Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour administrative (il-Lussemburgu) fil-31 ta’ Mejju 2019 – L-Istat tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu vs L

(Kawża C-437/19)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Cour administrative

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: L-Istat tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu

Konvenut: L

Domandi preliminari

Il-punt (a) tal-Artikolu 20(2) tad-Direttiva 2011/16 1 għandu jiġi interpretat fis-sens li talba għal skambju ta’ informazzjoni fformulata minn awtorità ta’ Stat Membru li jagħmel it-talba li tiddefinixxi l-persuni taxxabbli li hemm riferiment għalihom fit-talba għal skambju abbażi tas-sempliċi status tagħhom ta’ azzjonisti u ta’ benefiċjarji ekonomiċi ta’ persuna ġuridika, mingħajr ma dawn il-persuni taxxabbli jkunu ġew, minn qabel, identifikati bl-isem u individwalment min-naħa tal-awtorità li tagħmel it-talba, hija konformi mar-rekwiżiti ta’ identifikazzjoni stabbiliti minn din id-dispożizzjoni?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, l-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 5 tal-istess direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-osservanza tal-istandard tar-rilevanza prevedibbli timplika li l-awtorità tal-Istat Membru li jagħmel it-talba, sabiex tistabbilixxi l-assenza ta’ tiftix ta’ informazzjoni (“fishing expedition”) minkejja n-nuqqas ta’ identifikazzjoni individwali tal-persuni taxxabbli kkonċernati, tkun tista’ tagħti spjegazzjonijiet ċari u suffiċjenti li juru li hija qed twettaq investigazzjoni mmirata rigward grupp limitat ta’ persuni u mhux sempliċi investigazzjoni ta’ sorveljanza fiskali ġenerali u li din l-investigazzjoni hija ġġustifikata b’suspetti bbażati fuq nuqqas ta’ osservanza ta’ obbligu legali speċifiku?

L-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta

individwu li ġiet imposta fuqu, mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru rikjest, sanzjoni amministrattiva pekunjarja għal nuqqas ta’ osservanza ta’ deċiżjoni amministrattiva li tordnah jipproduċi informazzjoni fil-kuntest ta’ skambju bejn amministrazzjonijiet fiskali nazzjonali taħt id-Direttiva 2011/16, li ma tistax tkun is-suġġett ta’ rikors kontenzjuż skont id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru rikjest, ikun ikkontesta l-legalità ta’ din id-deċiżjoni b’mod inċidentali fil-kuntest ta’ rikors kontenzjuż dirett kontra s-sanzjoni pekunjarja u

ikun kiseb għarfien tal-informazzjoni minima stabbilita mill-Artikolu 20(2) tad-Direttiva 2011/16 biss matul il-proċedura ġudizzjarja mibdija wara r-rikors kontenzjuż tiegħu kontra l-imsemmija sanzjoni,

huwa għandu jingħata, wara r-rikonoxximent definittiv, b’mod inċidentali, tal-validità tad-deċiżjoni ta’ ordni u dik ta’ ffissar ta’ multa maħruġa kontrih, terminu sospensiv għall-ħlas tal-multa sabiex ikun jista’ jikkonforma ruħu, wara li jkun kiseb għarfien tal-elementi marbuta mar-rilevanza prevedibbli kkonfermata b’mod definittiv mill-qorti kompetenti, mad-deċiżjoni ta’ ordni?

____________

1 Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE tal-15 ta’ Frar 2011 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-direttiva 77/799/KEE (ĠU 2011, L 64, p. 1).