Language of document : ECLI:EU:F:2013:68

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tielet Awla)

30 ta’ Mejju 2013

Kawża F‑141/11

Luigi Marcuccio

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku – Artikolu 34(1) u (6) tar-Regoli tal-Proċedura – Rikors ippreżentat permezz ta’ faks fit-terminu għal preżentata ta’ rikors – Firma bl-idejn tal-avukat differenti minn dik li tinsab fl-oriġinal tar-rikors mibgħut bil-posta – Tardività tar-rikors – Inammissibbiltà manifesta”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu L. Marcuccio jitlob, essenzjalment, l-annullament tad-deċiżjonijiet li permezz tagħhom, il-Kummissjoni Ewropea ċaħdet it-talbiet tiegħu tal-5 ta’ Ottubru 2010, tat-2 ta’ Novembru 2010, tas-6 ta’ Diċembru 2010, tat-3 ta’ Jannar 2011 u tat-3 ta’ Frar 2011. Il-preżentata tal-oriġinal tar-rikors mibgħut bil-posta ġiet ippreċeduta minn faks, mibgħut fit-23 ta’ Diċembru 2011, lir-Reġistru tat-Tribunal li rċevih fl-istess ġurnata, ta’ dokument ippreżentat bħala l-kopja tal-oriġnal tar-rikors ippreżentat li kien intbagħat bil-posta.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament inammissibbli. L. Marcuccio għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess u huwa kkundannat għall-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni.

Sommarju

1.      Proċedura ġudizzjarja – Rikors promotur – Rekwiżiti proċedurali – Firma bl-idejn ta’ avukat – Regola sostanzjali ta’ applikazzjoni stretta – Assenza – Inammissibbiltà

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 19, u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21, u l-Artikolu 7(1) tal-Anness I; Regoli ta’ Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 34(1))

2.      Proċedura ġudizzjarja – Rikors promotur – Rekwiżiti proċedurali – Rikors ippreżentat permezz ta’ faks fit-terminu għall-preżentata ta’ rikors – Firma bl-idejn tal-avukat differenti minn dik li tinsab fuq l-oriġinali tar-rikors mibgħut bil-posta – Konsegwenza – Nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tad-data meta ġie riċevut il-faks sabiex tiġi evalwata l-osservanza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors

(Regoli ta’ Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 34; Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91(3))

3.      Rikorsi tal-uffiċjali – Talba intiża għad-dikjarazzjoni tal-ineżistenza ta’ att amministrattiv – Kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà

(Artikolu 288 TFUE; Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

1.      Mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li kull rikorrent għandu jkun irrappreżentat minn avukat u li, konsegwentement, il-qrati tal-Unjoni jistgħu jiġu aditi biss permezz ta’ rikors iffirmat minn dan tal-aħħar. Skont l-Artikolu 7(1) tal-Anness I ta’ dan l-istess Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw ukoll għall-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. L-ebda deroga jew eċċezzjoni ma hija prevista mill-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jew mir-Regoli ta’ Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

Fil-fatt, l-eżiġenza ta’ firma bl-idejn tar-rappreżentat tar-rikorrent tiggarantixxi, fl-interess taċ-ċertezza legali, l-awtentiċità tar-rikors u teskludi r-riskju li dan ma jkunx xogħol l-avukat awtorizzat jagħmel dan. Għaldaqstant, dan tal-aħħar, bħala awżiljarju tal-ġustizzja għandu rwol essenzjali, li jagħtuh l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u r-Regoli ta’ Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, billi jippermetti, fl-eżerċizzju tal-ministeru tiegħu, l-aċċess tar-rikorrent għall-imsemmi Tribunal. Din l-eżiġenza għandha, għalhekk, tiġi kkunsidrata bħala regola sostanzjali tal-proċedura u għandha tiġi applikata b’mod strett, fejn in-nuqqas ta’ osservanza tagħha jwassal għall-inammissibbiltà tar-rikors.

(ara l-punti 20 u 21)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 5 ta’ Diċembru 1996, Lopes vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, C‑174/96 P, punt 8, u l-ġurisprudenza ċċitata

Il-Qorti tal-Prim Istanza: 23 ta’ Mejju 2007, Il-Parlament vs Eistrup, T‑223/06 P, punti 50 sa 52

2.      Fil-kuntest tal-kawża quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, għall-finijiet tal-preżentata tal-oriġinali ta’ kull att proċedurali fit-termini imposti, l-Artikolu 34 tar-Regoli ta’ Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jippermettix lir-rappreżentant tal-parti kkonċernata li juża żewġ firem bl-idejn differenti, anki jekk awtentiċi, waħda fuq id-dokument mibgħut b’faks lir-Reġistru tal-imsemmi Tribunal u l-oħra fuq l-oriġnal mibgħut bil-posta jew ippreżentat bl-idejn lill-imsemmi Reġistru.

3.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, jekk ikun jidher li l-att oriġinali li huwa materjalment ippreżentat fir-Reġistru fl-għaxart ijiem wara li tintbagħat kopja tiegħu permezz ta’ faks lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jkollux l-istess firma bħal dik li tinsab fuq id-dokument mibgħut b’faks, għandu jiġi kkonstatat li fir-Reġistru tal-imsemmi Tribunal ikunu waslu żewġ atti ta’ proċedura differenti, kull wieħed minnhom b’firma distinta anki jekk kull waħda tkun saret mill-istess persuna. Peress li t-test mibgħut permezz ta’ faks ma jissodisfax il-kundizzjonijiet ta’ ċertezza legali imposti mill-Artikolu 34 tar-Regoli ta’ Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, id-data ta’ meta d-dokument intbagħat b’faks ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-osservanza tat-termini għall-preżentata ta’ rikors.

Fil-fatt, it-terminu għall-preżentata ta’ rikors huwa stabbilit mill-Artikolu 91(3) tal-Istatut, li Ir-Regoli ta’ Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jistgħux jidderogaw minnu. Konsegwentement, huwa importanti li oriġinal tar-rikors isir sa mhux iktar tard minn dan it-terminu. Minn din il-perspettiva, il-kopja mibgħuta b’faks ma hijiex biss mod kif jintbagħat, iżda tippermetti wkoll li jiġi ppruvat li l-oriġinal tar-rikors li jkun wasal fir-reġistru ta’ dan it-Tribunal barra mit-terminu jkun diġà ġie ppreżentat fit-terminu għall-preżentata ta’ rikors.

(ara l-punti 23 sa 25)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 22 ta’ Settembru 2011, Bell & Ross BV vs UASI, C‑426/10 P, punti 37 sa 43

4.      Sabiex jiġġustifikaw l-ammissibbiltà ta’ talba daqstant gravi bħal dik intiża għad-dikjarazzjoni tal-ineżistenza ta’ att amministrattiv, l-allegazzjonijiet ta’ rikorrenti għandhom ikunu tali li jsostnu, prima facie, jew fatt li jaqa’ taħt ipoteżi ta’ gravità estrema jew irregolarità li l-gravità tagħha tkun tant evidenti li ma tistax tkun ittollerata mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

(ara l-punt 32)

Referenza:

Tribunal tal-Unjoni Ewropea: 24 ta’ Novembru 2010, T‑9/09 P, Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, punti 37 et seq