Language of document :

Appell ippreżentat fl-24 ta’ Awwissu 2020 minn Lípidos Santiga, SA mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) fil-11 ta’ Ġunju 2020 fil-Kawża T-561/19, Lípidos Santiga vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-402/20 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Lípidos Santiga, SA (rappreżentant: P. Muñiz Fernández, abogado)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-digriet tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tal-11 ta’ Ġunju 2020, Lipidos Santiga vs Il-Kummissjoni (Każ T-561/19) innotifikat lill-appellanti fit-12 ta’ Ġunju 2020, sa fejn dan ċaħad ir-rikors bħala inammissibbli;

tiddikjara r-rikors ippreżentat mill-appellanti bħala ammissibbli u tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi dwar il-mertu tal-kawża; u

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż ta’ din il-kawża kif ukoll għal dawk tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-ewwel aggravju: Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li s-sitwazzjoni tal-appellanti ma kinitx affettwata mill-esklużjoni tal-Unjoni Ewropea tal-bijokarburant taż-żejt tal-palm mis-suq tal-Unjoni.

Meta naqset milli teżamina jekk hemmx suq għall-bijokarburant taż-żejt tal-palm lil hinn mill-miri mandatorji RED II, il-Qorti Ġenerali naqset milli tagħti motivazzjoni suffiċjenti.

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta waslet għall-konklużjoni li d-dispożizzjonijiet ikkontestati ma jiskattawx il-projbizzjoni espressa li tinsab fl-Artikolu 26(2) tar-RED II 1 fir-rigward tal-użu tal-bijokarburant taż-żejt tal-palm.

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li, bħala konsegwenza tal-eċċezzjoni ta’ riskju baxx tal-bidliet indiretti fl-użu tal-art, l-appellanti ma hijiex direttament affettwata mid-dispożizzjonijiet ikkontestati.

It-tieni aggravju: Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Istati Membri għandhom diskrezzjoni biex jimplimentaw il-projbizzjoni tal-Artikolu 26(2) tar-RED II li tiskatta mid-dispożizzjonijiet ikkontestati.

It-tielet aggravju: Il-karatterizzazzjoni legali mill-Qorti Ġenerali tal-effetti fuq is-sitwazzjoni tal-appellanti li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet ikkontestati, kif ukoll l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni minnha tat-test tal-interess dirett, huma manifestament żbaljati.

____________

1 Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU 2018, L 328, p. 82).