Language of document :

Rikors ippreżentat fis-27 ta’ Lulju 2017 – Printeos et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-466/17)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: Printeos, SA (Alcalá de Henares, Spanja), Printeos Cartera Industrial, SL (Alcalá de Henares), Tompla Scandinavia AB (Stokkolma, l-Isvezja), Tompla France (Fleury Mérogis, Franza) u Tompla Druckerzeugnisse Vertriebs GmbH (Leonberg, il-Ġermanja) (rappreżentanti: H. Brokelmann, u P. Martínez-Lage Sobredo, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 4112 finali tas-16 ta’ Ġunju 2017 li temenda d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014) 9295 finali, tal-10 ta’ Diċembru 2014, dwar proċedura taħt l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ AT.39780 — Enveloppi);

sussidjarjament, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, bħala konsegwenza ta’ (i) tnaqqis ta’ 95.3671% tal-ammont bażiku tal-multa skont il-paragrafu 37 tal-Linji gwida dwar il-multi u (ii) tnaqqis ulterjuri tal-ammont tal-multa, wara tnaqqis għal klemenza u tranżazzjoni, b’mill-inqas 33%;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tas-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2016 (Kawża T-95/15, Printeos vs Il-Kummissjoni), il-Qorti Ġenerali annullat l-Artikolu 2(1)(e) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2014) 9295 finali, tal-10 ta’ Diċembru 2014, fil-Kawża AT.39780, li imponiet fuq ir-rikorrenti multa ta’ EUR 4 729 000.

Id-deċiżjoni kkontestata tipprovdi informazzjoni addizzjonali dwar il-metodoloġija li ġiet applikata u l-fatti li ttieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni meta ffissat u aġġustat l-ammonti bażiċi tal-multi tad-deċiżjoni tal-2014 u meta imponiet multa tal-istess ammont bħal dik imposta bis-saħħa tad-deċiżjoni tal-2014.

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi.

1.    L-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ne bis in idem.

–    F’dan ir-rigward, jingħad li d-deċiżjoni kkontestata tibdel id-deċiżjoni tal-2014, minkejja li hija finali, bl-unika eċċezzjoni tal-Artikolu 2(1)(e) tagħha, li ġie annullat mill-Qorti Ġenerali, u meta imponiet mill-ġdid l-istess multa diġà imposta fid-deċiżjoni tal-2014 u annullata mill-Qorti Ġenerali.

2.    It-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fl-iffissar tal-ammont tal-multa.

–    F’dan ir-rigward, jingħad li d-deċiżjoni kkontestata tapplika aġġustamenti eċċezzjonali tal-ammonti bażiċi tal-multi skont il-paragrafu 37 tal-Linji gwida dwar il-multi, li jwasslu għal diskriminazzjoni b’detriment għar-rikorrenti.

3.    It-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ nondiskriminazzjoni fl-iffissar tal-ammont tal-multa.

–    F’dan ir-rigward, jingħad li d-deċiżjoni kkontestata ma tiħux inkunsiderazzjoni l-multa diġà imposta mill-Awtorità Spanjola dwar il-Kompetizzjoni, fil-25 ta’ Marzu 2013, minħabba prattiki restrittivi tal-kompetizzjoni fis-settur tal-enveloppi tal-karta, u lanqas ma tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li r-rikorrenti huma l-uniċi impriżi fost dawk issanzjonati mill-Kummissjoni li ġew ukoll issanzjonati minn awtorità nazzjonali dwar il-kompetizzjoni.

____________