Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Østre Landsret (id-Danimarka) fil-11 ta’ Awwissu 2020, B vs Udlændingenævnet

(Kawża C-379/20)

Lingwa tal-kawża: id-Daniż

Qorti tar-rinviju

Østre Landsret

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: B

Konvenut: Udlændingenævnet

Domanda preliminari

L-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill tal-Assoċjazzjoni tad-19 ta’ Settembru 1980 1 , dwar l-iżvilupp tal-Assoċjazzjoni, li hija marbuta mal-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, iffirmat f’Ankara fit-12 ta’ Settembru 1963 mir-Repubblika tat-Turkija, minn naħa, u mill-Istati Membri tal-KEE u tal-Komunità, min-naħa l-oħra, u konkluż, approvat u kkonfermat f’isem il-Komunità bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 64/732/KEE 2 tat-23 ta’ Diċembru 1963, jipprekludu l-introduzzjoni u l-applikazzjoni ta’ miżura nazzjonali ġdida li permezz tagħha riunifikazzjoni tal-familja bejn ċittadin Tork ekonomikament attiv li jirrisjedi legalment fl-Istat Membru inkwistjoni u l-wild ta’ dik il-persuna li għandu 15-il sena hija suġġetta għall-kundizzjoni li raġunijiet speċifiċi ħafna, inkluża l-kunsiderazzjoni tal-unità tal-familja u l-kunsiderazzjoni tal-aħjar interessi tal-wild, isostnu din ir-riunifikazzjoni?

____________

1     Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill tal-Assoċjazzjoni tad-19 ta’ Settembru 1980 dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali tal-Istati Membri tal-Komunitajiet Ewropej lill-ħaddiema Torok kif ukoll lill-membri tal-familji tagħhom (ĠU 1983, C 110, p. 60).

2     Deċiżjoni tal-Kunsill 64/732/KEE tat-23 ta’ Diċembru 1963 dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim dwar il-ħolqien ta’ Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 11, p. 10).