Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal d’instance d’Aulnay-sous-Bois (Franza) fil-5 ta’ April 2019 – JE, KF vs XL Airways SA

(Kawża C-286/19)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Tribunal d’instance d’Aulnay-sous-Bois

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: JE, KF

Konvenuta: XL Airways SA

Domandi preliminari

Fuq l-applikabbiltà tal-Artikolu 3(2)(a) fil-każ ta’ dewmien ta’ titjira, f’dawn iż-żewġ każijiet:

Fid-dawl tal-fatt li d-dritt għal kumpens f’każ ta’ rifjut ta’ imbark jew ta’ annullament previst fl-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-11 ta’ Frar 2004 1 ġie estiż għad-dewmien ta’ titjiriet permezz tal-ġurisprudenza (Kawża C-402/07 u C-432/07, Sturgeon tad-19 ta’ Novembru 2009), il-kundizzjoni testwali dwar il-preżentazzjoni tal-passiġġier għar-reġistrazzjoni prevista fl-Artikolu 3(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-11 ta’ Frar 2004, applikabbli biss f’każ ta’ rifjut ta’ imbark, hija applikabbli fil-kuntest ta’ kumpens mitlub minn passiġġier vittma ta’ dewmien ta’ titjira u mhux ta’ rifjut ta’ imbark?

F’każ ta’ risposta pożittiva għad-Domanda 1(a), fid-dawl tal-għanijiet tat-terminu previst mill-Artikolu 3(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 (“mhux aktar tard minn 45-il minuta qabel il-ħin tat-tluq ippubblikat”) marbutin mal-kwistjoni ta’ riżervazzjonijiet żejda u mal-għanijiet ta’ sigurtà, dan id-dewmien għandu jiġi interpretat, f’dan il-każ, bħala “mhux iktar tard minn 45-il minuta qabel il-ħin il-ġdid tat-tluq tat-titjira mdewwma ppubblikat fuq l-iskrins tal-ajruport jew ikkomunikat lill-passiġġieri”?

Fuq l-oneru tal-prova tal-“preżentazzjoni għar-reġistrazzjoni”

F’każ ta’ risposta pożittiva għad-Domanda 1(a), jiġifieri, f’każ ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-11 ta’ Frar 2004, għal kumpens mitlub minn passiġġier vittma ta’ dewmien ta’ titjira:

Il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3(2)(a) huma kundizzjonijiet preliminari li l-konsumatur għandu jissoddisfa għall-applikazzjoni tar-regolament jew kawża ta’ eżenzjoni tal-kumpannija tal-ajru li tippermettilha li tipproduċi r-reġistru tal-passiġġieri sabiex turi li l-konsumatur ma ppreżentax ruħu għar-reġistrazzjoni “kif speċifikat u fil-ħin indikat minn qabel u bil-miktub (inkluż b’mod elettroniku mit-trasportatur tal-ajru, l-organizzatur ta’ vjaġġi jew aġent tal-ivvjaġġar awtorizzat, jew, fl-assenza ta’ indikazzjoni tal-ħin, mhux iktar tard minn 45-il minuta qabel il-ħin tat-tluq ippubblikat imsemmi fl-Artikolu 3(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-11 ta’ Frar 2004, fid-dawl tal-evoluzzjonijiet teknoloġiċi li jippermettu llum il-ġurnata l-modifika elettronika tal-karti ta’ imbark mhux materjali, tal-assenza tal-inklużjoni tad-data u tal-ħin fuq il-karta ta’ imbark fuq karta, tal-assenza korrelattiva ta’ kull obbligu ta’ preżentazzjoni fiżika fid-desk ta’ reġistrazzjoni, u taż-żamma mill-kumpanniji tal-ajru biss tal-informazzjoni kollha relatata mar-reġistrazzjoni tal-passiġġieri sal-egħluq tal-operazzjoni ta’ reġistrazzjoni?

Il-prinċipju ta’ effett utli, l-għanijiet tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-11 ta’ Frar 2004 u l-livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri u tal-konsumaturi b’mod ġenerali ggarantit mir-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-11 ta’ Frar 2004 jew dispożizzjonijiet oħra jew regoli tad-dritt Komunitarju, jipprekludu li jitqiegħed esklużivament fuq il-passiġġier l-oneru tal-prova tal-preżentazzjoni tiegħu għar-reġistrazzjoni “kif speċifikat u fil-ħin indikat minn qabel u bil-miktub (inkluż b’mod elettroniku mit-trasportatur tal-ajru, l-organizzatur ta’ vjaġġi jew aġent tal-ivvjaġġar awtorizzat, jew, fl-assenza ta’ indikazzjoni tal-ħin, mhux iktar tard minn 45-il minuta qabel il-ħin tat-tluq ippubblikat imsemmi fl-Artikolu 3(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-11 ta’ Frar 2004, fid-dawl tal-evoluzzjonijiet teknoloġiċi li jippermettu llum il-ġurnata l-modifika elettronika tal-karti ta’ imbark mhux materjali, tal-assenza tal-inklużjoni tad-data u tal-ħin fuq il-karta ta’ imbark fuq karta, tal-assenza korrelattiva ta’ kull obbligu ta’ preżentazzjoni fiżika fid-desk ta’ reġistrazzjoni, u taż-żamma mill-kumpanniji tal-ajru biss tal-informazzjoni kollha relatata mar-reġistrazzjoni tal-passiġġieri sal-egħluq tal-operazzjoni ta’ reġistrazzjoni?

____________

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10