Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Finanzgericht Baden-Württemberg (il-Ġermanja) fit-22 ta’ Ottubru 2019 – 5th AVENUE Products Trading GmbH vs Hauptzollamt Singen
(Kawża C-775/19)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Finanzgericht Baden-Württemberg
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: 5th AVENUE Products Trading GmbH
Konvenut: Hauptzollamt Singen
Domandi preliminari
1. Il-ħlasijiet li x-xerrej ta’ merkanzija jagħmel kull sena għal erba’ snin, minbarra l-prezz tax-xiri u skont id-dħul mill-bejgħ tiegħu, b’korrispettiv għad-dritt li jiddistribwixxi l-merkanzija
– fuq territorju partikolari,
– għall-ewwel darba,
– b’mod esklużiv u
– b’mod permanenti
jikkostitwixxu drittijiet tal-awtur u drittijiet ta’ liċenzji skont l-Artikolu 32(1)(ċ) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità 1 li jiżdiedu mal-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għall-merkanzija importata skont l-Artikolu 32(5)(b) tal-Kodiċi Doganali, moqri flimkien mal-Artikolu 157(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta’ Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tal-Kodiċi Doganali Komunitarju 2 ?
2. Dawn id-drittijiet tal-awtur għandhom jiżdiedu biss, jekk ikun il-każ, proporzjonalment mal-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għall-merkanzija importata u, jekk dan huwa l-każ, skont liema kriterji?
____________
1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307.
2 Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta’ Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi il-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3).