Language of document :

Rikors ippreżentat fil-5 ta’ Ottubru 2018 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tas-Slovenja

(Kawża C-628/18)

Lingwa tal-kawża: is-Sloven

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: T. Scharf, G. von Rintelen, B. Rous Demiri)

Konvenuta: Ir-Repubblika tas-Slovenja

Talbiet

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tikkonstata li billi ma adottatx id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji jew amministrattivi (kollha) neċessarji biex tikkonforma mad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE kif ukoll mad-Direttiva (UE) 2016/1034 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ġunju 2016 li temenda d-Direttiva 2014/65/UE dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji, jew billi ma infurmatx lill-Kummissjoni b’dawn il-miżuri, ir-Repubblika ta’ Slovenja naqqset mill-obbligi tagħha skont l-Artikolu 93 tad-Direttiva 2014/65/UE kif emendata mill-Artikolu 1 tad-Direttiva (UE) 2016/1034,

timponi fuq ir-Repubblika ta’ Slovenja bis-saħħa tal-Artikolu 260(3) TFUE l-pagament ta’ somma f’daqqa u penali kuljum ta’ EUR 7 224 mill-jum tal-għoti tas-sentenza f’din il-kawża, peress li naqqset mill-obbligu tagħha li tinnotifika l-miżuri ta’ traspożizzjoni tad-Direttivi 2014/65/UE u 2016/1034/UE,

timponi fuq ir-Repubblika ta’ Slovenja bis-saħħa tal-Artikolu 260(3) TFUE l-pagament ta’ rata fissa ta’ kuljum ta’ EUR 1 978 immultiplikat bin-numru ta’ ġranet tat-tul tal-ksur sa mill-inqas EUR 496 000,

tikkundanna lir-Repubblika tas-Slovenja għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Bis-saħħa tal-Artikolu 93 tad-Direttiva 2014/65/UE, kif emendat mill-Artikolu 1 tad-Direttiva 2016/1034/UE, l-Istati Membri kellhom jadottaw u jippubblikaw qabel it-3 ta’ Lulju 2017 il-miżuri neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-direttiva u billi jinfurmaw minnufih il-Kummissjoni. Sa fejn ir-Repubblika ta’ Slovenja, fl-iskadenza ta’ dan it-terminu, ma infurmatx il-Kummissjoni bil-miżuri ta’ traspożizzjoni tal-imsemmija direttivi, din tal-aħħar iddeċidiet li tadixxi l-Qorti tal-Ġustizzja.

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li timponi fuq ir-Repubblika ta’ Slovenja l-pagament ta’ rata fissa u ta’ somma f’daqqa u penali ta’ kuljum.

It-terminu tat-traspożizzjoni tad-Direttiva skadiet fit-3 ta’ Lulju 2017.

____________