Language of document : ECLI:EU:F:2011:149

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(L-Ewwel Awla)

26 taʼ Settembru 2011

Kawża F‑23/06

Roberto Abad-Villanueva et

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz Pubbliku — Uffiċjali — Ħatra — Artikolu 5(2) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal — Kompetizzjonijiet interni għal mogħdija minn kategorija għal oħra ppubblikati qabel l-1 ta’ Mejju 2004 — Kandidati inklużi fil-listi ta’ riżerva qabel l-1 Mejju 2006 — Klassifikazzjoni fi grad — Żamma tal-fattur ta’ multiplikazzjoni — Telf ta’ punti ta’ promozzjoni”


Suġġett:      Rikors ippreżentat taħt l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu R. Abad-Villanueva u inizjalment dsatax-il uffiċjal ieħor tal-Kummissjoni, kandidati li għaddew minn kompetizzjoni interna għal mogħdija minn kategorija għal oħra li l-avviż tagħha ġie ppubblikat qabel l-1 ta’ Mejju 2004, jitolbu l-annullament tad-deċiżjonijiet li jaħtruhom f’kategorija superjuri, peress li dawn id-deċiżjonijiet jistabbilixxu l-klassifikazzjoni tagħhom fi grad, iżommu l-fattur ta’ multiplikazzjoni fir-rigward tagħhom u jeliminaw il-punti tagħhom ta’ promozzjoni.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha. Il-Kunsill, intervenjent, għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Sommarju


1.      Uffiċjali — Karriera — Introduzzjoni ta’ regoli tranżitorji li jakkumpanjaw il-mogħdija mis-sistema l-antika għas-sistema l-ġdida tal-karrieri tal-uffiċjali — Regoli dwar il-klassifikazzjoni fi grad

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 35; Anness XIII, Artikoli 2(1) u 8)

2.      Uffiċjali — Reklutaġġ — Ħatra fi grad — Ħatra fi grad tal-grupp ta’ funzjonijiet indikat fl-avviż ta’ kompetizzjoni — Introduzzjoni ta’ struttura ġdida tal-karrieri permezz tar-Regolament Nru 723/2004 — Dispożizzjonijiet tranżitorji ta’ klassifikazzjoni fi grad

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 31, Anness XIII, Artikolu 5(2))

3.      Uffiċjali — Karriera — Introduzzjoni ta’ regoli tranżitorji li jakkumpanjaw il-mogħdija mis-sistema l-antika għas-sistema l-ġdida tal-karrieri tal-uffiċjali — Regoli dwar il-klassifikazzjoni fi grad

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45(2); Anness XIII, Artikolu 5(2))

4.      Dritt tal-Unjoni — Prinċipji — Protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi — Kundizzjonijiet

5.      Uffiċjali — Reklutaġġ — Ħatra fi grad — Introduzzjoni ta’ struttura ġdida tal-karrieri permezz tar-Regolament Nru 723/2004 — Dispożizzjonijiet tranżitorji ta’ klassifikazzjoni fi grad

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 31; Anness XIII, Artikolu 2(1))

6.      Uffiċjali — Reklutaġġ — Ħatra fi grad — Introduzzjoni ta’ struttura ġdida tal-karrieri permezz tar-Regolament Nru 723/2004 — Dispożizzjonijiet tranżitorji ta’ klassifikazzjoni fi grad

(Regolamenti tal-Persunal; Regolament tal-Kunsill Nru 723/2004)

7.      Uffiċjali — Remunerazzjoni — Regoli tranżitorji applikabbli wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 723/2004 — Determinazzjoni tal-grad u tal-fattur ta’ multiplikazzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45a; Anness XIII, Artikoli 2, 5(2), 7 u 8)

8.      Uffiċjali — Promozzjoni — Bidla fil-kategorija wara kompetizzjoni interna — Dritt għaż-żamma tal-punti ta’ promozzjoni — Assenza

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 45, 45a u 110(1); Anness XIII, Artikolu 5)

1.      L-Artikolu 2(1) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li, fl-1 ta’ Mejju 2004, u suġġett għall-Artikolu 8 ta’ dan l-Anness, il-gradi tal-uffiċjali li għandhom waħda mill-pożizzjonijiet amministrattivi ppreżentati fl-Artikolu 35 tar-Regolamenti tal-Persunal għandhom jingħataw isem mill-ġdid kif indikat fit-tabella stabbilita f’din id-dispożizzjoni, li tispeċifika l-grad il-ġdid (intermedju) għal kull grad qadim korrispondenti.

Għalhekk, jirriżulta, mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 2(1) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, li din id-dispożizzjoni ma ssemmix ħlief il-persuni li, fl-1 ta’ Mejju 2004, kellhom diġà l-kwalità ta’ uffiċjal u kienu ġew ikklassifikati f’wieħed mill-gradi li jidhru fil-kolonna intitolata “grad ta’ qabel”.

Fil-fatt, il-gradi li jidhru fit-tabella tal-Artikolu 2(1) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal huma l-gradi l-qodma tal-uffiċjali fis-servizz qabel l-1 ta’ Mejju 2004, li qed jiġu kkonvertiti fi gradi intermedji ġodda. Barra minn hekk, l-Artikolu 2(1) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal Persunal kellu biss l-għan li jikkonverti, fl-1 ta’ Mejju 2004, il-gradi li kellhom il-persuni li kellhom il-kwalità ta’ uffiċjal fit-30 ta’ April 2004 bl-għan li tiġi applikata lilhom l-istruttura l-ġdida ta’ karrieri li kellha tidħol fis-seħħ b’mod sħiħ fl-1 ta’ Mejju 2006, u ma jistax jingħata portata li testendi ruħha lil hinn mill-istabbiliment ta’ din ir-relazzjoni intermedja. Din id-dispożizzjoni għalhekk ma kinitx intiża tapplika biex tistabbilixxi l-klassifikazzjoni fi gradi ta’ uffiċjali li l-ħatriet f’kategorija superjuri saru biss fl-2005, fid-dawl tal-kwalità tagħhom ta’ kandidati li għaddew minn kompetizzjonijiet interni għal mogħdija minn kategorija għal oħra li l-eżamijiet tagħhom saru wara l-1 ta’ Mejju 2004.

(ara l-punti 50 sa 52)


Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 11 taʼ Lulju 2007, Centeno Mediavilla et vs Il‑Kummissjoni Ewropea, T‑58/05 punt 112

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 30 taʼ Settembru 2010, De Luca vs Il‑Kummissjoni, F‑20/06, punt 91, taħt appell quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Kawża T‑563/10P

2.      L-Artikolu 31(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li l-kandidati li għaddew minn kompetizzjoni għandhom jinħatru għall-grad tal-grupp ta’ funzjoni indikat fl‑avviż tal-kompetizzjoni li jkunu għaddew minnha.

Għalkemm minn din id-dispożizzjoni l-ġdida għandu jiġi neċessarjament dedott li l-kandidati li għaddew minn kompetizzjonijiet interni għandhom jinħatru fil‑grad indikat fl-avviż tal-kompetizzjoni li wara tmiemha huma jkunu ġew irreklutati, xorta jibqa’ l-fatt li d-determinazzjoni tal-livell tal-pożizzjoni li għandha timtela’ u tal-kundizzjonijiet għall-ħatra tal-kandidati li għaddew minn kompetizzjonijiet għal dawn il-pożizzjonijiet, li l-istituzzjoni kkonċernata kienet wettqet fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal il-qodma meta kitbet l-avviżi tal-kompetizzjonijiet, ma setgħetx ittawwal l-effetti tagħha lil hinn mid-data tal-1 ta’ Mejju 2004, meqjusa mil-leġiżlatur tal-Unjoni għad-dħul fis-seħħ tal-istruttura l-ġdida tal-karrieri tal-uffiċjali.

It-tneħħija, mill-1 ta’ Mejju 2004, tal-gradi ta’ klassifikazzjoni fil-karrieri indikati fl-avviżi tal-kompetizzjonijiet, li tirriżulta mill-introduzzjoni tas-sistema l-ġdida tal-karrieri, wasslet lil-leġiżlatur jadotta d-dispożizzjonijiet tranżitorji tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal u, b’mod partikolari, l-Artikolu 5(2) sabiex tiġi ddeterminata l-klassifikazzjoni fil-grad ta’ kandidati li għaddew mill-kompetizzjonijiet għal mogħdija minn kategorija għal oħra inklużi fil-listi ta’ riżerva qabel l‑1 ta’ Mejju 2006, iżda li għaddew fil-kategorija l-ġdida wara l-1 ta’ Mejju 2004.

Huwa veru li l-klassifikazzjonijiet fi grad iddeterminati permezz tal-Artikolu 5(2) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal ma jikkorrispondux għall-gradi msemmija fl-avviżi tal-kompetizzjonijiet interni ppubblikati qabel l-1 ta’ Mejju 2004, u li din id‑dispożizzjoni tidderoga mir-regola li tinsab fl-Artikolu 31 tar-Regolamenti tal‑Persunal, u li hija riprodotta mill-Artikolu 31 tar-Regolamenti tal-Persunal il-qodma. Madankollu, fid-dawl tal-għan tiegħu, l-Artikolu 5(2) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal jikkostitwixxi dispożizzjoni tranżitorja ta’ natura speċjali li tista’, bħala tali, tidderoga, għal kategorija speċifika ta’ uffiċjali, mir-regola ta’ natura ġenerali prevista fl-Artikolu 31 tar-Regolamenti tal-Persunal. Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-limiti inerenti għat-trasferiment minn metodu ta’ tmexxija għal ieħor, fir-rigward tal-karriera tal-uffiċjali, jistgħu jġiegħlu lill-amministrazzjoni teskludi temporanjament, u f’ċerti limiti, l-applikazzjoni stretta tar-regoli u tal-prinċipji ta’ valur permanenti li normalment japplikaw għas-sitwazzjonijiet inkwistjoni.

(ara l-punti 53 sa 55 u 60)


Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: Centeno Mediavilla et vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, punti 109 u 110

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: De Luca vs Il‑Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata

3.      L’Artikolu 5(2) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal isemmi l-uffiċjali li ġew inklużi, qabel l-1 ta’ Mejju 2006, f’lista ta’ kandidati xierqa li jgħaddu f’kategorija oħra u li għaddew effettivament f’kategorija oħra wara l-1 ta’ Mejju 2004. F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 45(2) tar-Regolamenti tal-Persunal il-qodma, il-mogħdija ta’ uffiċjali jew membri tal-persunal f’kategorija oħra ma setgħetx iseħħ ħlief wara kompetizzjoni. B’definizjoni, din setgħet biss tkun kompetizzjoni interna. Għaldaqstant, billi semma b’mod preċiż lill-uffiċjali inklużi f’lista ta’ kandidati xierqa li jgħaddu għal kategorija oħra, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jirreferi għall-kandidati li għaddew minn dan it-tip speċifiku ta’ kompetizzjoni. Minn dan għandu jiġi dedott li l-Artikolu 5(2) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal jikkonċerna biss lill-uffiċjali li jbiddlu l-kategorija fi tmiem kompetizzjoni interna.

(ara l-punti 57 u 58)


Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 28 taʼ Ottubru 2010, Kay vs Il‑Kummissjoni, F‑113/05, punti 52 u 54

4.      Id-dritt li wieħed jinvoka l-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi huwa estiż għal kull individwu li jinsab f’sitwazzjoni li minnha jirriżulta li l-amministrazzjoni tal-Unjoni nisslet fih aspettattivi fondati, billi pprovdietlu garanziji preċiżi fil-forma ta’ informazzjoni preċiża, bla kundizzjoni u konkordanti, li joriġinaw minn sorsi awtorizzati u affidabbli.

Min-naħa l-oħra, ħadd ma jista’ jinvoka l-ksur ta’ dan il-prinċipju fl-assenza ta’ garanziji preċiżi li jkunu ngħatawlu mill-amministrazzjoni.

(ara l-punti 78 u 79)


Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 19 taʼ Marzu 2003, Innova Privat-Akademie vs Il‑Kummissjoni, T‑273/01, punt 26, u l-ġurisprudenza ċċitata; Centeno Mediavilla et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 96


5.      Fil-każ ta’ emenda ta’ dispożizzjonijiet ta’ applikazzjoni ġenerali u, b’mod partikolari, ta’ dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal, regola ġdida għandha tapplika b’effett immedjat għall-effetti futuri ta’ sitwazzjonijiet legali li nħolqu, mingħajr ma jkunu madankollu interament ikkostitwiti, taħt ir-regola preċedenti.

Fil-kuntest ta’ kompetizzjonijiet interni għall-mogħdija minn kategorija għal oħra, l-inklużjoni ta’ kandidati li għaddew minn dawn il-kompetizzjonijiet fil-listi ta’ riżerva maħruġa fi tmiem il-proċeduri ta’ għażla timplika biss, għall-persuni kkonċernati, sempliċi possibbiltà sabiex jinħatru fil-kategorija superjuri. Din il-possibbiltà neċessarjament teskludi kull dritt miksub, peress li l-klassifikazzjoni fi grad ta’ kandidat li għadda minn kompetizzjoni mniżżel fil-lista ta’ riżerva ta’ kompetizzjoni interna ma tistax titqies li nkisbet sakemm huwa ma kienx is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ħatra skont id-debiti formalitajiet.

Għaldaqstant, anki jekk uffiċjal ikun għadda mill-kompetizzjoni interna għall-mogħdija minn kategorija għal oħra qabel l-1 ta’ Mejju 2004, data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 723/2004, li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ ħaddiema oħra, l-inklużjoni tiegħu f’lista taʼ kandidati xierqa qabel din id-data ma tagħtihx id-dritt li jinħatar, fil-każ ta’ reklutaġġ wara l-imsemmija data, fil-grad imsemmi fl-avviż tal-kompetizzjoni, jew fil-grad korrispondenti skont l-Artikolu 2(1) tal-Anness XIII tar-Regolament tal-Persunal, u skont l-Artikolu 31 tar-Regolamenti tal-Persunal il-qodma.

Uffiċjal jista’ jsostni li għandu dritt miksub biss jekk iċ-ċirkustanzi li jagħtu lok għalih ikunu tqajmu taħt regolamenti partikolari preċedenti għat-tibdil tad‑dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punti 84 sa 88)


Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 5 taʼ Diċembru 1973, SOPAD, 143/73, punt 8; 10 taʼ Lulju 1986, Licata vs CES, 270/84, punt 31

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: Centeno Mediavilla et vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, punti 52, 58 u 79 sa 81


6.      Iseħħ ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament meta sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati b’mod identiku jew, bil-maqlub, meta jiġi applikat trattament differenti lil żewġ kategoriji ta’ persuni li s-sitwazzjoni fattwali u legali tagħhom ma turi l-ebda differenza essenzjali.

F’dan ir-rigward, il-kandidati li għaddew minn kompetizzjoni ġenerali inklużi fuq listi tal-kandidati xierqa qabel l-1 ta’ Mejju 2004, data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 723/2004, li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ ħaddiema oħra imma li nħatru uffiċjali biss wara din id-data, ma jistgħux jitqiesu li jaqgħu taħt l-istess kategorija ta’ persuni bħall-kandidati l-oħra li għaddew mill-istess kompetizzjonijiet u li nħatru qabel l-1 ta’ Mejju 2004.

Konsegwentement, il-kandidati li għaddew minn kompetizzjonijiet interni għall-mogħdija minn kategorija għal oħra ppubblikati qabel l-1 ta’ Mejju 2004 li jkunu tniżżlu f’lista ta’ riżerva wara l-1 ta’ Mejju 2004 u li ma jistgħux, għalhekk, jinħatru fil-kategorija superjuri ħlief wara din id-data, ma jappartjenux għall-istess kategorija ta’ kandidati li għaddew minn kompetizzjonijiet oħra għall-mogħdija minn kategorija għal oħra maħtura fil-kategorija superjuri qabel l-1 ta’ Mejju 2004.

(ara l-punti 94, 96 u 97)


Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 25 taʼ Ottubru 2005, De Bustamante Tello vs Il-Kunsill, T‑368/03, punt 69, u l-ġurisprudenza ċċitata; Centeno Mediavilla et vs Il‑Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, punt 80

7.      L-Artikolu 7(1) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li s-salarju bażiku fix-xahar tal-uffiċjali rreklutati qabel l-1 ta’ Mejju 2004 ma għandux jinbidel bħala riżultat tal-bidla fl-ismijiet tal-gradi li seħħet f’din id-data skont l-Artikolu 2(1) ta’ dan l-Anness. Fil-fatt, l-Artikolu 7(2) imsemmi iktar ’il fuq jipprovdi li, għal kull uffiċjal, għandu jiġi kkalkolat fattur tal-multiplikazzjoni fl-1 ta’ Mejju 2004, li għandu jkun daqs il-proporzjon bejn is-salarju bażiku fix-xahar imħallas lil uffiċjal qabel l-1 ta’ Mejju 2004 u l-ammont applikabbli ddefinit fl-Artikolu 2(2) tal-Anness XIII tar‑Regolamenti tal-Persunal. L-Artikolu 2(3) jipprovdi li s-salarju relatat mal-gradi intermedji ġodda jitqies li huwa l-ammont applikabbli fis-sens tal-Artikolu 7 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal. Għalhekk, l-imsemmi Artikolu 7 huwa intiż sabiex jevita li l-fatt ta’ ismijiet ġodda tal-gradi jwassal għal kwalunkwe bidla tas-salarju bażiku fix-xahar tal-uffiċjali rreklutati taħt ir-Regolamenti tal-Persunal il-qodma u, b’mod partikolari, għal arrikkiment indebitu min-naħa tagħhom.

Barra minn hekk, l-Artikolu 2(2) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal jiddetermina s-salarju bażiku fix-xahar għal kull grad u għal kull skala tal-gradi intermedji l-ġodda. Skont din id-dispożizzjoni, moqrija flimkien mal-Artikolu 8 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, li jirregola l-ismijiet il-ġodda tal-gradi intermedji bħala gradi ġodda ta’ żewġ gruppi ta’ funzjonijiet maħluqa mir‑Regolamenti tal-Persunal il-ġodda, is-salarju relatat mad-diversi gradi u skali differenti tal-grupp ta’ funzjonijiet AST huma ugwali għal dawk tal-grupp ta’ funzjonijiet AD li jikkorrispondu għalihom.

Barra minn dan, l-Artikolu 45a tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi sistema li permezz tagħha, mill-1 ta’ Mejju 2006, il-mogħdija tal-grupp ta’ funzjonijiet AST (li jissostitwixxi l-kategoriji l-qodma B, C u D) għall-grupp ta’ funzjonijiet AD (li jissostitwixxi l-kategorija l-qadima A) ma jsirx iktar permezz ta’ kompetizzjoni interna, iżda permezz ta’ proċedura msejħa ta’ ċertifikazzjoni, li hija bbażata fuq il-parteċipazzjoni, li tintemm b’suċċess, għal programm ta’ taħriġ. Fil‑paragrafu 3 tal-Artikolu 45a tar-Regolamenti tal-Persunal, hemm espressament ipprovdut li l-ħatra f’pożizzjoni fil-grupp ta’ funzjonijiet AD la tbiddel il-grad u lanqas l-iskala milħuqa mill-uffiċjal fil-mument tal-ħatra tiegħu.

Fid-dawl ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, jidher li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried li l-mogħdija għal grupp ta’ funzjonijiet superjuri tinvolvi l-eżerċizzju ta’ funzjonijiet ta’ amministratur u ta’ perspettiva ta’ karriera iktar vantaġġuża, iżda mhux ta’ żieda fis-salarju immedjata.

Konsegwentement, ir-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda ma jipprovdu l-ebda tibdil fis-salarju bażiku għall-uffiċjal la minħabba d-dħul tagħhom fis-seħħ u lanqas minħabba l-mogħdija tal-imsemmi uffiċjali għal grupp ta’ funzjonijiet superjuri.

Għalkemm, billi adotta l-Artikolu 5(2) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, il‑leġiżlatur ried jagħti vantaġġ lill-uffiċjali li, fi tmiem il-kompetizzjoni interna għall-mogħdija minn kategorija għal oħra, ikunu taw prova tal-eliġibbiltà tagħhom li jokkupaw l‑impjiegi tal-kategorija superjuri, huwa madankollu ma riedx li dan il-vantaġġ jaqbeż lil dak ta’ uffiċjali li, mill-1 ta’ Mejju 2006, ikunu għaddew minn proċedura ta’ ċertifikazzjoni.

Għaldaqstant, skont l-Artikolu 7 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal u fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet espliċiti kuntrarji fl-imsemmi anness, is-salarju tal-uffiċjali li jinħatru skont l-Artikolu 5(2) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal għandu jiġi kkalkolat, bħal dak tal-uffiċjali rreklutati qabel l-1 ta’ Mejju 2004, bl-applikazzjoni ta’ fattur ta’ multiplikazzjoni.

(ara l-punti 104 sa 112)


Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 11 taʼ Mejju 2011, Caminiti vs Il‑Kummissjoni, F‑71/09, punt 46

8.      La l-Artikolu 45a tar-Regolamenti tal-Persunal, la l-Artikolu 5 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, u l-ebda dispożizzjoni oħra tar-Regolamenti tal-Persunal ma jsemmu, fil-każ ta’ mogħdija minn kategorija għal oħra, punti ta’ promozzjoni akkumulati fil-kategorija l-qadima u a fortiori tas-salarju li għandu jiġi applikat lilhom. Madankollu, ir-Regolamenti tal-Persunal jistabbilixxu r-regoli bażiċi tas-sistema legali li tapplika għall-uffiċjali u, skont l-Artikolu 110(1) tiegħu, kull istituzzjoni għandha tadotta d-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal, li jistgħu jistabbilixxu l-kriterji xierqa li jiggwidaw lill-amministrazzjoni fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha jew li tippreċiża l-portata tad-dispożizzjonijiet tar‑Regolamenti tal-Persunal li ma humiex ċari. Għalhekk, skont l-Artikolu 110(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Kummissjoni adottat id-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal bl-għan li tiggarantixxi l-implementazzjoni tal-proċedura ta’ promozzjoni.

Barra minn hekk, il-ħatra fi grad superjuri, wara kompetizzjoni interna, hija l-istess bħal promozzjoni u, għalhekk, japplikaw ir-regoli tar‑Regolamenti tal-Persunal li jikkonċernaw il-promozzjoni nnifisha.

Konsegwentement, sa fejn il-ħatra fi grad superjuri fi tmiem kompetizzjoni interna tkun l-istess bħal promozzjoni, iktar u iktar għandu jkun l-istess għal ħatra f’kategorija superjuri fi tmiem kompetizzjoni interna għall-mogħdija minn għal kategorija oħra: il-mogħdija għal kategorija superjuri, li tinvolvi l-eżerċizzju ta’ funzjonijiet differenti, tikkostitwixxi promozzjoni u għandhom japplikaw ir-regoli li jikkonċernaw il-promozzjoni.

In-nuqqas ta’ tneħħija ta’ punti akkumulati mill-uffiċjal maħtur f’kategorija superjuri abbażi tal-Artikolu 5(2) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal għandu bħala effett li jiffaċilita l‑promozzjoni ta’ dan tal-aħħar, prinċipalment abbażi tal-punti miksuba fil‑kategorija l-qadima tiegħu, u dan jikkontradixxi l-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal‑Persunal li jgħid li l-paragun tal-merti ta’ uffiċjal fid-dawl ta’ promozzjoni tiegħu għandha ssir bi tqabbil mal-kollegi tiegħu fl-istess grad. Minn dan l‑artikolu tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta effettivament li l‑amministrazzjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni, matul l-eżami komparattiv tal‑merti tal-uffiċjali tal-istess grad li jistgħu jiġu promossi, il-punti ta’ promozzjoni li dawn tal-aħħar ikunu akkumulaw fil-grad ikkonċernat. Madankollu, il-punti akkumulati minn uffiċjal qabel il-mogħdija tiegħu għal kategorija oħra jikkorrispondu għal merti murija f’impjieg f’kategorija inferjuri u fl-eżerċizzju ta’ tip ta’ funzjonijiet differenti. Dawn il-punti għaldaqstant iservu għall-promozzjoni fil-grad li jmiss fil-kategorija inferjuri u ma jservux għal promozzjoni fil-grad li jmiss fil-kategorija superjuri li fiha l-persuna kkonċernata tkun għadha ma tatx prova tal-merti tagħha.

F’dan il-każ, iż-żamma tal-punti akkumulati jkollha bħala konsegwenza li tippermetti lill-uffiċjal, ikklassifikat skont l-Artikolu 5(2) tal-Anness XIII tar‑Regolamenti tal-Persunal wara l-mogħdija tiegħu għal kategorija oħra, li jibbenefika mill‑opportunità ta’ promozzjoni mgħaġġla iktar minn tal-kollegi tiegħu tal-istess grad li għandhom aċċess għall-kategorija superjuri skont l-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, u dan imur kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, li jimplika li l‑uffiċjali kollha tal-istess grad jibbenefikaw, bl-istess mertu, mill-istess opportunitajiet li jieħdu promozzjoni għal grad superjuri.

Barra minn dan, id-dispożizzjonijiet ġenerali tal-implementazzjoni tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal adottati mill-Kummissjoni, li japplikaw mill‑proċedura tal-promozzjoni 2005, jirreferu espressament għall-uffiċjali li, matul il-proċedura ta’ promozzjoni eżaminata, ikunu bidlu l-kategorija. Fir-rigward tagħhom, huwa previst li l-punti ta’ mertu jiġu kkalkolati mill-marka ta’ mertu b’teħid inkunsiderzzjoni tan-numru ta’ jiem li jkunu għaddew wara l-bidla tal-kategorija u li l-punti akkumulati matul il-proċeduri ta’ promozzjoni preċedenti jiġu annullati. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ġustament neħħiet, skont l-Artikolu 3(4) tal‑imsemmija dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni, il-punti li l‑uffiċjali kienu akkumulaw matul il-proċeduri ta’ promozzjoni ta’ qabel l‑2005.

(ara l-punti 128 sa 130, 132, 133 u 135 sa 137)


Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 13 taʼ Diċembru 1984, Vlachos vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, 20/83 u 21/83, punti 22 sa 24

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 20 taʼ Novembru 2007, Ianniello vs Il-Kummissjoni, T‑308/04, punt 38

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 28 taʼ Ġunju 2007, Da Silva vs Il‑Kummissjoni F‑21/06, punt 75