbizzjonijiet. Fuq il-bażi ta' ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-miżuri legali tal-Istati Membri li jostakolaw, direttament jew indirettament, attwalment jew potenzjalment, il-kummerċ fl-Unjoni Ewropea għandhom jiġu kkunsidratati bħala miżuri li għandhom effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fuq il-kummerċ.

6. Il-projbizzjoni applikata fir-Repubblika tal-Litwanja, li tipprekludi r-reġistrazzjoni ta' karozzi tal-passiġġieri li għandhom tagħmir tal-isteering fuq in-naħa tal-lemin, liema karozzi kienu diġà rreġistrati qabel fi Stat Membru ieħor, għandha effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi skont l-Artikolu 34 TFUE, minħabba li prodotti ta' Stat ieħor (karozzi tal-passiġġieri mmanifatturati u rreġistrati fi Stat Membru ieħor) ma jistgħu jintużaw fis-suq Litwan kemm-il darba t-tagħmir tal-isteering ma jkunx ittrasferit lejn in-naħa l-oħra. Ir-rifjut li jiġu rreġistrati karozzi bl-isteering fuq in-naħa tal-lemin iġiegħel lis-sidien ta' dawn il-karozzi li jagħmlu trasferiment komparattivament għali u jiskoraġġixxi l-importazzjoni ta' dawn il-karozzi fir-Repubblika tal-Litwanja.

7. Ir-rifjut tar-Repubblika tal-Litwanja li tirreġistra karozzi tal-passiġġieri bl-isteering fuq in-naħa tal-lemin ma huwiex mod adegwat kif tiġi żgurata s-sigurtà fit-toroq. Fl-opinjoni tal-Kummissjoni, karozza bl-isteering fuq in-naħa tal-lemin ma toħloqx problemi għas-sigurtà fit-toroq, iżda s-sewwieq irid jidra jsuq karozza b'tagħmir ta' steering fuq in-naħa tal-lemin, fuq in-naħa tal-lemin tat-triq, sabiex is-sewqan ta' din il-karozza ma jikkawżax periklu lis-sewwieqa l-oħra fit-triq. Il-Kummissjoni tixtieq tiġbed l-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għan-nuqqas ta' koerenza fil-pożizzjoni tar-Repubblika tal-Litwanja: persuni li kultant isuqu karozzi tal-passiġġieri bl-isteering fuq in-naħa tal-lemin (eżempju t-turisti), li ma humiex imdorrija għaċ-ċirkostanzi partikolari tat-traffiku fuq in-naħa tal-lemin tat-triq, iwasslu għal theddiha ikbar għas- sigurtà fit-toroq minn sewwieqa li b'mod permanenti jsuqu karozzi fuq in-naħa tal-lemin tat-triq. Maż-żmien, sewwieqa li b'mod permanenti jsuqu karozzi tal-passiġġieri bl-isteering fuq in-naħa tal-lemin, jidraw it-traffiku li jinstaq fuq in-naħa tal-lemin tat-triq u ma jwasslu għall-ebda theddida għas-sigurtà fit-toroq.

____________

1 - Direttiva tal-Kunsill 70/311/KEE, tat-8 ta' Ġunju 1970, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mat-tagħmir għall-kontroll tad-direzzjoni ta' vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 1, p. 90).

2 - Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta' Settembru 2007, li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta' vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta' sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (ĠU L 263, p. 1).

3 - Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE tas-6 ta' Frar 1970 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mal-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom (ĠU L 42, 23.2.1970, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2006/96/KE (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 81)).