Language of document :

Appell ippreżentat fit-22 ta’ Frar 2019 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla Estiża) fit-12 ta’ Diċembru 2018 fil-Kawża T-691/14, Servier et vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-176/19 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellanti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: B. Mongin, F. Castilla Contreras, J. Norris, C. Vollrath, aġenti)

Partijiet oħra fil-proċedura: Servier SAS, Servier Laboratories Ltd, Les Laboratoires Servier SA, European Federation of Pharmaceutical Industries and Associations (EFPIA)

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla l-punti 1, 2 u 3 [tad-dispożittiv] tas-sentenza li jannullaw (i) l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014) 4955 finali tad-9 ta’ Lulju 2014 dwar proċedura skont l-Artikolu 101 u l-Artikolu 102 TFUE [Każ AT.39612 – Perindopril (Servier)] sa fejn dan jikkonstata l-parteċipazzjoni ta’ Servier fil-ftehimiet konklużi minn Servier mal-kumpannija Krka, (ii) l-Artikolu 7(4)(b) tad-deċiżjoni li jistabbilixxi l-multa imposta fuq Servier talli kkonkluda dawn il-ftehimiet, (iii) l-Artikolu 6 tad-deċiżjoni li jikkonstata ksur, minn Servier, tal-Artikolu 102 TFUE u (iv) l-Artikolu 7(6) tad-deċiżjoni li jistabbilixxi l-ammont tal-multa imposta fuq Servier fir-rigward ta’ dan il-ksur;

tannulla s-sentenza sa fejn din tiddikjara l-Annessi A 286 u A 287 tar-rikors u l-Anness C 29 tar-replika ammissibbli (punti 1461, 1462 u 1463 tas-sentenza);

tiddeċiedi b’mod definittiv dwar ir-rikors għal annullament tad-deċiżjoni ppreżentat minn Servier u tiċħad it-talba ta’ Servier għall-annullament tal-Artikoli 4, 7(4)(b) u 7(6) tad-deċiżjoni u tilqa’ t-talba tal-Kummissjoni sabiex jiġu ddikjarati inammissibbli l-Annessi A 286 u A 287 tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Anness C 29 tar-replika quddiem il-Qorti Ġenerali (punti 1461 sa 1463 tas-sentenza);

tikkundanna lil Servier għall-ispejjeż kollha ta’ dan l-appell.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell, il-Kummissjoni tinvoka l-ewwel sensiela ta’ aggravji, marbuta mal-ksur tal-Artikolu 101 TFUE [annullament tal-punti 1 u 3 tad-dispożittiv tas-sentenza inkwantu dawn jannullaw l-Artikoli 4 u 7(4)(b) tad-deċiżjoni li jikkonstataw li t-tliet ftehimiet konklużi bejn Servier et u l-kumpannija Krka kienu jikkostitwixxu ksur uniku tal-Artikolu 101 TFUE u li jikkundannaw lil Servier għal multa].

L-ewwel aggravju ta’ annullament parzjali huwa bbażat fuq l-iżball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali meta qieset li Krka ma kinitx sors ta’ pressjoni kompetittiva fuq Servier fid-data tal-ftehimiet inkwistjoni.

It-tieni aggravju huwa bbażat fuq żbalji ta’ liġi mwettqa mill-Qorti Ġenerali meta analizzat il-kontenut u l-għanijiet tal-ftehim ta’ liċenzja bħala inkoraġġiment għal Krka sabiex taċċetta r-restrizzjonijiet tal-ftehim bonarju.

It-tielet aggravju huwa bbażat fuq żbalji ta’ liġi mwettqa mill-Qorti Ġenerali fl-applikazzjoni tal-kunċett ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE.

Ir-raba’ aggravju huwa bbażat fuq l-iżball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali fl-analiżi tal-intenzjoni tal-partijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE.

Il-ħames aggravju huwa bbażat fuq l-iżball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali meta ħadet inkunsiderazzjoni l-effetti pro-kompetittivi tal-liċenzja fi swieq li ma jaqgħux fil-kamp tal-ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE identifikat mid-deċiżjoni.

Is-sitt aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq mil-Qorti Ġenerali meta analizzat l-għan tal-ftehim ta’ ċessjoni.

Is-seba’ aggravju hwa bbażat fuq żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-kunċett ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-effett fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinvoka t-tieni sensiela ta’ aggravji, marbuta mal-ksur tal-Artikolu 102 TFUE (annullament tal-punti 2 u 3 tad-dispożittiv tas-sentenza inkwantu dawn jannullaw l-Artikoli 6 u 7(6) tad-deċiżjoni li jikkonstataw li Servier kiser l-Artikolu 102 TFUE u li jikkundannaw lil Servier għal multa).

It-tmien aggravju ta’ annullament huwa bbażat fuq żbalji ta’ liġi mwettqa mill-Qorti Ġenerali fl-analiżi tagħha tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-kriterju tal-prezz fid-determinazzjoni tas-suq tal-prodotti lesti.

Id-disa’ aggravju huwa bbażat fuq żbalji ta’ liġi mwettqa mill-Qorti Ġenerali fl-analiżi tagħha tat-teħid inkunsiderazzjoni tas-sostitwibbiltà terapewtika fid-determinazzjoni tas-suq tal-prodotti lesti.

L-għaxar aggravju huwa bbażat fuq l-inammissibbiltà ta’ ċerti annessi.

Il-ħdax-il aggravju huwa bbażat fuq żbalji ta’ liġi mwettqa mill-Qorti Ġenerali fl-analiżi tagħha tas-suq tat-teknoloġija.

____________