Language of document :

Rikors ippreżentat fit-18 ta’ Jannar 2019 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Bulgarija

(Kawża C-33/19)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: Cv. Georgieva-Kecsmar u J. Hottiaux)

Konvenuta: Ir-Repubblika tal-Bulgarija

Talbiet

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tikkonstata li r-Repubblika tal-Bulgarija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 21 tad-Direttiva 2004/49/KE 1 ;

tikkonstata li, peress li naqset milli tiggarantixxi l-indipendenza tal-unità speċjalizzata fir-rigward tal-investigazzjonijiet tal-manager tal-infrastruttura, ir-Repubblika tal-Bulgarija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 21(1) tad-Direttiva 2004/49/KE;

tikkonstata li, peress li naqset milli tiggarantixxi riżorsi suffiċjenti li jippermettu lill-unità speċjalizzata twettaq il-funzjonijiet tagħha b’mod indipendenti, ir-Repubblika tal-Bulgarija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 21(2) tad-Direttiva 2004/49/KE;

tikkundanna lir-Repubblika tal-Bulgarija għall-ispejjeż tal-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Skont l-Artikolu 21 tad-Direttiva 2004/49/KE, l-Istati Membri huma obbligati jiggarantixxu li l-investigazzjonijiet ta’ aċċidenti u ta’ inċidenti msemmija fl-Artikolu 19 jitwettqu minn entità permanenti, li għandha tkun komposta minn, minn tal-inqas, investigatur wieħed li jkun kapaċi jaqdi l-funzjoni ta’ investigatur prinċipali fil-każ ta’ aċċident jew ta’ inċident. Din l-entità għandha tkun indipendenti fl-organizzazzjoni tagħha, fl-istruttura legali tagħha u fit-teħid ta’ deċiżjonijiet tagħha minn kwalunkwe manager tal-infrastruttura, mill-impriżi ferrovjarji, mill-entitajiet li jimponu taxxi, mill-entità li talloka l-kapaċitajiet ferrovjarji u mill-entitajiet li jinnotifikaw il-miżuri meħuda, kif ukoll minn kull parti li l-interessi tagħha jistgħu jkunu f’kunflitt mal-funzjonijiet mogħtija lill-entità investigattiva. Barra minn hekk, din l-entità investigattiva għandha tkun indipendenti mill-awtorità tas-sigurtà u minn kwalunkwe regolatur tan-netwerk ferrovjarju.

Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-unità speċjalizzata responsabbli għall-investigazzjonijiet ta’ aċċidenti u ta’ inċidenti stabbilita fi ħdan il-Ministeru għat-Trasport ma hijiex indipendenti mill-manager tal-infrastruttura – il-kumpannija nazzjonali “Zelezopytna infrastruktura” (infrastruttura ferrovjarja). B’mod partikolari, din l-unità hija kkaratterizzata minn nuqqas ta’ indipendenza fl-organizzazzjoni tagħha kif ukoll minn nuqqas ta’ awtonomija fir-rigward tat-teħid ta’ deċiżjonijiet. F’dan is-sens, ir-Repubblika tal-Bulgarija naqset milli tosserva d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 21(1) tad-Direttiva 2004/49/KE.

Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-leġiżlazzjoni adottata mir-Repubblika tal-Bulgarija ma tiggarantixxix aċċess għal riżorsi suffiċjenti li jippermettu lill-unità speċjalizzata twettaq il-funzjonijiet tagħha b’mod indipendenti, fis-sens tal-Artikolu 21(2) tad-Direttiva 2004/49/KE.

____________

1     Direttiva 2004/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 fuq is-sigurtà tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 95/18/KE fuq l-għoti tal-liċenzi ta’ l-impriżi tal-linji tal-ferrovija u d-Direttiva 2001/14/KE fuq l-allokazzjoni tal-kapaċità ta’ l-infrastruttura tal-linji tal-ferrovija u l-intaxxar tal-piżijiet għall-użu ta’ l-infrastruttura tal-linji tal-ferrovija u ċ-ċertifikazzjoni tas-sigurtà (Id-Direttiva tas-Sigurtà Tal-Linji tal-Ferrovija) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 227).