Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Općinski sud u Zadru (Il-Kroazja) fit-2 ta’ April 2019 – R. D., A. D. vs Raiffeisenbank St. Stefan-Jagerberg-Wolfsberg eGen

(Kawża C-277/19)

Lingwa tal-kawża: il-Kroat

Qorti tar-rinviju

Općinski sud u Zadru

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: R. D., A. D.

Konvenut: Raiffeisenbank St. Stefan-Jagerberg-Wolfsberg eGen

Domandi preliminari

1)    X’inhuma l-kamp ta’ applikazzjoni u l-portata tal-protezzjoni tal-konsumaturi li tirriżulta mid-Direttiva 2011/83 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE 1 u d-Direttiva 2014/17/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Frar 2014 dwar kuntratti ta’ kreditu għall-konsumaturi marbutin ma’ proprjetà immobbli residenzjali 2 u li temenda d-Direttivi 2008/48/KE 3 u 2013/36/UE 4 u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010? 5

2)    Ir-rikorrenti huma konsumaturi fis-sens tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011, sa fejn din temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE, u d-Direttiva 2014/17/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Frar 2014, dwar kuntratti ta’ kreditu għall-konsumaturi marbutin ma’ proprjetà immobbli residenzjali u li temenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, fid-dawl tal-fatt li l-konvenut jiċħad lir-rikorrenti il-kwalità ta’ konsumaturi?

3)    Id-dispożizzjonijiet nazzjonali tal-Artikolu 3(1)(a) tal-liġi dwar il-kreditu lill-konsumatur huma preklużi mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2014/17/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Frar 2014, u tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/48/KE u mill-kumplament tal-għanijiet u l-finalitajiet ta’ protezzjoni tal-konsumaturi stabbiliti fil-Preambolu tad-Direttiva 2014/17/UE, sa fejn dawn jistabbilixxu il-limitu massimu għall-protezzjoni tal-konsumatur fi kwantità iddeterminata, jiġifieri sa HRK 1 000 000.00?

4)    L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2014/17/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Frar 2014, għandu jiġi interpretat fis-sens li sitwazzjoni li fiha l-konvenut huwa koperattiva tal-kreditu rreġistrata fir-Repubblika tal-Awstrija u li ma hijiex awtorizzata mill-Bank Ċertrali tal-Kroazja mill-konċessjoni ta’ krediti lill-konsumaturi fl-2007 u 2008, u lanqas ma għandha awtorizzazzjoni speċjali mill-Ministeru tal-Finanzi skont l-Artikolu 22 taz-[ZPK (Liġi dwar il-kreditu lill-konsumatur)], u ma għandhiex rappreżentant irreġistrat u lanqas sussidjarja fir-Repubblika tal-Kroazja tikkostitwixxi raġuni għal dikjarazzjoni ta’ nullità tal-kuntratt ta’ kreditu u ksur tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva peress li minħabba dan (possibbilment) jistgħu jiġu ppreġudikati b’mod dirett id-drittijiet tal-konsumaturi persuni fiżiċi fit-territorju tar-Repubblika tal-Kroazja, sa fejn il-konvenut ma huwiex suġġett għas-superviżjoni stabbilita mil-liġi bil-għan li jitħarsu l-konsumaturi u li jiġu stabbiliti regoli u kriterji unitarji għall-għoti ta’ krediti lill-konsumaturi fil-każ ta’ krediti ipotekarji, kif imsemmi fil-Preambolu tad-Direttiva 2014/17/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Frar 2014?

5)    Jista’ jitqies li din hija sitwazzjoni li fiha hemm ksur tal-Artikoli 18, 19 u 20 tad-Directiva 2014/17/UE, fid-dawl tal-fatt li l-prinċipji ta’ bona fide u ta’ lealtà jikkostitwixxu standard legali, jiġifieri, li fil-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kreditu twettaq ksur tal-imsemmija direttiva, peress li l-kredutu ngħata b’tip ta’ interessi effettivi ta’ 9,4 %, meta lil konsumaturi domestiċi ta’ ċittadinaza Awstrijaka l-konvenut tahom kreditu b’interessi ta’ 4 % ― Artikolu 1000 tal-ABGB (Allgemeines bürgerliches Gesetzbuch, il-Kodiċi Ċivili Awstrijakk) ―, premess ukoll li kien ta’ natura varjabbli, b’tali mod li l-konvenut bħala entità ta’ kreditu bidilha unilateralment, u li dan tal-aħħar jagħti biss krediti fuq il-bażi ta’ ipoteka?

6)    Jista’ jitqies li kien hemm ksur tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/17/UE, b’rabta mad-Direttivi 2008/48/CE u 2013/36/UE u r-Reglament (UE) Nru 1093/2010, fid-dawl tad-dispożizzjoni tal-Artikoli 2 u 5(1), numru 2, tal-Liġi dwar l-entitajiet ta’ kreditu, jekk lill-konvenut bħala entità tad-dritt Awstrijakk tagħtih il-possibbiltà, mingħajr l-awtorizzazzjoni u lanqas is-superviżjoni mill-awtoritajiet nazzjonali, li jagħti krediti tal-konsumaturi lil ċittadini Kroati fit-territorju tar-Repubblika tal-Kroazja, u jista’ jitqies li f’tali sitwazzjoni l-imsemmija dispożizzjonijiet nazzjonali ma jipprovdux il-protezzjoni adegwata lill-persuni fiżiċi li huma konsumaturi prevista fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2014/17/UE ― awtoritajiet kompetenti ― u, li l-konvenut ma aġixxiex b’mod konformi mal-prinċipji ta’ bona fide u ta’ lealtà previsti fl-Artikolu 4 taz-ZOO (il-Liġi dwar l-obbligazzjonijiet), fatt li konsegwentement iwassal għan-nullità tad-dispożizzjoni fil-kuntratt ta’ kreditu?

7)    Jeżisti difett formali fil-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kreditu, jiġifieri, kien hemm fil-kawża prinċipali ksur tal-Artikoli 13, 14 u 16 tad-Direttiva 2014/17/UE, bl-inklużjoni tal-klawżola A tal-kuntratt ta’ kreditu ta’ rimbors uniku tal-kreditu prinċipali ― paġna 2―: “Tip ta’ interessi annwali effettivi ta’ 9.4 %. Fir-rigward tal-interessi annwali ta’ tnaqqis għall-kapital f’riskju f’każ ta’ dewmien fir-rimbors, ara l-avviż tal-bank tal-informazzjoni”?

8)    Jista’ jitqies li f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali kien hemm ksur tal-Artikoli 13, 14 u 16 tad-Direttiva 2014/17/UE, fid-dawl tal-fatt li l-kuntratti ta’ kreditu kontenzjużi huma kuntratti standard imfassla minn qabel mill-konvenut, bil-lingwa Ġermaniża u mhux tradotti b’mod sħiħ bil-lingwa materna tar-rikorrenti, u tal-fatt li l-konklużjoni tal-kuntratt hija ppreċeduta mill-pubblikazzjoni permezz tan-netwerk ta’ intermedjarji tal-konvenut (kooperativa) fir-Repubblika tal-Kroazja, li, bl-istess mod bħall-konvenut, konformement mal-leġiżlazzjoni Kroata, ma kellhomx awtorizazzjoni mill-Bank Ċentrali tal-Kroazja sabiex iwettqu tranżazzjonijiet ta’ kreditu u lanqas awtorizzazzjoni mill-Ministeru tal-Finanzi għall-għoti ta’ krediti lill-konsumaturi fit-territorju tar-Repubblika tal-Kroazja?

9)    Jista’ jitqies li f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali kien hemm ksur tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/17/UE, b’rabta mad-Direttivi 2008/48/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, meta r-regoli nazzjonali, jiġifieri, l-Artikolu 2(1), (2) u (3) u l-Artikolu 5(1), numri 1 u 2, tal-Liġi dwar l-entitajiet ta’ kreditu kienu jippermettu lill-konvenut, bħala entità ta’ kreditu taħt id-dritt Awstrijakk iwettaq, mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-awtorità nazzjonali Kroata ta’ superviżjoni, tranżazzjonijiet ta’ kreditu għal konsumaturi lil ċittadini Kroati fit-territorju tar-Repubblika tal-Kroazja, u jista’ jitqies li f’tali sitwazzjoni dawn ir-regoli nazzjonali ma jipprovdux il-protezzjoni adegwata lill-persuni fiżiċi li huma konsumaturi prevista fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2014/17/UE ― awtoritajiet kompetenti ― u li l-konvenut ma aġixxiex b’mod konformi mal-prinċipji ta’ bona fide u ta’ lealtà previsti fl-Artikolu 4 taz-ZOO (il-Liġi dwar l-obbligazzjonijiet), fatt li konsegwentement iwassal għan-nullità tad-dispożizzjoni fil-kuntratt ta’ kreditu?

10)    L-ineżistenza ta’ regoli adegwati ta’ implementazzjoni fl-ordinament ġuridiku Kroat fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratti ta’ kreditu tal-2007 u tal-2008 li jirregolaw fid-dettall il-possibbiltà u l-kundizzjonijiet għat-teħid ta’ kreditu miċ-ċittadini Kroati barra minn pajjiżhom ikkważat żbilanċ kbir fil-pożizzjoni, minn naħa, tal-fornituri u, min-naħa l-oħra, tal-banek, u dan il vojt ġuridiku ħalla mhux protetti lill-imsemmija fornituri, fatt li jmur kontra d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/17/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Frar 2014, u, b’mod partikolari, l-Artkolu 13 ta’ din tal-aħħar?

____________

1  Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2011, L 304, p. 64).

2  Direttiva 2014/17/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Frar 2014 dwar kuntratti ta’ kreditu għall-konsumaturi marbutin ma’ proprjetà immobbli residenzjali u li temenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 60, p. 34).

3  Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU 2008, L 133, p. 66).

4 Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU 2013, L 176, p. 338).

5  Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU 2010, L 331, p. 12).