Language of document :

Appell ippreżentat fis-17 ta’ Diċembru 2018 mir-Repubblika Ellenika mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) fl-4 ta’ Ottubru 2018 fil-Kawża T-272/16, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-797/18 P)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Appellanti: Ir-Repubblika Ellenika (rappreżentanti: G. Κanellopoulos, Ε. Leftheriotou u Α. Vasilopoulou, bħala aġenti)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tilqa’ l-appell tagħha; tannulla s-sentenza appellata tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ Ottubru 2018, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni (T-272/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:651), sa fejn il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tagħha; tilqa’ l-azzjoni tar-Repubblika Ellenika tal-25 ta’ Ġunju 2016; li tannulla r-rikors ippreżentat minnha fil-25 ta’ Ġunju 2016; tannulla d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/417 tas-17 ta’ Marzu 2016 1 inkwantu permezz ta’ dik id-deċiżjoni: (a) huma imposti korrezzjonijiet finanzjarji li jammontaw għal EUR 166 797 866.22 għas-snin ta’ talba 2012-2013 fil-qasam tal-għajnuniet diretti diżakkoppjati fir-rigward tas-snin ta’ talba 2012 u 2013, u (b) hija imposta korrezzjoni finanzjarja globali li tammonta għal EUR 3 880 460.50 għas-snin finanzjarji 2010-2013 fil-kuntest tal-Programm ta’ Żvilupp Rurali li jaqa’ taħt l-Assi 1 u 3 tal-FAEŻR, – Miżuri orjentati lejn l-investiment 125 u 121 (2007-2013); u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tqajjem sitt aggravji:

A. Fir-rigward tal-parti tas-sentenza appellata li tirrigwarda l-ewwel, it-tieni u t-tielet motiv tar-rikors u li tikkonċerna l-korrezzjoni imposta fil-qasam tal-għajnuniet diretti diżakkoppjati, ir-Repubblika Ellenika tqajjem tliet aggravji.

L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljati tal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 796/2004 2 tal-21 ta’ April 2004, dwar id-definizzjoni ta’ mergħa u l-motivazzjoni insuffiċjenti u żbaljata fis-sentenza appellata.

It-tieni aggravju huwa bbażat fuq l-interpretazzjoni żbaljata tal-Linji Gwida (Dokument VI/5330/97) fir-rigward tal-issodisfar tal-kundizzjonijiet għall-impożizzjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja ta’ 25%, fuq interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljati tal-Artikoli 43, 44 u 137 tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 3 , fuq motivazzjoni insuffiċjenti u kontradittorja, u fuq l-iżnaturament tar-rapport sommarju tal-Korp ta’ Konċiljazzjoni.

Sussegwentement, it-tielet aggravju, li permezz tiegħu l-appellanti tikkontesta l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni żbaljati tal-Artikolu 31(2) tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005 4 u tal-Linji Gwida relatati, tal-prinċipju ta’ ne bis in idem, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif ukoll l-insuffiċjenza u n-natura kontradittorja tal-motivazzjoni.

B. Fir-rigward tal-parti tas-sentenza appellata li tirrigwarda r-raba’ u l-ħames motiv tar-rikors dwar il-korrezzjoni li ġiet imposta fil-qasam tal-miżura 125 tal-Programm ta’ Żvilupp Rurali, qegħdin jiġu invokati żewġ aggravji. L-ewwel wieħed (ir-raba’ aggravju) huwa bbażat fuq l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni żbaljati tal-Artikolu 71(2) u (3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 5 , u fuq il-motivazzjoni insuffiċjenti u żbaljata fis-sentenza appellata, filwaqt li permezz tat-tieni wieħed (il-ħames aggravju), qiegħed jiġi sostnut li s-sentenza appellata wettqet interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljati tal-Artikolu 31(4) tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005, kif ukoll tagħti motivazzjoni insuffiċjenti u żbaljata.

C. Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-parti tas-sentenza appellata li tiċħad is-sitt u s-seba’ motiv tar-rikors dwar il-korrezzjoni imposta fil-qasam tal-miżura 121 tal-Programm ta’ Żvilupp Rurali, permezz tas-sitt aggravju qiegħed jiġi sostnut, fiż-żewġ partijiet tiegħu, li twettqu interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljati tal-Artikolu 73 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 817/2004 6 , motivazzjoni insuffiċjenti u żnaturament tal-provi.

____________

1 ĠU 2016, L 75, p. 16, rettifika fil-ĠU 2016, L 95, p. 20.

2 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 44, p. 243.

3 ĠU 2009, L 30, p. 16, rettifika fil-ĠU 2010, L 43, p. 7.

4 ĠU 2005, L 209, p. 1

5 ĠU 2010, L 286M, p. 26, rettifika fil-ĠU 2012, L 206, p. 23.

6 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 46, p. 87