Language of document :

Appell ippreżentat fit-3 ta’ April 2019 minn Andrew Clarke mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) fil-25 ta’ Marzu 2019 fil-Kawża T-731/18, Clarke vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-284/19 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellant: Andrew Clarke (rappreżentant: E. Lock, Solicitor)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tirrinvija r-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali għal teħid inkunsiderazzjoni tagħha u biex tqies il-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja;

tordna li sa mhux iktar tard mit-12 ta’ April 2019 (jew xi data oħra li għaliha jista’ jiġi estiż l-perijodu tal-Artikolu 50 TFUE)

il-Qorti Ġenerali tindirizza dak ir-rikors skont skeda u mod tali li tista’ tagħti s-sentenza tagħha fuqha;

bħala miżura provviżorja, il-Kummissjoni tagħti lir-Renju Unit opinjoni motivata filwaqt li tistabbilixxi l-pożizzjoni tagħha dwar il-ksur tad-dritt Ewropew li tista’ tiġi dedotta mill-ittra tagħha lill-appellant tal-25 ta’ Ottubru 2018;

tordna li l-partijiet għandhom il-libertà li jagħmlu rikors lill-Qorti Ġenerali għal xi direzzjonijiet oħra kif xieraq;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-appellant.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant iqajjem eċċezzjoni waħda:

Il-Qorti Ġenerali fid-digriet tagħha fil-25 ta’ Marzu 2019 interpretat b’mod ħażin dak li r-rikorrent fittex bir-rikors tiegħu, iddeterminat b’mod żbaljat li ma għandu ebda locus standi biex jippreżenta r-rikors tiegħu u li ma għandha ebda ġurisdizzjoni biex tagħti d-digriet imfittex.

L-appellant ma talabx li l-Kummissjoni tressaq proċedimenti kontra r-Renju Unit. Qed jintalbu l-annullamenti ta’ żewġ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, li waħda minnhom ġiet identifikata b’mod żbaljat mill-Qorti Ġenerali. Fir-rigward tagħhom, il-ġurisprudenza li bbażat fuqha l-Qorti Ġenerali jew ma ssostnietx il-proposta li għaliha hija kkwotata jew hija rrilevanti. L-appellant huwa intitolat ifittex l-annullament ta’ dawk id-deċiżjonijiet sa fejn kienu indirizzati lilu u/jew huma ta’ interess dirett u individwali għalih. Barra minn dan, sussidjarament, l-appellant huwa intitolat ifittex digriet taħt l-Artikolu 265 TFUE fuq il-bażi li l-Kummissjoni naqqset milli taġixxi billi ma tatx opinjoni motivata lir-Renju Unit abbażi ta’ obbligu mandatarju biex tagħmel hekk skont l-ewwel parti tal-Artikolu 258 TFUE minħabba l-aċċettazzjoni impliċita tagħha bit-tieni waħda minn dawk id-deċiżjonijiet biex tersaq biex tikkunsidra id-diskrezzjoni tagħha skont it-tieni parti tal-Artikolu 258 li r-Renju Unit kien qed jikser id-dritt Ewropew. Dan huwa abbażi tal-fatt li l-opinjoni motivata għandha tkun indirizzata wkoll lill-appellant u/jew tkun ta’ interess dirett u individwali għalih. L-appellant huwa intitolat ukoll li jfittex digriet ta’ inġunzjoni u miżuri provviżorji fir-rigward tar-rikors tiegħu abbażi tal-Artikolu 265 TFUE.

____________