Language of document :

Appell ippreżentat fil-25 ta’ Frar 2019 minn Stena Line Scandinavia AB mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) fit-13 ta’ Diċembru 2018 fil-Kawża T-631/15, Stena Line Scandinavia vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-175/19 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Stena Line Scandinavia AB (rappreżentanti: L. Sandberg-Mørch, advokat, P. Alexiadis, Solicitor)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, ir-Renju tad-Danimarka, Föreningen Svensk Sjöfart

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Diċembru 2018 fil-Kawża T-631/15 sa fejn tiċħad l-ewwel u t-tielet motiv fir-rigward tal-miżuri mogħtija lil Femern Landanlæg; it-tieni u t-tielet motiv tagħhom sa fejn huwa sostnut li l-Kummissjoni kienet wettqet żball ta’ liġi jew iffaċċjat diffikultajiet serji fir-rigward tal-effett ta’ inċentiv tal-għajnuna, ix-xenarju kontrofattwali li l-Kummissjoni kienet ibbażat ruħha fuqu għall-evalwazzjoni tagħha tal-bżonn ta’ għajnuna u l-konklużjoni li l-għajnuna mogħtija lil Femern A/S ma tikkostitwixxix distorsjonijiet tal-kompetizzjoni indebiti;

tikkundanna lill-appellata għall-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tal-appellanti.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħha, l-appellata tressaq sitt aggravji:

L-ewwel, bi ksur tal-Artikoli 107(1) u tal-108(2) TFUE, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta kkonkludiet li l-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ liġi u ma esperjenzatx diffikultajiet serji meta stabbiliet li l-garanziji tal-Istat u s-self mill-Istat mogħtija lil A/S Femern Landanlæg għad-Danish rail Hinterland Connections ma kienux tali li jistgħu joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni peress li s-suq rilevanti ma huwiex miftuħ għall-kompetizzjoni.

L-appellata sostniet li din il-konklużjoni żbaljata tal-Qorti Ġenerali hija bbażata fuq erba’ żbalji ta’ liġi li jikkorrispondu għal erba’ subaggravji:

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-garanziji tal-Istat u s-self mill-Istat mogħtija lil A/S Femern Landanlæg ma humiex tali li jistgħu jaffettwaw il-kompetizzjoni minkejja li Fixed Link (operata minn Femern A/S) u d-Danish rail Hinterland Connections (operati minn Femern Landanlæg) flimkien jikkostitwixxu proġett integrat wieħed li l-garanziji tal-Istat u s-self mill-Istat mogħti lil Femern A/S diġà nstab li huma tali li jistgħu joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni.

Il-Qorti tal-Ġustizzja wettqet żball ta’ liġi meta sostniet li s-suq għall-amministrazzjoni tal-infrastruttura tal-ferrovija fid-Danimarka ma huwiex de lege miftuħ għall-kompetizzjoni.

Il-Qorti tal-Ġustizzja wettqet żball ta’ liġi meta sostniet li s-suq għall-amministrazzjoni tal-infrastruttura tal-ferrovija fid-Danimarka ma huwiex de facto miftuħ għall-kompetizzjoni.

Is-swieq għall-konstruzzjoni u l-manutenzjoni ta’ infrastruttura tal-ferrovija, li huma miftuħa għall-kompetizzjoni, huma separati mis-suq għall-amministrazzjoni u l-operat, f’sens strett, tal-infrastruttura tal-ferrovija;

It-tieni, bi ksur tal-Artikoli 107(1) u tal-108(2) TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet li l-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ liġi u ma ffaċċjatx problemi serji meta ddeterminat li l-garanziji tal-Istat u s-self mill-Istat mogħtija lil A/S Femern Landanlæg għall-iffinanzjar tad-Danish rail Hinterland Connections ma kienux tali li jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

It-tielet, bi ksur tal-Artikolu 107(3)(b) u tal-108(2) TFUE, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta kkonkludiet li l-ispejjeż tal-Hinterland Connections jistgħu jiġu inklużi fil-kalkolu tal-intensità ta’ għajnuna massima permessa għal Fixed Link (fil-kuntest tal-analiżi tal-kompatibbiltà) għalkemm, skont il-Qorti Ġenerali, il-fondi mogħtija lil Hinterland Connections ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat.

Ir-raba’, bi ksur tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE u tal-Artikolu 108(2) TFUE l-Qorti Ġenerali żbaljat meta kkonkludiet li l-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ liġi u ma ffaċċjatx diffikultajiet serji meta ddeċidiet li l-għajnuna lil Femern A/S kellha effett ta’ inċentiv;

Il-ħames, bi ksur tal-Artikolu 107(3)(b) u l-Artikolu 108(2) TFUE il-Qorti Ġenerali żbaljat meta kkonkludiet li l-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ liġi u ma ffaċċjatx diffikultajiet serji meta ddeċidiet li l-awtoritajiet Daniżi kienu pproduċew xenarju kontrofattwali xieraq għall-evalwazzjoni tagħha rigward il-ħtieġa tal-għajnuna.

Is-sitta, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-għajnuna mogħtija lil Femern A/S ma kkawżatx distorsjonijiet tal-kompetizzjoni indebiti.

____________