Language of document :

Appell ippreżentat fis-27 ta’ Novembru 2018 mir-Repubblika Ċeka mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) fit-13 ta’ Settembru 2018 fil-Kawża T-627/16, Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-742/18 P)

Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek

Partijiet

Appellanti: Ir-Repubblika Ċeka (rappreżentanti: M. Smolek, O. Serdula, J. Vláčil, J. Pavliš, aġenti)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, ir-Renju tal-Iżvezja

Suġġett

Appell mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Settembru 2018 fil-Kawża T-627/16, Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Kummissjoni, li biha l-Qorti Ġenerali annullat parzjalment ir-rikors tar-Repubblika Ċeka intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/10591 tal-20 ta’ Ġunju 2016 li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nfiq imġarrab mill-Istati Membri fi ħdan il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u fi ħdan il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (notifikata bid-dokument C(2016) 3753), safejn din teskludi l-ispejjeż sostnuti mir-Repubblika Ċeka.

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla l-punt 2) tad-dispożittiv u l-parti korrispondenti tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-627/16 ;

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1059, safejn din teskludi l-ispejjeż li jammontaw għat-total ta’ EUR 462 517.83 marbuta mal-ħlas uniku għas-superfiċju;

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1059, safejn din teskludi l-ispejjeż li jammontaw għat-total ta’ EUR 636 516.20 marbuta mal-investimenti fis-settur tal-inbid; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ aggravji.

L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 1306/2013 2 , moqri flimkien mal-Artikoli 26 u 31 tar-Regolament Nru 1122/2009 3 . Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet li l-kontrolli fuq il-post permezz tad-detezzjoni mill-bogħod u l-kontrolli fuq il-post klassiċi għandom jipproduċu rata ta’ irregolaritajiet identika jew paragunabbli. Tali rekwiżit la jirriżulta minn xi dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, u lanqas min-natura tal-metodi tal-kontroll ikkonċernati. Għall-kuntrarju, il-modi ta’ selezzjoni ta’ kampjuni ta’ kontroll huma, għal raġunijiet marbuta ma’ dawn il-metodi, tant differenti li l-konklużjonijiet marbuta mal-effettività tagħhom ma jistgħux ikunu ssubordinati għall-eżistenza ta’ rata ta’ irregolaritajiet identika jew paragunabbli.

It-tieni aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 1306/2013, moqri flimkien mal-Artikolu 33 tar-Regolament Nru 1122/2009. Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet li, f’każ ta’ konstatazzjoni ta’ sovradikjarazzjonijiet tas-superfiċji li ma jeċċedux il-limitu ta’ 3 % tas-superfiċju partikolari, il-kampjun ta’ kontroll għandu, f’kull ċirkustanzi, jiġi estiż sakemm ma tiġi kkonstatata ebda sovradikjarazzjoni, u dan anki meta, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, il-korpi nazzjonali jkunu jistgħu jemmnu li, għall-partijiet l-oħra tal-bidwi kkonċernat, ma humiex mistennija iktar żbalji fid-dikjarazzjoni tas-superfiċju agrikolu.

It-tielet aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 1306/2013, moqri flimkien mal-Artikolu 112 tar-Regolament Nru 1605/2002 4 u l-Artikolu 130 tar-Regolament Nru 966/2012 5 . Il-Qorti Ġenerali żnaturat b’mod qawwi s-suġġett tal-kawża bejn ir-Repubblika Ċeka u l-Kummissjoni u wettqet ukoll żball ta’ liġi meta kkonkludiet li l-korrezzjoni imposta kienet marbuta esklużivament mal-finanzjament retroattiv tal-investimenti mwettqa qabel l-implimentazzjoni tal-programm ta’ għajnuna nazzjonali. Fil-kuntest tal-investigazzjoni kkonċernata, il-Kummissjoni ċanfret lir-Repubblika Ċeka għal kull finanzjament retroattiv tal-investimenti fis-settur tal-inbid. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta ma eżaminatx l-argument tar-Repubblika Ċeka li skontu l-finanzjament retroattiv tal-investimenti mwettaq wara l-approvazzjoni tal-programm ta’ għajnuna nazzjonali kien konformi mad-dritt tal-Unjoni.

Ir-raba’ aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 1306/2013, moqri flimkien mal-Artikoli 19 u 77 tar-Regolament Nru 555/2008 6 , l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 1975/2006 7 u l-Artikolu 25 tar-Regolament Nru  65/2011 8 . Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet li, fid-data tal-fatti, kien hemm lok li jsir kontroll fuq il-post tal-investimenti kollha mwettqa fis-settur tal-inbid, filwaqt li l-Artikolu 77(5) tar-Regolament Nru 555/2008 kien jippermetti, permezz ta’ riferiment espress għall-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 1975/2006, li jiġi kkontrollat biss kampjun ta’ investimenti mwettqa.

____________

1  ĠU 2016 L 173, p. 59.

2     Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU 2013, L 347, p. 549).

3     Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1122/2009 ta’ 30 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 fir-rigward tal-kundizzjonalità, il-modulazzjoni u s-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, skont l-iskemi ta’ appoġġ għall-bdiewa previsti għal dak ir-Regolament, kif ukoll għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tal-kundizzjonalità skont l-iskema ta’ appoġġ prevista għas-settur tal-inbid (ĠU 2009, L 316, p. 65).

4     Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU 2002, L 248, p. 1).

5     Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU 2012, L 298, p. 1).

6     Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 555/2008 tas- 27 ta’ Ġunju 2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2008 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq ta’ l-inbid fir-rigward ta’ programmi ta’ appoġġ, kummerċ ma’ pajjiżi terzi, potenzjal tal-produzzjoni u kontrolli fis-settur ta’ l-inbid (ĠU 2008, L 170, p. 1).

7     Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1975/2006 tas- 7 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005, dwar l-implimentazzjoni tal-proċeduri ta’ kontroll kif ukoll il-konformità reċiproka rigward il-miżuri ta’ sostenn għall-iżvilupp rurali (ĠU 2006 L 330M, 9.12.2008, p. 455).

8     Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 65/2011 tas-27 ta’ Jannar 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005, dwar l-implimentazzjoni ta’ proċeduri ta’ kontroll kif ukoll kundizzjonalità fir-rigward ta’ miżuri ta’ appoġġ għall-iżvilupp rurali (ĠU 2011, L 25, p. 8).