Language of document : ECLI:EU:F:2008:62

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tielet Awla)

14 ta’ Mejju 2008

Kawża F-95/06

Adrien Taruffi

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Promozzjoni – Proċeduri ta’ promozzjoni 2004 u 2005 – Rappreżentanti tal-persunal – Punti ta’ prijorità”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu, A. Taruffi jitlob, essenzjalment, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jiffissaw in-numru totali tal-punti tiegħu u li jirrifjutaw li jinkluduh fil-lista tal- uffiċjali promossi għall-grad B*10 taħt il-proċedura ta’ promozzjoni 2004 u, min-naħa l-oħra, l-annullament tad-deċiżjoni li tiffissa n-numru totali tal-punti tiegħu għall-proċedura ta’ promozzjoni 2005.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Appell – Att li jikkawża preġudizzju – Sistema ta’ promozzjoni stabbilita mill-Kummissjoni – Konklużjoni tal-proċedura ta’ promozzjoni b’att li jinkludi deċiżjoni li tistabbilixxi l-lista tal-uffiċjali promossi u deċiżjoni li tistabbilixxi l-punti attribwiti lill-uffiċjali – Deċiżjonijiet awtonomi li jistgħu jiġu kkontestati b’rikorsi separati jew b’rikors wieħed

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 45, 90 u 91)

2.      Uffiċjali – Promozzjoni – Eżami komparattiv tal-merti

(Regolamenti tal-Persunal, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 25, Artikoli 45 u 90(2))

3.      Uffiċjali – Promozzjoni – Setgħa diskrezzjonali tal-Awtorità tal-Ħatra

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45)

1.      Fil-kuntest tas-sistema ta’ promozzjoni, stabbilita b’regola interna tal-Kummissjoni, ibbażata fuq it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ merti akkumulati, irrappreżentati minn punti akkumulati sena wara sena, u fejn il-proċedura ta’ promozzjoni titwettaq permezz ta’ att ta’ natura kumpless, fis-sens li tinkludi żewġ deċiżjonijiet distinti tal-Awtorità tal-Ħatra, waħda li tistabbilixxi l-lista tal-uffiċjali promossi u l-oħra li tiffissa n-numru totali tal-punti tal-uffiċjali, li fuqhom hija bbażata l-ewwel deċiżjoni msemmija iktar ’il fuq, din id-deċiżjoni li tiffissa n-numru totali tal-punti tikkostitwixxi att awtonomu li, fih innifsu, jista’ jkun is-suġġett, inkwantu tali, ta’ lment u, jekk ikun il-każ, ta’ appell fil-kuntest tar-rimedji disponibbli previsti bir-Regolamenti tal-Persunal.

Konsegwentement, uffiċjal inkluż fil-lista tal-uffiċjali promossi jkun jista’, jekk jikkontesta n-numru totali ta’ punti li jingħatawlu mill-Awtorità tal-Ħatra u konsegwentement anki d-differeza miżmuma għas-snin segwenti, iressaq ilment u, jekk ikun il-każ, appell kontra l-att innifsu ta’ għoti ta’ punti li jinvolvi, fir-rigward tiegħu, effetti legali obbligatorji u definittivi.

Bl-istess mod, huwa possibbli li uffiċjal mhux promoss li ma jkunx jixtieq jikkontesta n-nuqqas ta’ promozzjoni tiegħu għall-proċedura inkwistjoni, iżda biss ir-rifjut ta’ għoti ta’ ċertu numru ta’ punti, li ma jippermettulux li jilħaq il-kwota ta’ promozzjoni, ikun jista’ juża proċedura identika.

Barra minn hekk, uffiċjal mhux promoss minħabba l-għoti, allegatament mhux iġġustifikat, ta’ numru insuffiċjenti ta’ punti biex jikseb il-kwota ta’ promozzjoni jista’ jressaq l-appell tiegħu, kemm kontra d-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra li tiffissa n-numru totali ta’ punti u kemm kontra dik li tistabbilixxi l-lista tal-uffiċjali promossi.

Id-deċiżjonijiet individwali li jagħtu jew jirrifjutaw punti ta’ prijorità jikkostitwixxu atti preparatorji, preliminari u neċessarji għad-deċiżjoni finali li tistabbilixxi l-promozzjonijiet u għall-att separabbli u awtonomu li din tikkomporta, jiġifieri l-iffissar tan-numru totali ta’ punti. Huma ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament awtonomu, iżda l-legalità tagħhom dejjem tista’ tiġi kkontestata fil-kuntest tal-appell mid-deċiżjoni definittiva.

Min-naħa l-oħra, l-uffiċjal ma jistax jikkontesta l-legalità tad-deċiżjoni li tiffissa l-punti ta’ mertu tiegħu fil-kuntest tal-appell mid-deċiżjoni definittiva li tiffissa t-total tal-punti ta’ promozzjoni tiegħu, jekk ma jkunx ippreżenta appell kontra r-rapport tal-iżvilupp tal-karriera tiegħu peress li l-punti ta’ mertu huma kkalkolati skont in-nota li tkun imniżżla f’dan ir-rapport.

(ara l-punti 59 sa 64)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 19 ta’ Ottubru 2006, Buendía Sierra vs Il‑Kummissjoni, T‑311/04, Ġabra p. II‑4137, punti 90 sa 93, 96 sa 98 u 106

2.      Fil-kuntest tas-sistema ta’ promozzjoni stabbilita fil-Kummissjoni, li tipprovdi l-ħruġ, mill-Kumitat ta’ Promozzjoni, ta’ opinjoni motivata meta jipproponi l-għoti ta’ punti ta’ prijorità ta’ appell lill-Awtorità tal-Ħatra, in-nuqqas ta’ motivazzjoni tal-proposta tiegħu li jirrifjuta l-għoti ta’ dawn il-punti ma jiksirx it-tieni paragrafu tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal, peress li tali proposta ma tikkostitwixxix att li jikkawża preġudizzju.

(ara l-punti 91 sa 93)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza Buendía Sierra vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 143 u 144

3.      L-Awtorità tal-Ħatra, li għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa fil-qasam tal-promozzjoni, ma kellha ebda obbligu, fir-rigward tal-proċedura ta’ promozzjoni 2004, li tagħti lill-uffiċjali li kważi laħqu l-kwota ta’ promozzjoni l-punti li kien jonqoshom, sabiex dawn jiġu promossi qabel id-dħul fis-seħħ tal-istruttura ġdida ta’ karriera stabbilita bir-Regolament Nru 723/2004 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u l-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej.

(ara l-punt 114)