Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad van State (il-Pajjiżi l-Baxxi) fil-15 ta’ Frar 2019 – X vs College van burgemeester en wethouders van de gemeente Purmerend, Tamoil Nederland BV

(Kawża C-120/19)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Raad van State

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: X

Partijiet oħra: College van burgemeester en wethouders van de gemeente Purmerend, Tamoil Nederland BV

Domandi preliminari

a.    L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/68/KE 1 [...] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi rekwiżit ta’ permess mogħti għal pompa tal-petrol LPG, li jipprevedi li l-pompa tal-petrol LPG speċifika inkwistjoni tista’ tiġi fornuta biss minn tankers tat-triq tal-LPG mgħammar b’kisi ta’ protezzjoni mis-sħana, minkejja li dan l-obbligu ma huwiex impost direttament fuq operaturi jew operaturi ta’ tankers tat-triq tal-LPG?

b.    Ir-risposta għall-ewwel domanda hija influwenzata mill-fatt li l-Istat Membru kkonkluda ftehim fil-forma ta’ “Safety Deal hittewerende bekleding op LPG-autogastankwagens” ma’ organizzazzjonijiet ta’ operaturi tas-settur LPG (fost oħrajn operaturi ta’ pompi tal-petrol LPG u produtturi, bejjiegħa u trasportaturi ta’ LPG), fejn l-operaturi impenjaw ruħhom li jużaw il-kisi ta’ protezzjoni mis-sħana u li, f’dak ir-rigward, l-Istat Membru ħareġ ċirkulari, jiġifieri ċ-“Circulaire effectafstanden externe veiligheid LPG-tankstations voor besluiten met gevolgen voor de effecten van een ongeval” (“Ċirkolari dwar distanzi ta’ sigurtà fir-rigward tas-sigurtà esterna ta’ pompi tal-petrol LPG f’deċiżjonijiet b’konsegwenzi għall-effetti ta’ inċident”), fejn hija żviluppata politika komplementari ta’ ġestjoni ta’ riskji bbażata fuq l-ipoteżi li l-pompi tal-petrol LPG huma fornuti permezz ta’ tankers tat-triq mgħammra b’kisi ta’ protezzjoni mis-sħana?

a.    Meta qorti nazzjonali teżamina deċiżjoni ta’ implimentazzjoni li għandha l-għan li timponi fuq id-destinatarju obbligu ta’ rekwiżit li ma jistax jiġi kkontestat fid-dritt u kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni:

–    id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-awtonomija tal-proċedura nazzjonali, jippermetti lill-qorti nazzjonali li titlaq fil-prinċipju mill-idea li tali rekwiżit ta’ permess huwa legali sakemm ma jkunx manifestament kuntrarju għad-dritt superjuri, u b’mod partikolari għad-dritt tal-Unjoni? Fil-każ ta’ risposta affermattiva, id-dritt tal-Unjoni jistabbilixxi rekwiżiti (supplimentari) għal din l-eċċezzjoni?

–    jew id-dritt tal-Unjoni jimplika li, fid-dawl b’mod partikolari tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ April 1999, Ciola (C-224/97, EU:C:1999:212) u tas-6 ta’ April 2000, ED ED & F Man Sugar (C-274/04, EU:C:2006:233), li l-qorti nazzjonali għandha tinjora tali rekwiżit ta’ permess peress li jmur kontra d-dritt tal-Unjoni?

b.    Fir-rigward tar-risposta għad-domanda 2) a. għandu jkun magħruf jekk id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni hijiex sanzjoni ta’ kumpens (remedy) jew sanzjoni ta’ ripressiva (criminal charge)?

____________

1 Direttiva 2008/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar it-trasport intern ta’ oġġetti perikolużi (ĠU 2008, L 260, p. 13).