Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof (l-Awstrija) fil-5 ta’ April 2019 – DenizBank AG vs Verein für Konsumenteninformation

(Kawża C-287/19)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Oberster Gerichtshof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: DenizBank AG

Konvenuta: Verein für Konsumenteninformation

Domandi preliminari

1.    Il-punt (6)(a) tal-Artikolu 52 flimkien mal-Artikolu 54(1) tad-Direttiva 2015/2366/UE 1 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar is-Servizzi ta’ Pagament”), li jgħid li l-utent tas-servizz ta’ pagament jitqies li aċċetta l-bidliet proposti fil-kundizzjonijiet sakemm l-utent tas-servizz ta’ pagament ma jkunx innotifika lill-fornitur tas-servizz ta’ pagament qabel id-data proposta għad-dħul fis-seħħ tagħhom li huma ma humiex aċċettati, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan il-kunsens taċitu jista’ jinftiehem ukoll mal-konsumatur għal kwalunkwe kundizzjonijiet kuntrattwali konċepibbli mingħajr restrizzjoni?

2.a)    Il-punt (14) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar is-Servizzi ta’ Pagament għandu jiġi interpretat fis-sens li l-funzjoni NFC ta’ karta bankarja ppersonalizzata u multifunzjonali, li permezz tagħha pagamenti ta’ valur baxx huma ddebitati mill-kont assoċjat tal-klijent tikkostitwixxi strument ta’ pagament?

2.b)    Jekk id-domanda 2.a) tingħata risposta fl-affermattiv:

L-Artikolu 63(1)(b) tad-Direttiva dwar is-Servizzi ta’ Pagament rigward id-derogi għal pagamenti ta’ valur baxx u flus elettroniku għandu jiġi interpretat fis-sens li pagament “contactless” ta’ valur baxx bl-użu tal-funzjoni NFC ta’ karta bankarja ppersonalizzata u multifunzjonali għandu jitqies bħala użu anonimu tal-istrument ta’ pagament fis-sens tad-deroga?

3.    L-Artikolu 63(1)(b) tad-Direttiva dwar is-Servizzi ta’ Pagament għandu jiġi interpretat fis-sens li fornitur ta’ servizz ta’ pagament jista’ jistrieħ fuq din id-deroga biss jekk jiġi stabbilit, fid-dawl tal-istat oġġettiv tal-għarfien tekniku, li l-istrument ta’ pagament ma jippermettix l-ibblokkar tiegħu jew il-prevenzjoni ta’ użu ulterjuri tiegħu?

____________

1     Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE (ĠU 2015, L 337, p. 35).