Language of document : ECLI:EU:F:2010:125

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA (It-Tieni Awla)

14 ta’ Ottubru 2010 (*)

“Servizz pubbliku — Membri tal-persunal bil-kuntratt — Remunerazzjoni — Allowances tal-familja — Koppja tal-istess sess — Allowance tad-dar — Kundizzjonijiet għall-għoti — Aċċess għaż-żwieġ ċivili — Kunċett — Artikolu 1(2)(ċ)(iv) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal”

Fil-Kawża F‑86/09,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA,

W, membru tal-persunal bil-kuntratt tal-Kummissjoni Ewropea, residenti fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentat minn É. Boigelot, avukat,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Currall u D. Martin, bħala aġenti,

konvenuta,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tieni Awla),

kompost minn H. Tagaras (Relatur), President, S. Van Raepenbusch u M. I. Rofes i Pujol, Imħallfin,

Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ April 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz ta’ rikors li wasal fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-21 ta’ Ottubru 2009 b’faks (filwaqt li l-oriġinal ġie ppreżentat l-għada), W talab l-annullament tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, tal-5 ta’ Marzu 2009 u tas-17 ta’ Lulju 2009, li rrifjutawlu l-ħlas ta’ allowance tad-dar previst fl-Artikolu 1 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”).

 Il-kuntest ġuridiku

2        L-Artikolu 13(1) KE jipprovdi li:

“Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet l-oħra ta’ dan it-Trattat u fil-limiti tal-poteri mogħtija minnu lill-Komunità, il-Kunsill, li jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni u wara li jikkonsulta mal-Parlament Ewropew, jista’ jieħu l-azzjoni xierqa biex jiġġieled id-diskriminazzjoni li tkun ibbażata fuq is-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew twemmin, id-disabilità, l-età jew it-tendenzi sesswali.”

3        L-Artikolu 21(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta tad-Drittijiet Fundamentali”), bit-titolu “Non-diskriminazzjoni” jgħid dan li ġej:

“Kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew xi opinjoni oħra, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabbiltà, l-età, jew l-orjentazzjoni sesswali għandha tkun projbita.”

4        Skont l-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundametali, bit-titolu “Ir-rispett għall-ħajja privata u tal-familja”:

“Kull persuna għandha d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tagħha, ta’ darha u tal-kommunikazzjonijiet tagħha.”

5        L-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) jistabbilixxi:

“1. Kulħadd għandu d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata tiegħu u tal-familja tiegħu, ta’ daru u tal-korrispondenza tiegħu.

2. Ma għandux ikun hemm indħil minn awtorità pubblika dwar l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt ħlief dak li jkun skond il-liġi u li jkun meħtieġ f’soċjetà demokratika fl-interessi tas-sigurtà nazzjonali, sigurtà pubblika jew il-ġid ekonomiku tal-pajjiż, biex jiġi evitat id-diżordni jew l-egħmil ta’ delitti, għall-protezzjoni tas-saħħa jew tal-morali, jew għall-protezzjoni tad-drittijiet u libertajiet ta’ ħaddieħor.”

6        Skont l-Artikoli 21 u 92 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Unjoni Ewropea, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal dwar il-modalitajiet ta’ għoti tal-allowances tal-familja japplikaw b’analoġija għall-membri tal-persunal bil-kuntratt.

7        L-Artikolu 1(2) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal jistabbilixxi li:

“L-allowance tal-familja għandu jingħata lil:

[…]

ċ)      uffiċjal li huwa rreġistrat bħala sieħeb stabbli, mhux miżżewweġ, sakemm:

i)      il-koppja tipproduċi dokument legali, rikonoxxut bħal tali minn Stat Membru, jew kull awtorità kompetenti ta’ Stat Membri, li tirrikonoxxi l-istat tagħhom bħala sħab mhux miżżewġa,

ii)      l-ebda sieħeb m’hu qiegħed f’relazzjoni maritali, jew f’xi relazzjoni oħra mhux maritali,

iii)      l-imsieħba ma jiġux min xulxin b’xi mod li ġej: ġenitur, iben/bint, nannu/nanna, neputi tan-nanniet, ħu, oħt, ziju, ziju, neputi, neputija, ħaten, ħtint,

iv)      il-koppja m’għandhiex aċċess għal żwieġ legali fi Stat Membru, il-koppja għandha titqies li għandha aċċess għal żwieġ legali għall-iskopijiet ta’ dan il-punt biss fejn il-membri tal-koppja jħarsu l-kondizzjonijiet kollha mniżżla mill-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru li jippermetti ż-żwieġ tat-tali koppja;

d)      b’deċiżjoni raġunata speċjali ta’ l-awtorità tal-ħatra bbażata fuq dokumenti ta’ appoġġ, uffiċjal li, għalkemm ma jaqax taħt il-kondizzjonijiet imniżżel f’(a), (b) u (ċ), xorta waħda attwalment jassumi responsabbiltajiet tal-familja.”

8        Skont il-premessi tar-Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 723/2004, tat-22 ta’ Marzu 2004, li stabbilixxa l-verżjoni attwali tar-Regolamenti tal-Persunal:

“(7) Il-konformità għandha titħares mal-prinċipju tan-nuqqas ta’ diskriminazzjoni, kif miġbura fit-Trattat tal-KE, li b’hekk jeħtieġ aktar żvilupp tal-politika tal-persunal [...] li tiżgura opportunitjiet indaqs għal kulħadd, ikunu xi jkunu s-sess, il-kapaċità fisika, iż-żmien, l-identità razzjali jew etnika, l-orjentazzjoni sesswali, u l-istat maritali.

(8) L-uffiċjali f’relazzjoni mhux maritali rikonoxxuta minn Stat Membru bħala sħubija stabbli, li m’għandhomx aċċess legali għaż-żwieġ għandhom jingħataw l-istess medda ta’ benefiċċji bħall-koppji miżżewġa.”

9        Skont l-Artikolu 489 tal-Kodiċi Kriminali tar-Renju tal-Marokk (iktar ’il quddiem l-“Artikolu 489 KKM”):

“Kull min jagħmel att li joffendi l-pudur jew li huwa kontra n-natura ma’ individwu tas-sess tiegħu jeħel il-piena ta’ priġunerija minn sitt xhur sa tliet snin u multa ta’ bejn MAD 200 sa MAD 1 000, sakemm il-fatt ma jkunx jikkostitwixxi ksur iktar gravi.”

10      L-Artikolu 46 tal-Liġi tas-16 ta’ Lulju 2004 dwar il-Kodiċi ta’ Dritt Internazzjonali Privat tar-Renju tal-Belġju (iktar ’il quddiem l-“Artikolu 46 KDIP”), bit-titolu “Dritt applikabbli għall-formazzjoni taż-żwieġ”, jistabbilixxi:

“Bla ħsara għall-Artikolu 47 [li jirrigwarda l-formalitajiet dwar iċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ], il-kundizzjonijiet għall-validità taż-żwieġ huma rregolati, għal kull wieħed mill-konjuġi, mid-dritt tal-Istat li tiegħu jkollu ċ-ċittadinanza fil-mument taċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ.

Ma għandhiex tiġi applikata dispożizzjoni tad-dritt indikata skont l-ewwel paragrafu jekk din id-dispożizzjoni tipprojbixxi ż-żwieġ ta’ persuni tal-istess sess, meta waħda minnhom għandha ċ-ċittadinanza ta’ Stat jew ir-residenza abitwali tagħha hija fit-territorju ta’ Stat fejn żwieġ bħal dan huwa permess.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

11      Ir-rikorrent, membru tal-persunal bil-kuntratt tal-Kummissjoni mill-1 ta’ Marzu 2009, għandu ċ-ċittadinanza doppja, Belġjana u Marokkina.

12      Fl-10 ta’ Ottubru 2008, ir-rikorrent u s-sieħeb mhux miżżewweġ tiegħu tal-istess sess u ta’ nazzjonalità Spanjola għamlu “dikjarazzjoni ta’ koabitazzjoni legali” quddiem l-uffiċjal tal-istat ċivili tal-belt ta’ Brussell (il-Belġju). Din id-dikjarazzjoni ġiet irreġistrata, l-istess jum, fir-reġistru nazzjonali.

13      Meta ġie biex jeżerċita d-drittijiet individwali tiegħu, ir-rikorrent ġie miċħud mill-allowance tad-dar permezz ta’ deċiżjoni tal-Uffiċċju “Ġestjoni u Ħlas tal-intitolamenti individwali” (PMO), tal-5 ta’ Marzu 2009, għar-raġuni, mogħtija bil-fomm, li l-koppja ma kinitx tissodisfa l-kundizzjoni imposta mill-Artikolu 1(2)(ċ)(iv) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, peress li kellha aċċess għaż-żwieġ ċivili fil-Belġju.

14      Fid-9 ta’ Marzu 2009, ir-rikorrent talab li l-koabitazzjoni legali tiegħu tiġi rrikonoxxuta mill-PMO sabiex is-sieħeb tiegħu jibbenefika mis-sistema ta’ assigurazzjoni kontra l-mard tal-Kummissjoni. B’ittra tas-6 ta’ April 2009, il-PMO laqa’ din it-talba u informa lir-rikorrent li s-sieħeb tiegħu, li ma għandux dħul minn professjoni, seta’ jibbenefika mill-assigurazzjoni primarja tar-rikorrent skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 72(1) tar-Regolamenti tal-Persunal.

15      B’posta elettronika tat-2 ta’ April 2009, ir-rikorrent ressaq ilment, skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, kontra d-deċiżjoni tal-PMO, tal-5 ta’ Marzu 2009, fejn essenzjalment sostna li, peress li l-atti omosesswali jikkostitwixxu reat kriminali skont l-leġiżlazzjoni Marokkina, iċ-ċittadinanza Marokkina tiegħu kif ukoll ir-rabtiet legali u emotivi li għandu mal-Marokk “huma tali li huwa impossibbli [għalih] li [j]iżżewweġ” ma’ persuna tal-istess sess.

16      Permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Lulju 2009, l-Awtorità tal-Ħatra ċaħdet l-ilment tar-rikorrent, billi enfasizzat li l-leġiżlazzjoni Marokkina li tikkriminalizza l-aġir omosesswali ma tikkostitwixxix ostakolu għaż-żwieġ tar-rikorrent fil-Belġju.

 It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura

17      Ir-rikorrent jitlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jannulla d-deċiżjoni tal-PMO, tal-5 ta’ Marzu 2009, li ma tagħtux l-allowance tad-dar;

–        jannulla d-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra, tas-17 ta’ Lulju 2009, li ċaħdet l-ilment tiegħu;

–        jikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

18      Il-Kummissjoni titlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        jikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

19      B’ittra li waslet fir-Reġistru fil-21 ta’ Ottubru 2009, ir-rikorrent ressaq talba għall-anonimità li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku laqa’. Din id-deċiżjoni ġiet innotifikata lill-partijiet b’ittra mir-Reġistru tad-19 ta’ Novembru 2009.

20      Sabiex jiġu żgurati, fl-aħjar kundizzjonijiet, il-preparamenti tal-kawża u l-iżvolġiment tal-proċedura, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku adotta miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, kif previst fl-Artikoli 55 u 56 tar-Regoli tal-Proċedura. Għal dan il-għan, ir-rikorrent, fir-rapport preparatorju għas-seduta, ġie mistieden iwieġeb għal domandi dwar, b’mod partikolari, ir-rabtiet tiegħu mal-Marokk.

21      B’ittra li waslet fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fid-19 ta’ Marzu 2010, ir-rikorrent għamel kif mitlub mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Jirriżulta minn din l-ittra u mid-dokumenti annessi li r-rikorrent twieled fit-23 ta’ Ottubru 1975 fil-Belġju u li, imwieled Marokkin, huwa kiseb iċ-ċittadinanza Belġjana ta’ erbatax-il sena, b’mod awtomatiku, wara li missieru kien kiseb iċ-ċittadinanza Belġjana. Jirriżulta wkoll li r-rikorrent dejjem għex fil-Belġju, apparti li għex għal seba’ snin fi Spanja u li huwa kien imur fil-Marokk għall-vakanzi tiegħu. Madankollu, ir-rikorrent jindika li huwa jitkellem il-Berberu u l-Għarbi u billi huwa ta’ reliġjon Musulmana, kien imur skola Għarbija, darba fil-ġimgħa, sakemm għalaq tlettax-il sena. Barra minn hekk, huwa qal li mill-2003, is-sena meta missieru rtira, il-ġenituri tiegħu qed jgħixu primarjament fil-Marokk fejn huma xtraw proprjetajiet immobbli. Fl-aħħar nett, indika li qed jinnegozja ma’ aġent ta’ proprjetà immobbli biex jixtri dalwaqt proprjetà fil-Marokk u dan l-att jeħtieġ li jsemmi l-istat ċivili tiegħu.

22      Barra minn hekk, il-partijiet ġew mistiedna, anki fir-rapport preparatorju għas-seduta, biex jibagħtu lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku provi li jistabbilixxu l-applikazzjoni effettiva tal-Artikolu 489 KKM.

23      Permezz ta’ ittri li waslu fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-31 ta’ Marzu 2010 u fit-2 ta’ April 2010, il-Kummissjoni u r-rikorrent ippreżentaw, rispettivament, ċerta informazzjoni fuq l-applikazzjoni effettiva tal-Artikolu 489 KKM li toriġina b’mod partikolari mill-istampa internazzjonali u minn organizzazzjonijiet mhux governattivi u li tiddeskrivi għall-inqas każ wieħed li fih ġie applikat effettivament l-Artikolu 489 KKM f’Diċembru 2007.

24      Matul is-seduta, ir-rikorrent ippreżenta posta elettronika li kien bagħat fis-16 ta’ Settembru 2009 lill-PMO biex jinformah li s-sieħeb tiegħu kien, minn dik id-data, beda jaħdem fil-kariga tiegħu mal-Kummissjoni.

 Fuq is-suġġett tal-kawża

25      Ir-rikorrent jitlob l-annullament, minn naħa, tad-deċiżjoni tal-PMO, tal-5 ta’ Marzu 2009, li rrifjutatlu l-allowance tad-dar meta eżerċita d-drittijiet individwali tiegħu u, min-naħa l-oħra, tad-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra, tas-17 ta’ Lulju 2009, li ċaħdet l-ilment tiegħu kontra d-deċiżjoni tal-5 ta’ Marzu 2009.

26      Skont ġurisprudenza stabbilta, it-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni li tiċħad espliċitament jew impliċitament ilment huma, bħala tali, nieqsa minn kontenut awtonomu u fil-verità jitħalltu mat-talbiet għal annullament tal-att li jikkawża preġudizzju li kontrih sar l-ilment (sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-23 ta’ Frar 2010, Faria vs UASI, F‑7/09, punt 30, u l-ġurisprudenza ċċitata).

27      Fil-fatt, filwaqt li din tikkonferma sempliċiment l-att jew l-astensjoni li dwarhom il-persuna kkonċernata tilmenta, deċiżjoni ta’ ċaħda, kemm jekk tkun impliċita jew espliċita, ma tikkostitwixxix, ikkunsidrata b’mod iżolat, att li jista’ jiġi kkontestat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Mejju 1980, Kuhner vs Il‑Kummissjoni, 33/79 u 75/79, Ġabra p. 1677, punt 9; digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Ġunju 1988, Progoulis vs Il‑Kummisjoni, 371/87, Ġabra p. 3081, punt 17; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Diċembru 2002, Morello vs Il‑Kummisjoni, T‑338/00 u T‑376/00, ĠabraSP p. I‑A‑301 u II‑1457, punt 34, u tat-2 ta’ Marzu 2004, Di Marzio vs Il‑Kummissjoni, T‑14/03, ĠabraSP p. I‑A‑43 u II‑167, punt 54).

28      In-natura ta’ att li jikkawża preġudizzju ma tistax tiġi rrikonoxxuta fir-rigward ta’ att purament konfermatorju kif inhu l-każ ta’ att li ma fih l-ebda element ġdid fir-rigward ta’ att preċedenti li jikkawża preġudizzju u li għalhekk ma jkunx issostitwixxa ruħu għalih (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Diċembru 1980, Grasselli vs Il‑Kummissjoni, 23/80, Ġabra p. 3709, punt 18; digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Ġunju 2000, Plug vs Il‑Kummissjoni, T‑608/97, ĠabraSP p. I‑A‑125 u II‑569, punt 23; sentenza Di Marzio vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 54).

29      Madankollu, ġie deċiż diversi drabi li deċiżjoni espliċita ta’ ċaħda ta’ lment tista’, fir-rigward tal-kontenut tiegħu, ma jkollhiex natura konfermatorja tal-att kkontestat mir-rikorrent. Dan ikun il-każ meta d-deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ ilment fiha eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tar-rikorrent fir-rigward tal-punti ta’ liġi u ta’ fatti ġodda, jew meta timmodifika jew tissupplimenta d-deċiżjoni inizjali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, iċ-ċaħda tal-ilment tikkostitwixxi att suġġett għall-istħarriġ tal-qorti, li tikkunsidraha fl-evalwazzjoni tal-legalità tal-att kkontestat (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-10 ta’ Ġunju 2004, Eveillard vs Il‑Kummissjoni, T‑258/01, ĠabraSP p. I‑A‑167 u II‑747, punt 31, u tas-7 ta’ Ġunju 2005, Cavallaro vs Il‑Kummissjoni, T‑375/02, ĠabraSP p. I‑A‑151 u II‑673, punti 63 sa 66; sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tad-9 ta’ Settembru 2008, Ritto vs Il‑Kummissjoni, F‑18/08, ĠabraSP p. I‑A‑1‑281 u II‑A‑1‑1495, punt 17), jew saħansitra tikkunsidraha bħala att li jikkawża preġudizzju meta jiġi ssostitwit għal dan tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kuhner vs Il‑Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, punt 9; sentenzi Morello vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35, u tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ Ottubru 2004, Sandini vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, T‑389/02, ĠabraSP p. I‑A‑295 u II‑1339, punt 49).

30      F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li d-deċiżjoni tal-5 ta’ Marzu 2009 ċaħdet biss lir-rikorrent il-benefiċċju tal-allowance tad-dar, abbażi ta’ raġuni mogħtija bil-fomm. Sussegwentement, wara din iċ-ċaħda, ir-rikorrent, fl-ilment tiegħu, issottometta lill-Kummissjoni punti ta’ liġi u ta’ fatt dwar il-leġiżlazzjoni Marokkina li tikkriminalizza l-atti omosesswali, leġiżlazzjoni li tapplika fil-konfront tiegħu minħabba ċ-ċittadinanza tiegħu. Minn dan jirriżulta li meta d-deċiżjoni tas-17 ta’ Lulju 2009 tikkonferma ċ-ċaħda tal-Kummissjoni li tagħti l-allowance tad-dar lir-rikorrent, filwaqt li tiċħad l-argumenti ta’ dan tal-aħħar u filwaqt li tissupplimenta l-motivazzjoni bil-fomm ta’ din iċ-ċaħda, jibqa’ l-fatt li din seħħet wara eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tar-rikorrent.

31      F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-deċiżjoni tas-17 ta’ Lulju 2009 ma tikkostitwixxix att konfermatorju tagħha u għandha tiġi kkunsidrata fl-istħarriġ tal-legalità li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu jeżerċita.

32      Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li r-rikors għandu l-effett li jressaq quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku talbiet għall-finijiet ta’ annullament kemm tad-deċiżjoni tal-5 ta’ Marzu 2009 kif ukoll dik tas-17 ta’ Lulju 2009 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet ikkontestati”).

 Fuq it-talbiet sabiex jiġu annullati d-deċiżjonijiet ikkontestati

33      Insostenn tat-talbiet tiegħu għall-finijiet tal-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati, ir-rikorrent jinvoka motiv wieħed tal-ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 1(2)(ċ)(iv) (iktar ’il quddiem l-“ewwel dispożizzjoni kkontestata”) u tal-Artikolu 1(2)(d) (iktar ’il quddiem it-“tieni dispożizzjoni kkontestata”) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal.

 L-argumenti tal-partijiet

34      Fil-kuntest tal-uniku motiv tiegħu, ir-rikorrent essenzjalment iqajjem tliet ilmenti kontra d-deċiżjonijiet ikkontestati.

35      L-ewwel nett, ir-rikorrent isostni li, fid-dawl ta’ waħda miċ-ċittadinanzi tiegħu, jiġifieri dik Marokkina, li għaliha huwa pprojbit li jirrinunzja, il-prosekuzzjonijiet li jkun suġġett għalihom fil-Marokk skont l-Artikolu 489 KKM kieku jiżżewweġ fil-Belġju mas-sieħeb tiegħu, jagħmlu dan iż-żwieġ impossibbli. Skont ir-rikorrent, l-omosesswalità tiegħu tinkixef minnufih u għalhekk ikun suġġett għal prosekuzzjonijiet għall-fatt biss li jkun bidel l-istat ċivili biż-żwieġ. Minn dan jirriżulta li, f’kull pass amministrattiv fejn l-istat ċivili tiegħu jrid jiġi żvelat (pereżempju, għat-tiġdid ta’ passaport, għax-xiri jew il-bejgħ ta’ beni immobbli jew ukoll f’każ ta’ wirt), huwa jgħaddi minn riskju reali ta’ sanzjoni kriminali.

36      It-tieni nett, ir-rikorrent jallega li fi kwalunkwe każ u indipendentement mill-applikabbiltà tal-ewwel dispożizzjoni kkontestata, teżisti, minħabba d-dmir tal-amministrazzjoni li tħares l-interessi tal-uffiċjal, il-possibbiltà li tinkiseb l-allowance tad-dar permezz tat-tieni dispożizzjoni kkontestata, jekk l-uffiċjal ma jissodisfax, skont il-Kummissjoni, il-kundizzjonijiet imposti mill-ewwel dispożizzjoni kkontestata u, madankollu, huwa jassumi effettivament responsabbiltajiet tal-familja.

37      It-tielet nett, il-ksur taż-żewġ dispożizzjonijiet ikkontestati jwassal għal diskriminazzjoni kontra r-rikorrent meta mqabbel ma’ uffiċjali li l-għażla tagħhom li jiżżewġu ma tolqot l-ebda prinċipju ta’ dritt pubbliku fil-pajjiżi taċ-ċittadinanza tagħhom.

38      Il-Kummissjoni titlob li jiġi miċħud l-uniku motiv imqajjem mir-rikorrent, billi jiġu miċħuda t-tliet ilmenti msemmija iktar ’il fuq.

39      Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ssostni li ma huwiex iż-żwieġ ta’ persuni tal-istess sess li huwa kkriminalizzat fl-Artikolu 489 KKM imma l-att sesswali bejn persuni tal-istess sess. Issa, indipendentement mill-istatus matrimonjali tiegħu, ir-rikorrent fi kwalunkwe każ ikun taħt theddida teoretika ta’ prosekuzzjonijiet billi l-awtoritajiet Marokkini jistgħu jsiru jafu bl-omosesswalità tiegħu b’mezzi oħra partikolarment meta jsiru jafu bil-koabitazzjoni legali mas-sieħeb tiegħu tal-istess sess li diġà hija rreġistrata. Barra minn hekk, billi ż-żwieġ eventwali tar-rikorrent mas-sieħeb tiegħu fil-Belġju ma jipproduċi l-ebda effett fil-Marokk, ir-rikorrent ma għandux ikun obbligat li jiżvela l-eżistenza tiegħu lill-awtoritajiet Marokkini, tant li l-karta tal-indentità tiegħu hija biżżejjed għalih għal kull pass amministrattiv f’dak il-pajjiż. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tafferma li ma hija teżiġi bl-ebda mod li r-rikorrent jirrinunzja għaċ-ċittadinanza Marokkina tiegħu biex jibbenefika mill-allowance tad-dar billi d-dritt Belġjan jippermetti f’dan il-każ iż-żwieġ tar-rikorrent minkejja ċ-ċittadinanza Marokkina tiegħu. Barra minn dan, il-qrati tal-Unjoni ma humiex obbligati li jinterpretaw din id-dispożizzjoni għaliex din fiha referenza espressa għal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri b’mod li l-kwistjoni biex wieħed ikun jaf jekk koppja għandhiex aċċess għaż-żwieġ ċivili fi Stat Membru jiddipendi minn deċiżjoni li hija ta’ kompetenza biss ta’ dak l-Istat Membru, f’dan il-każ, il-Belġju.

40      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-applikabbiltà tat-tieni dispożizzjoni kkontestata, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-ilment huwa, minn naħa, inammissibbli sa fejn, billi ma għamilx it-talba tiegħu f’dan is-sens, jew inkella lment kontra l-allegata ċaħda impliċita tal-Kummissjoni li tapplika d-dispożizzjoni inkwistjoni, ir-rikorrent ma kienx osserva l-proċedura prekontenzjuża. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrent ma pproduċiex dokumenti ta’ prova li juru l-eżistenza tar-responsabbiltajiet tal-familja tiegħu. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fir-rigward tal-applikazzjoni tat-tieni dispożizzjoni kkontestata, li, anki jekk wieħed jassumi li r-rikorrent jissodisfa l-kundizzjonijiet tagħha, ma joħloqx dritt assolut għall-allowance tad-dar.

41      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni tikkunsidra li, skont il-ġurisprudenza, differenza fit-trattament bbażata fuq l-istatus familjari ma tikkostitiwixxix diskriminazzjoni. Billi l-ewwel dispożizzjoni kkontestata tpoġġi f’sistema differenti l-uffiċjali f’relazzjoni mhux maritali u l-uffiċjali miżżewġa, ir-rikorrent kellu jqajjem eċċezzjoni ta’ illegalità kontra din id-dispożizzjoni. Dan huwa ma għamlux.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

42      L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li l-estensjoni tad-dritt għall-allowance tad-dar lill-uffiċjali rreġistrati bħala sħab stabbli mhux miżżewġa, inklużi tal-istess sess, tirrifletti, skont is-seba’ premessa tar-Regolament Nru 723/2004, it-tħassib tal-leġiżlatur li jiżgura l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni li hemm fl-Artikolu 13(1) KE (li wara l-emenda sar l-Artikolu 19(1) TFUE) u għalhekk biex jiżviluppa politika tal-persunal li tiggarantixxi l-ugwaljanza tal-opportunitajiet għal kulħadd, mingħajr ma jitqies l-orjentament sesswali jew is-sitwazzjoni matrimonjali tal-persuna kkonċernata, li jikkorrispondi wkoll mal-projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentament sesswali prevista fl-Artikolu 21(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Barra minn hekk, l-estensjoni tad-dritt għall-allowance tad-dar lill-uffiċjali rreġistrati bħala sħab stabbli mhux miżżewġa, inklużi tal-istess sess, tirrifletti l-ħtieġa għall-protezzjoni tal-uffiċjali kontra l-indħil tal-amministrazzjoni fl-eżerċizzju tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, kif irrikonoxxut fl-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u fl-Artikolu 8 tal-KEDB.

43      Fid-dawl tal-protezzjoni tad-drittijiet iggarantiti mill-KEDB, jeħtieġ li r-regoli statutorju li jestendu d-dritt għall-allowance tad-dar lill-uffiċjali rreġistrati bħala sħab stabbli mhux miżżewġa, inklużi tal-istess sess, jingħataw interpretazzjoni ta’ natura li tiggarantixxi effettività aħjar tar-regoli msemmija iktar ’il fuq, b’mod li d-dritt inkwistjoni ma jibqax teoretiku jew illużorju imma jkun konkret u effettiv (ara, f’dan is-sens, Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenzi Airey vs L-Irlanda tad-9 ta’ Ottubru 1979, Serje A Nru 32, punt 24; Partit Komunista Unifikat tat-Turkija et vs It‑Turkija tat-30 ta’ Jannar 1998, Ġabra ta’ sentenzi u deċiżjonijiet, 1998‑I, punt 33; Kreuz vs Il‑Polonja tad-19 ta’ Ġunju 2001, Ġabra ta’ sentenzi u deċiżjonijiet, 2001‑VI, punt 57, u Scoppola vs L‑Italja (Nru 2) [GC] tas-17 ta’ Settembru 2009, Ġabra ta’ sentenzi u deċiżjonijiet, 2009‑, punt 104).

44      Għall-uffiċjali rreġistrati bħala sħab stabbli mhux miżżewġa, inklużi dawk tal-istess sess, id-dritt għall-allowance tad-dar, kif hemm fl-ewwel dispożizzjoni kkontestata, jista’ jkun biss teoretiku u illużorju jekk il-kunċett ta’ “aċċess għal żwieġ legali fi Stat Membru”, li n-nuqqas tiegħu jikkostitwixxi waħda mill-kundizzjonijiet sabiex tali uffiċjal jibbenefika mill-allowance tad-dar, jiġi interpretat f’sens formali biss, billi jagħmel l-applikazzjoni tal-ewwel dispożizzjoni kkontestata dipendenti fuq il-kwistjoni jekk il-koppja tissodisfax il-kundizzjonijiet legali imposti mid-dritt nazzjonali applikabbli, mingħajr ma tiġi vverifikata n-natura konkreta u effettiva tal-aċċess għaż-żwieġ fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

45      Minn dan jirriżulta li, meta tipprova tistabbilixxi jekk koppja ta’ persuni tal-istess sess għandhiex aċċess għaż-żwieġ ċivili skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, l-amministrazzjoni ma tistax tinjora d-dispożizzjonijiet tal-liġi ta’ Stat ieħor li magħhom is-sitwazzjoni inkwistjoni jkollha rabta mill-qrib minħabba ċ-ċittadinanza tal-persuni kkonċernati, meta tali liġi, ċertament mhux applikabbli għall-kwistjonijiet tal-formazzjoni taż-żwieġ, tista’ tirrendi teoretiku u illużorju l-aċċess għaż-żwieġ u għalhekk għad-dritt għall-allowance tad-dar. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, ta’ liġi nazzjonali li tikkriminalizza l-atti omosesswali mingħajr lanqas toħloq distinzjoni skont il-post fejn l-att omosesswali huwa mwettaq, pereżempju bħall-Artikolu 489 KKM.

46      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata bil-formulazzjoni tat-tieni sentenza tal-ewwel dispożizzjoni kkontestata. Fil-fatt, din il-frażi hija limitata biex tindika biss li, sabiex ikun hemm “aċċess għal żwieġ legali”, fis-sens tal-ewwel sentenza tal-ewwel dispożizzjoni kkontestata, il-membri tal-koppja kkonċernata għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet “kollha” stabbiliti mil-leġiżlazzjoni applikabbli. Għalhekk kull ma tagħmel huwa li tikkjarifika r-regola diġà stabbilita fl-ewwel sentenza tal-istess dispożizzjoni, kjarifika li hija estranea għal kollox għall-kwistjonijiet diskussi fil-punti 43 sa 45 ta’ din is-sentenza u li ma tmurx kontra l-konklużjonijiet imsemmija hemmhekk dwar il-problema inkwistjoni. Jekk din it-tieni sentenza tiġi interpretata fis-sens li biss id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fid-dritt tal-Istat Membru kkonċernat għandhom jiġu kkunsidrati fl-applikazzjoni tal-Artikolu 1(2) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, tali interpretazzjoni tkun qed tinjora r-rekwiżit ta’ interpretazzjoni dinamika li tieħu inkunsiderazzjoni, skont ġurisprudenza stabbilita, mhux biss il-kundizzjonijiet tad-dispożizzjoni inkwistjoni, imma wkoll l-għanijiet li l-leġiżlatur jixtieq jilħaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tad-29 Settembru 2009, O vs Il‑Kummissjoni, F‑69/07 u F‑60/08, ĠabraSP p. I‑A‑1‑349 u II‑A‑1‑1833, punt 114, u l-ġurisprudenza ċċitata).

47      F’dan il-każ, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkonstata li r-rikorrent huwa membru tal-persunal bil-kuntratt irreġistrat bħala sieħeb stabbli mhux miżżewweġ fil-Belġju. Għaldaqstant, il-koppja inkwistjoni setgħet, bħala prinċipju, tidħol fi żwieġ ċivili fil-Belġju, sa fejn it-tieni paragrafu tal-Artikolu 46 KDIP iwarrab il-projbizzjoni taż-żwieġ ta’ persuni tal-istess sess li tinsab fid-dritt nazzjonali ta’ kwalunkwe membru tal-koppja, sabiex b’hekk jintwera biċ-ċar li tali projbizzjoni tmur kontra l-perċezzjonijiet soċjali u legali li jipprevalu fil-Belġju.

48      Madankollu, ir-rikorrent qajjem il-fatt, mingħajr ma ebda kontestazzjoni mill-Kummissjoni, li l-Artikolu 489 KKM għadu jagħmel parti mid-dritt fis-seħħ fil-Marokk, pajjiż li miegħu huwa marbut mill-qrib minħabba waħda miż-żewġ ċittadinanzi tiegħu.

49      Barra minn hekk, billi jibbaża ruħu fuq dokumentazzjoni voluminuża li turi l-persekuzzjoni li għadha teżisti tal-omosesswali fil-Marokk, ir-rikorrent sostna li l-Artikolu 489 KKM jiġi applikat b’mod effettiv f’dan il-pajjiż u li hemm riskji gravi u restrizzjonijiet qawwija fuq kull ċittadin Marokkin li għandu l-intenzjoni li jidħol fi żwieġ ma’ persuna tal-istess sess. Għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tad-dokumentazzjoni inkwistjoni, dawn ir-riskji u restrizzjonijiet ma jidhrux ipotetiċi iżda reali ħafna.

50      Permezz ta’ ittra tal-31 ta’ Marzu 2010, il-Kummissjoni bagħtet lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sensiela ta’ dokumenti fuq l-istess suġġett. Din id-dokumentazzjoni, parzjalment identika ma’ dik tar-rikorrent, ma tippermettix li jitpoġġew fid-dubju b’mod serju l-allegazzjonijiet ta’ dan tal-aħħar, imsemmija fil-punt preċedenti.

51      Fil-fatt, jirriżulta l-ewwel nett mid-dokumentazzjoni prodotta mill-Kummissjoni li, minħabba l-Artikolu 489 KKM, l-awtoritajiet konsulari ta’ Franza u l-Marokk ma humiex awtorizzati jirreġistraw sħubiji bejn persuni tal-istess sess. Imbagħad, din id-dokumentazzjoni ssemmi li, l-ewwel nett, “l-omosesswalità fil-Marokk hija ttollerata fil-moħbi, imma […] hija ssanzjonata meta toħroġ fid-dawl tax-xemx” u, li t-tieni nett, “f’Ġunju 2004, 43 gays li ltaqgħu sabiex jiċċelebraw fi festin ta’ wieħed minnhom f’sala tar-riċevimenti ġew arrestati u detenuti”, li t-tielet nett, fl-10 ta’ Diċembru 2007, il-qorti tal-prim’istanza ta’ Ksar El Kebir (il-Marokk) ikkundannat sitt irġiel għall-ksur tal-Artikolu 489 KKM, deċiżjoni li ġiet ikkonfermata mill-qorti tal-appell ta’ Tangier (il-Marokk), li r-raba’ nett, “mill-indipendenza tal-Marokk fl-1956 iktar minn 5000 omosesswali [tressqu quddiem] il-qrati” fl-applikazzjoni tal-Artikolu 489 KKM.

52      Huwa minnu li l-Kummissjoni ddikjarat fis-seduta li, kieku r-rikorrent ġab prova tal-inqas riskju li jitpoġġa f’sitwazzjoni legalment delikata fir-rigward tal-Artikolu 489 KKM minħabba ż-żwieġ eventwali tiegħu, hija kienet tħares bi benevolenza lejn l-interessi tiegħu fl-eżami tal-possibbiltà li tapplika fil-konfront tiegħu t-tieni dispożizzjoni kkontestata. Madankollu, hija ċaħdet l-eżistenza ta’ riskju bħal dan.

53      Min-natura u mill-kontenut tagħha, dispożizzjoni bħall-Artikolu 489 KKM li tikkriminalizza l-azzjonijiet omosesswali, atti li żwieġ bejn persuni tal-istess sess neċessarjment jimplikaw, tista’ raġonevolment toħloq biża’ ta’ persekuzzjoni fir-rikorrent u tiġġustifika bir-raġun ir-riluttanza tiegħu, l-istess bħar-riluttanza ta’ kull ċittadin Marokkin normalment informat u prudenti, li jiżżewweġ ma’ persuna tal-istess sess. Ma hemm xejn fil-proċess li jġiegħlek tikkunsidra dan il-biża’ bħala illoġiku jew eżaġerat; għall-kuntrarju, fid-dawl tad-dokumentazzjoni li pproduċew il-partijiet, ma tistax tiġi miċħuda r-realtà tar-riskji u restrizzjonijiet fuq iċ-ċittadini Marokkini li jixtiequ jiżżewġu ma’ persuna tal-istess sess (ara l-punti 49 u 50 ta’ din is-sentenza).

54      Barra minn hekk, anki jekk wieħed jassumi li l-Artikolu 489 KKM ma għadux jiġi applikat, din iċ-ċirkustanza, minbarra l-fatt li dan b’daqshekk ma jeħlisx lir-rikorrent minn sentimenti ta’ biża’, ta’ tbatija u ta’ anzjetà kbira li jirriżultaw mill-eżistenza stess ta’ dan l-artikolu, ma jeskludix ir-riskju ta’ bidla fil-politika min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti sakemm dan l-artikolu jibqa’ fis-seħħ (ara, f’dan is-sens, Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenzi Dudgeon vs Ir‑Renju Unit tat-22 ta’ Ottubru 1981, Serje A Nru 45, punti 40 u 41, u Norris vs L‑Irlanda tas-26 ta’ Ottubru 1988, Serje A Nru 142, punt 33). Barra minn hekk, ma jistax jiġi eskluż, fl-istat attwali tal-affarijiet, li, fil-mument tal-adozzjoni fil-Marokk ta’ att ġuridiku jew amministrattiv li għalih ir-rikorrent ikun obbligat jindika l-istat ċivili tiegħu, dan, jekk ikun miżżewweġ fil-Belġju ma’ persuna tal-istess sess, ikun suġġett għal investigazzjonijiet tal-puliżija fil-Marokk dwar l-aġir privat tiegħu, jew li individwi jippruvaw immexxu kontrih fil-Marokk proċeduri personali (ara, f’dan is-sens, Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bnieden, sentenza Modinos vs Ċipru tat-22 ta’ April 1993, Serje A Nru 259, punt 23).

55      Minn dan jirriżulta li, fid-dawl tal-proċess, l-aċċess tar-rikorrent għaż-żwieġ fil-Belġju ma jistax jiġi kkunsidrat bħala wieħed konkret u effettiv, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 43 ta’ din is-sentenza.

56      Lanqas ma jista’ jintlaqa’ l-argument tal-Kummissjoni li r-rikorrent huwa, fi kwalunkwe każ, taħt theddida teoretika ta’ prosekuzzjonijiet sa fejn l-awtoritajiet Marokkini jistgħu jindunaw bl-omosesswalità tiegħu mill-fatt tal-koabitazzjoni legali rreġistrata diġà mas-sieħeb tiegħu tal-istess sess. Fil-fatt, biżżejjed li jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li fil-Belġju ż-żwieġ biss iġib bidla fl-istatus ċivili; is-sħab f’koabitazzjoni legali, introdotta bil-liġi tat-23 ta’ Novembru 1998 (Moniteur Belge tat-12 ta’ Jannar 1999, p. 786), jibqgħu jidhru bħala mhux miżżewġa fid-dokumenti amministrattivi Belġjani. Barra minn hekk, l-Artikolu 15 tal-Kodiċi tal-Familja tar-Renju tal-Marokk jistabbilixxi li l-Marokkini li jiżżewġu, skont il-leġiżlazzjoni lokali tal-pajjiż ta’ residenza, għandhom jippreżentaw kopja tal-att taż-żwieġ, fi żmien tliet xhur li jibda jiddekorri mid-data tal-konklużjoni tiegħu, lis-servizzi konsulari Marokkini tal-post fejn sar l-att sabiex jintbagħat lill-uffiċjal tal-istat ċivili tal-post tat-twelid tal-konjuġi fil-Marokk. Minn dan jirriżulta li, kuntrarjament għall-affermazzjoni tal-Kummissjoni (ara l-punt 39 ta’ din is-sentenza), iż-żwieġ eventwali tar-rikorrent mas-sieħeb tiegħu tal-istess sess ikollu jiġi nnotifikat lill-awtoritajiet Marokkini, bir-riskju tal-applikazzjoni tal-Artikolu 489 KKM, peress li kull żwieġ ifisser, neċessarjament, relazzjonijiet sesswali bejn is-sħab. Hija għal din l-istess raġuni li l-argument tal-Kummissjoni, li jgħid li ma huwiex iż-żwieġ ta’ persuni tal-istess sess li huwa kkriminalizzat fl-Artikolu 489 KKM, iżda l-att sesswali bejn persuni tal-istess sess, għandu jiġi miċħud.

57      Minn dan jirriżulta li t-talbiet għal annullament għandhom jiġu milqugħa abbażi tal-ewwel ilment fformulat fil-kuntest tal-uniku motiv tar-rikorrent, mingħajr ma hemm il-ħtieġa li jingħata deċiżjoni dwar l-ilmenti l-oħra ta’ dan il-motiv.

58      Fir-rigward ta’ dak kollu li ntqal, hemm lok li jiġu annullati d-deċiżjonijiet appellati.

 Fuq l-ispejjeż

59      Skont l-Artikolu 87(1) tar-Regoli tal-Proċedura, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet l-oħra tat-Tmien Kapitolu tat-Tieni Titolu ta’ dawn ir-regoli, il-parti telliefa għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikun ġew mitluba. Skont l-Artikolu 87(2) tal-istess regoli, jekk ikun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ekwità, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’ jiddeċiedi li parti telliefa għandha tiġi kkundannata tbati biss parti mill-ispejjeż, jew saħansitra li hija ma jkollhiex tiġi kkundannata f’dan ir-rigward.

60      Mill-motivi msemmija iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni hija l-parti telliefa. Barra minn hekk, fit-talbiet tiegħu, ir-rikorrent talab espressament li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż. Għalhekk, peress li ċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża ma jiġġustifikawx l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Kummissjoni għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tieni Awla)

jaqta’ u jiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, tal-5 ta’ Marzu 2009 u tas-17 ta’ Lulju 2009, li jirrifjutaw lil W il-benefiċċju tal-allowance tad-dar prevista fl-Artikolu 1 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, huma annullati.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż kollha.

Tagaras

Van Raepenbusch

Rofes i Pujol

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-4 ta’ Ottubru 2010.

W. Hakenberg

 

      H. Tagaras

Reġistratur

 

      President

It-testi tal-preżenti deċiżjoni kif ukoll id-deċiżjonijiet tal-qrati tal-Unjoni Ewropea ċċitati fiha huma disponibbli fuq is-sit internet www.curia.europa.eu


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.