Language of document : ECLI:EU:F:2014:43

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(L-Ewwel Awla)

20 ta’ Marzu 2014

Kawża F‑33/13

Luigi Marcuccio

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku – Artikolu 34(1) u (6) tar-Regoli tal-Proċedura – Proċedura – Rikors ippreżentat b’faks fit-terminu għall-preżentata ta’ rikors – Firma bil-miktub tal-avukat li hija differenti minn dik fuq ir-rikors oriġinali mibgħut bil-posta – Tardività tar-rikors – Inammissibbiltà manifesta”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tagħha, li permezz tiegħu L. Marcuccio jitlob, b’mod partikolari, l-annullament tad-deċiżjoni li biha l-Kummissjoni Ewropea rrifjutat li tħallsu somma li tikkorrispondi għall-kumpens finanzjarju ta’ leave annwali mhux użat. Qabel l-oriġinal tar-rikors ġie ppreżentat bil-posta, intbagħat dokument permezz ta’ faks, fit-8 ta’ April 2013, lir-Reġistru tat-Tribunal li rċevieh fl-istess jum, liema dokument ġie indikat bħala kopja tal-oriġinal tar-rikors ippreżentat bil-posta.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament inammissibbli. L. Marcuccio għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Sommarju

Proċedura ġudizzjarja – Rikors promotur – Rekwiżiti proċedurali – Rikors ippreżentat b’faks fit-terminu għall-preżentata ta’ rikors — Firma bil-miktub tal-avukat li hija differenti minn dik fuq ir-rikors oriġinali mibgħut bil-posta – Konsegwenza – Assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tad-data tal-wasla tal-faks bil-għan li tiġi evalwata l-osservanza tat-terminu għall-preżentata tar-rikors

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 34(6); Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91(3))

Fir-rigward tar-relazzjoni bejn il-firma tal-avukat li jirrappreżenta r-rikorrent fir-rikors mibgħut permezz ta’ faks lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u dik magħmula fuq l-oriġinali ppreżentat mhux iktar tard minn għaxart ijiem wara, meta l-firma fil-qiegħ tar-rikors ippreżentat permezz ta faks ma hijiex identika għal dik fuq ir-rikors oriġinali mibgħut sussegwentement, ir-rikors ippreżentat permezz ta’ faks ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-osservanza tat-terminu għall-preżentata tar-rikors.

Fil-fatt, l-applikazzjoni stretta mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Artikolu 34(6) tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu, tissodisfa l-ħtieġa ta’ ċertezza legali u tal-bżonn li tiġi evitata kull diskriminazzjoni jew trattament arbitrarju fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja.

(ara l-punti 30 u 31)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 22 ta’ Settembru 2011 Bell & Ross vs UASI, C‑426/10 P, punt 43

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 14 ta’ Novembru 2013, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, T-283/13 P, punti 14 u 19

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 11 ta’ Marzu 2013, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, F-131/12, punt 24