Language of document :

Appell ippreżentat fis-6 ta’ Ġunju 2019 minn Pometon SpA mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla Estiża) fit-28 ta’ Marzu 2019 fil-Kawża T-433/16, Pometon vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-440/19 P)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Appellanti: Pometon SpA (rappreżentanti: E. Fabrizi, V. Veneziano, A. Molinaro, avukati)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

prinċipalment, tannulla s-sentenza appellata inkwantu ċaħdet il-motivi tar-rikors intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata kollha kemm hi u, konsegwentement, tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

sussidjarjament:

tannulla s-sentenza appellata inkwantu l-Qorti Ġenerali eskludiet b’mod inġust l-interruzzjoni tal-allegata parteċipazzjoni ta’ Pometon fl-akkordju kontenzjuż bejn it-18 ta’ Novembru 2005 u l-20 ta’ Marzu 2007 u konsegwentement, tnaqqas, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, is-sanzjoni pekunjarja imposta fuq Pometon;

tnaqqas, fi kwalunkwe każ, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, is-sanzjoni pekunjarja imposta fuq Pometon, minħabba li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament;

fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha mġarrba mill-appellanti fil-kuntest ta’ din il-kawża u tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell, l-appellanti tqajjem erba’ aggravji.

L-ewwel aggravju: il-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat il-prinċipji fundamentali li fuqhom huwa bbażat l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri l-prinċipju ta’ preżunzjoni tal-innoċenza u l-prinċipju ta’ imparzjalità tal-proċedura, peress li naqset milli tikkonstata l-ksur, minn naħa tal-Kummissjoni, tal-imsemmija prinċipji fundamentali.

It-tieni aggravju: il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipji fil-qasam tal-oneru tal-prova u naqset milli tapplika l-prinċipju ta’ preżunzjoni tal-innoċenza meta kkonfermat il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni li Pometon ipparteċipat fl-allegat akkordju; barra minn hekk, hija pprovdiet motivazzjoni kontradittorja u/jew insuffiċjenti f’dan ir-rigward. Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-appellanti kienet kolpevoli abbażi ta’ suppożizzjonijiet u ta’ “probabbilitajiet”, filwaqt li rreferiet b’mod pjuttost ġenerali għad-dokumenti li fuqhom kienu bbażati dawn il-preżunzjonijiet.

It-tielet aggravju: il-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat il-prinċipji fil-qasam tal-oneru tal-prova u naqset milli tapplika l-prinċipju ta’ preżunzjoni tal-innoċenza billi ddikjarat li l-Kummissjoni kienet ipprovat b’mod suffiċjenti fid-dritt, li Pometon ma kinitx interrompiet il-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur għal perijodu ta’ madwar xahar, mit-18 ta’ Novembru 2005 sal-20 ta’ Marzu 2007, minkejja li għal dan il-perijodu, hija ma kellhiex provi ta’ kuntatti kollużivi; f’dan ir-rigward hija pprovdiet motivazzjoni kontradittorja u/jew insuffiċjenti.

Ir-raba’ aggravju: il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fil-kuntest tal-iffissar tal-ammont tal-multa imposta fuq Pometon u pprovdiet motivazzjoni kontradittorju u/jew insuffiċjenti f’dan ir-rigward. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali kkalkolat mill-ġdid l-ammont tas-sanzjoni imposta fuq l-appellanti billi ddeterminat perċentwali ta’ tnaqqis tal-ammont bażiku tas-sanzjoni li ma huwiex koerenti mal-perċentwali ta’ tnaqqis mogħti mill-Kummissjoni lill-partijiet fit-tranżazjoni; il-Qorti Ġenerali ma pprovdiet ebda ġustifikazzjoni oġġettiva għal tali trattament.

____________