Language of document : ECLI:EU:C:2008:103

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

21 ta’ Frar 2008 (*)

“Komunikazzjonijiet elettroniċi – Netwerks u servizzi – Qafas regolatorju komuni – Artikoli 4 u 16 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Qafas) – Appell – Proċedura amministrattiva ta’ analiżi tas-suq”

Fil-kawża C‑426/05,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, magħmula mill-Verwaltungsgerichtshof (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Novembru 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-1 ta’ Diċembru 2005, fil-proċeduri

Tele2 Telecommunication GmbH, preċedentement Tele2 UTA Telecommunication GmbH,

vs

Telekom-Control-Kommission,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta’ l-Awla, L. Bay Larsen, K. Schiemann, P. Kūris (Relatur) u J.-C. Bonichot, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,

Reġistratur: J. Swedenborg, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Diċembru 2006,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Tele2 Telecommunication GmbH, minn M. Parschalk, Rechtsanwalt,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer u W. Bauer, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Belġjan, minn A. Hubert, bħala aġent,

–        għall-Gvern Daniż, minn J. Molde kif ukoll minn N. Holst-Christensen u B. Weis Fogh, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn P. Gentili, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Sloven, minn T. Mihelič, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn C. Ladenburger u M. Shotter, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-15 ta’ Frar 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 4 u 16 tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru [qafas] regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva [Qafas]) (ĠU L 108, p. 33, iktar ’il quddiem id-“Direttiva Qafas”).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Tele2 Telecommunication GmbH, preċedentement Tele2 UTA Telecommunication GmbH, impriża Awstrijaka li tipprovdi netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (iktar ’il quddiem “Tele2”), u t-Telekom-Control-Kommission (Kummissjoni regolatorja tat-Telekomunikazzjoni, iktar ’il quddiem it-“TCK”) minħabba r-rifjut ta’ din ta’ l-aħħar li tirrikonoxxi fil-konfront tagħha l-istat ta’ parti fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva ta’ analiżi tas-suq.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt Komunitarju

3        Skond it-tnax-il premessa tad-Direttiva Qafas:

“Kull parti li hija s-suġġett ta’ deċiżjoni mill-awtorità nazzjonali regolatorja għandu jkollha d-dritt ta’ appell lil korp li jkun indipendenti mill-partijiet involuti. Dan il-korp jista’ jkun qorti. [...]”

4        L-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas, intitolat “Dritt ta’ Appell”, jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li mekkaniżmi effettivi jeżistu fil-livell nazzjonali li taħthom kull utent jew impriża li tipprovdi networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u/jew servizzi li tkun milquta b’deċiżjoni ta’ l-awtorità nazzjonali regolatorja jkollha d-dritt ta’ appell kontra d-deċiżjoni lil korp ta’ appell li jkun indipendenti mill-partijiet involuti. Dan il-korp, li jista’ jkun qorti, għandu jkollu l-ħila adattata disponibbli biex tippermettilu li jwettaq il-funzjonijiet tiegħu. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-merti tal-każ jingħata kont debitu tagħhom u li jkun hemm mekkaniżmu effettiv ta’ appell. Sakemm jinqata’ dak l-appell, id-deċiżjoni ta’ l-awtorità għandha tibqa’ sakemm il-bord ta’ l-appell ma jiddeċidix xort’oħra.

2. Fejn il-korp ta’ l-appell imsemmi fil-paragrafu 1 ma jkunx ta’ natura ġudizzjarja, raġunijiet bil-miktub għad-deċiżjonijiet tiegħu għandhom dejjem jingħataw. B’żieda, skond il-każ, id-deċiżjoni għandha tkun suġġetta għar-reviżjoni mill-qorti jew tribunal skond it-tifsira ta’ Artikolu 234 tat-Trattat.”

5        L-Artikolu 6 tad-Direttiva Qafas, intitolat “Mekkaniżmu ta’ konsultazzjoni u trasparenza”, jipprovdi:

“Ħlief fil-każi li jaqgħu taħt Artikoli 7(6), 20 jew 21 l-Istati Membri għandhom jassiguraw li fejn l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji jkollhom il-ħsieb li jieħu miżuri skond din id-Direttiva jew id-Direttivi Speċifiċi li għandhom impatt sinifikanti fuq is-suq relevanti, jagħti lill-partijiet interessati l-opportunità li jikkummentaw dwar l-abbozz tal-miżuri f’perjodu ta’ żmien raġonevoli. L-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandhom jippubblikaw il-proċeduri nazzjonali tagħhom ta’ konsultazzjoni. L-Istati Membri għandhom jassiguraw l-istabbilir ta’ punt wieħed ta’ informazzjoni li minnu l-konsultazzjonijiet kurrenti jkunu jistgħu jiġu aċċessati. Ir-riżultati tal-proċedura ta’ konsultazzjoni għandhom jintgħamlu pubblikament disponibbli mill-awtorità nazzjonali regolatorja, ħlief fil-każ ta’ informazzjoni kunfidenzjali skond il-liġi tal-Komunità u nazzjonali dwar il-kunfidenzjalità tal-kummerċ.”

6        Skond l-Artikolu 7 tad-Direttiva Qafas, intitolat “Konsolidazzjoni tas-suq intern għall-komunikazzjonijiet elettroniċi”:

“[…]

3.      Minbarra l-konsultazzjoni prevista fl-Artikolu 6, fil-każijiet fejn awtorità nazzjonali regolatorja jkollha l-ħsieb li tieħu miżuri :

a)       [li] jaqgħu fl-iskop ta’ Artikoli 15 jew 16 ta’ din id-Direttiva, Artikoli 5 jew 8 tad-Direttiva 2002/19/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’, networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati] (Direttiva “Aċċess”) [(ĠU L 108, p. 7, iktar ’il quddiem Direttiva “Aċċess”)] jew Artikolu 16 tad-Direttiva 2002/22/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar servizz universali u d-drittijiet ta’ l-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi] (Direttiva “Servizz Universali”) [(ĠU L 108, p. 51, iktar ’il quddiem id-Direttiva “Servizz Universali”)], u

b)      [li] jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri,

għandha fl-istess żmien tagħmel abbozz tal-miżura aċċessibbli għall-Kummissjoni u għall-awtoritajiet nazzjonali regolatorji fl-Istati Membri l-oħra, flimkien mar-raġonament li fuqu tkun bażata l-miżura, skond Artikolu 5(3), u tinforma lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet nazzjonali regolatorji l-oħra bih. L-awtoritajiet nazzjonali regolatorji u l-Kummissjoni għandhom jagħmlu l-kummenti lill-awtorità nazzjonali regolatorja konċernata fi żmien xahar jew fi żmien il-perjodu msemmi f’Artikolu 6 jekk dak il-perjodu jkun itwal. Il-perjodu ta’ xahar ma jistgħax jiġi mtawwal.

4.      Fejn miżura maħsuba koperta bil-paragrafu 3 timmira li:

a)      tiddefinixxi suq relevanti li jkun differenti minn dawk definiti fir-rakkomandazzjoni skond Artikolu 15(1), jew

b)      tiddeċiedi jekk tiddeskrivix jew le impriża bħala li jkollha, jew individwalment jew konġuntement ma’ oħrajn, saħħa sinifikanti fis-suq, taħt Artikolu 16(3), (4) jew (5),

u li tista’ taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni tkun indikat lill-awtorità li tqis li l-abbozz tal-miżuri jista’ joħloq ostakolu għas-suq wieħed jew jekk ikollha dubju serji dwar il-kompatibilità mal-liġi tal-Kummissjoni, u b’mod partikolari l-miri msemmija f’Artikolu 8, allura l-abbozz tal-miżura m’għandux jiġi adottat għal xahrejn oħra. Dan il-perjodu ma jistgħax jittawwal. F’dan il-perjodu l-Kummissjoni tista’, skond il-proċedura msemmija f’Artikolu 22(2), tieħu deċiżjoni li teħtieġ lill-awtorità nazzjonali regolatorja konċernata li titrtira l-abbozz tal-miżura. Din id-deċiżjoni għandha tkun akkumpanjata b’analiżi dettaljat u oġġettiv tar-raġuni għaliex il-Kummisjoni tqis li l-abbozz tal-miżura m’għandux jiġi adottat flimkien ma’ proposti speċifiċi għall-emenda ta’ l-abbozz tal-miżura.

5.      L-awtorità nazzjonali regolatorja għandha tagħti l-akbar kont tal-kummenti ta’ awtoritajiet nazzjonali regolatorji oħra u l-Kummissjoni, u tista’ ħlief f’każijiet koperti bil-paragrafu 4, tadotta l-abbozz tal-miżura li tirriżulta u, fejn tagħmel dan, għandha tikkomunikah lill-Kummissjoni.

[…]”

7        L-Artikolu 8 tad-Direttiva Qafas, intitolat “Miri politiċi u prinċipji regolatorji”, jgħid fil-paragrafu 2 tiegħu:

“L-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandhom jippromwovu l-kompetizzjoni fil-provista tan-networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati u servizzi billi fost ħwejjeġ oħra:

a)      jiżguraw li l-utenti, nklużi utenti b’disablità, jieħu l-benefiċċju massimu f’termini ta’ għażla, prezz, u kwalità;

b)      jassiguraw li ma jkun hemm ebda tgħawwiġ jew restrizzjoni fil-kompetizzjoni fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi;

c)      jinkoraġġixxu l-investiment effiċjenti fl-infrastruttura, u jippromwovu l-inovazzjoni; u

d)      jinkoraġġixxu l-użu effiċjenti u jassiguraw l-amministrazzjoni effettiva tal-frekwenzi tar-radju u r-riżorsi tan-numerazzjoni.”

8        L-Artikolu 16 tad-Direttiva Qafas, intitolat “Proċedura ta’ analiżi tas-suq”, jipprovdi:

“1.      Kemm jista’ jkun malajr wara l-adozzjoni tar-rakkomandazzjoni jew xi aġġornament tagħha, l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandhom iwettqu analiżi tas-swieq rilevanti, waqt li jagħtu l-akbar kont tal-linji gwida. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li dan l-analiżi jitwettaq, fejn xieraq, b’kollaborazzjoni ma’ l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni.

2.      Fejn awtorità nazzjonali regolatorja hija meħtieġa taħt Artikoli 16, 17, 18 jew 19 tad-[direttiva “Servizz Universali”], jew Artikoli 7 jew 8 tad-[direttiva “Aċċess”] li jistabbilixxu jekk jimponux, iżommu, jemendaw jew jirtiraw obbigazzjonijiet fuq impriżi, għandha tistabbilixxi fuq il-bażi ta’ l-analiżi tagħha tas-suq imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan Artikolu jekk is-suq relevanti hux effettivament kompetittiv.

3.      Fejn awtorità nazzjonali regolatorja tikkonkludi li s-suq huwa effetivament kompetittiv, m’għandhiex timponi jew iżżomm xi waħda mill-obbligazzjonijiet speċifiċi regolatorji msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan [l-]Artikolu. F’każi fejn obbligazzjonijiet speċifiċi regolatorji fis-settur jeżistu [diġà], għandha tirtira dawk l-obbligazzjonijiet imqegħda fuq impriżi f’dak is-settur relevanti. Perjodu xieraq ta’ avviż għandu jingħata lill-partijiet affettwati b’dak l-irtirar ta’ l-obbligazzjonijiet.

4.      Fejn awtorità nazzjonali regolatorja tistabbilixxi li suq relevanti mhux effettivament kompetittiv, għandha tidentifika impriżi b’saħħa sinifikanti f’dak is-suq skond [l-]Artikolu 14 u l-awtorità nazzjonali regolatorja għandha fuq dawk l-impriżi timponi l-obbligazzjonijiet speċifiċi adatti msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan [l-]Artikolu jew iżżomm jew temenda dawk l-obbligazzjonijiet fejn [diġà] jeżistu.

[…]

6.      Il-miżuri meħuda skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 3, 4 u 5 ta’ dan l-Artikolu għandhom ikunu suġġetti għall-proċeduri msemmija f’Artikoli 6 u 7.”

 Id-dritt nazzjonali

 Il-liġi ġenerali fuq il-proċedura amministrattiva ta’ l-1991

9        L-Artikolu 8 tal-liġi ġenerali fuq il-proċedura amministrattiva ta’ l-1991 (Allgemeines Verwaltungsverfahrensgesetz 1991, BGBl., 51/1991), fil-verżjoni tagħha ppublikata fis-sena 2004 (BGBl. I, 10/2004), jipprovdi:

“Il-persuni li jużaw l-attività ta’ l-awtorità jew li għalihom tirreferi din l-attività huma ‘partijiet interessati’; huma ‘partijiet fil-proċeduri’ meta huma jkollhom, fir-rigward tas-suġġett ta’ din l-attività, dritt legali jew interess ġuridiku.”

 Il-Liġi dwar it-Telekomunikazzjoni ta’ l-2003

10      L-Artikolu 37 tal-Liġi dwar it-Telekomunikazzjoni ta’ l-2003 (Telekommunikationsgesetz 2003, BGBl. I, 70/2003, iktar ’il quddiem it-“TKG”), intitolat “Proċedura ta’ analiżi tas-suq”, huwa intiż biex jittrasponi l-Artikolu 16 tad-Direttiva Qafas. Skond l-Artikolu 37:

“1.      L-awtorità regolatorja għandha twettaq ex officio, b’intervalli regolari li iżda ma jistgħux jaqbżu s-sentejn, filwaqt li tieħu in kunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet tal-Komunitajiet Ewropej, analiżi tas-swieq rilevanti ddefiniti mir-regolament imsemmi fl-Artikolu 36(1). L-għan ta’ din il-proċedura hi, wara li jiġi kkonstatat jekk, f’suq rilevanti determinat, impriża waħda jew diversi impriżi humiex b’saħħithom jew jekk dan is-suq huwiex effettivament kompetittiv, li jiġu rtirati, jinżammu, jinbidlu jew jiġu imposti obbligi legali speċifiċi.

2.      Jekk fil-kuntest ta’ din il-proċedura, l-awtorità regolatorja tikkonstata li, fis-suq rilevanti, impriża waħda jew diversi impriżi huma b’saħħithom u li, bħala konsegwenza, dan is-suq mhuwiex effettivament kompetittiv, din għandha timponi fil-konfront ta’ dawn l-impriżi l-obbligi legali speċifiċi xierqa msemmija fl-Artikoli 38 sa 46 jew fl-Artikolu 47(1). Safejn dawn ikunu jirrigwardaw is-suq rilevanti, l-obbligi legali speċifiċi li jkunu diġà ġew applikati fir-rigward ta’ impriżi għandhom jiġu emendati jew imposti mill-ġdid, mill-awtorità regolatorja, skond ir-riżultati tal-proċedura filwaqt li jittieħdu in kunsiderazzjoni l-għanijiet tal-liġi.

3.      Jekk l-awtorità regolatorja tqis, fuq il-bażi tal-proċedura, li s-suq rilevanti hu effettivament kompetittiv u li, għaldaqstant, l-ebda impriża ma hi b’saħħita f’dak is-suq, din ma tistax timponi obbligi legali skond il-paragrafu 2, salv għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 47(2); f’dan il-każ, il-proċedura fir-rigward ta’ dan is-suq tingħalaq b’mod informali permezz ta’ deċiżjoni ppubblikata mill-awtorità regolatorja. Safejn, f’dan is-suq, għadhom japplikaw obbligi legali speċifiċi fir-rigward ta’ impriżi, dawn għandhom jiġu rtirati permezz ta’ deċiżjoni. Din id-deċiżjoni għandha wkoll tistabbilixxi perijodu ta’ żmien raġonevoli, ta’ massimu ta’ sitt xhur, għad-dħul fis-seħħ ta’ dan l-irtirar.

[…]

5.      Huma biss dawk l-impriżi li fil-konfront tagħhom ġew imposti, mibdula jew irtirati obbligi legali speċifiċi li għandhom l-istat ta’ parti.

[…]”

11      L-Artikolu 128 tat-TKG, intitolat “Proċedura ta’ konsultazzjoni”, jiddisponi hekk:

“1.      Il-Ministru Federali tat-Trasport, ta’ l-Innovazzjoni u tat-Teknoloġija kif ukoll l-awtorità regolatorja għandhom jagħtu lill-persuni interessati l-okkażjoni li jikkummentaw f’terminu raġonevoli fuq l-abbozz ta’ atti ta’ eżekuzzjoni previsti skond din il-liġi federali li jkollhom impatt sinjifikanti fuq is-suq rilevanti. Din id-dispożizzjoni ma tapplikax għall-miżuri previsti fl-Artikoli 91(4), 122 u 130. Il-proċedura ta’ konsultazzjoni kif ukoll ir-riżultati tagħha għandhom jiġu reżi pubbliċi mill-awtorità kkonċernata sakemm l-Artikolu 125 ma jiddisponix mod ieħor.

[…]

4.      Il-Ministru Federali tat-Trasport, ta’ l-Innovazzjoni u tat-Teknoloġija kif ukoll l-awtorità regolatorja għandhom jagħtu lill-persuni interessati l-okkażjoni li jikkummentaw f’terminu raġonevoli fuq kwistjonijiet li jirrigwardaw id-drittijiet ta’ l-utenti finali jew tal-konsumaturi fir-rigward ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi. Huma għandhom jieħdu in kunsiderazzjoni b’mod xieraq dawn il-kummenti, b’mod partikolari meta jkun mistenni impatt sinjifikanti fuq is-suq.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12      Fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva ta’ analiżi tas-suq imwettqa mit-TCK, Tele2 talbitha, fis-16 ta’ Lulju 2004, tagħtiha l-istat ta’ parti kif ukoll id-dritt ta’ aċċess għall-inkartament, skond l-Artikolu 37 tat-TKG.

13      Permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Settembru 2004, it-TCK ċaħdet din it-talba peress li, skond il-paragrafu 5 ta’ l-imsemmi Artikolu 37, huma biss dawk l-impriżi li fil-konfront tagħhom ġew imposti, mibdula jew irtirati obbligi legali speċifiċi li jistgħu jkunu parti fil-poċedura ta’ analiżi tas-suq, bl-eklużjoni ta’ kull parti oħra. Fl-opinjoni tagħha, dan mhuwiex il-każ ta’ Tele2.

14      Tele2 appellat kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Verwaltungsgerichtshof (qorti amministrattiva), għaliex hija kkunsidrat li deċiżjoni meħuda mit-TCK fil-kuntest ta’ proċedura ta’ analiżi tas-suq tikkostitwixxi deċiżjoni skond id-Direttiva Qafas, li tolqot mhux biss lill-impriża partikolari li fir-rigward tagħha ġew imposti, mibdula jew irtirati obbligi legali speċifiċi, iżda wkoll lill-kompetituri tagħha. Fil-fatt, skond Tele2, ir-riżultat ta’ din l-analiżi tas-suq jiddetermina b’mod dirett id-drittijiet li kompetitur ta’ l-impriża dominanti jista’ jeżerċita kontra din l-impriża.

15      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgerichtshof ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja ż-żewġ domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikoli 4 u 16 tad-Direttiva Qafas għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-frażi partijiet “milquta” [(betroffenen)] jew “affettwati” [(betroffenen)] għandha tinkludi dawk l-impriżi kompetitriċi preżenti fis-suq rilevanti li fil-konfront tagħhom xi obbligi legali speċifiċi mhumiex imposti, miżmuma jew mibdula fil-kuntest ta’ proċedura ta’ analiżi tas-suq?

2)       Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda:

L-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li tistipula li, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ analiżi tas-suq, huma biss dawk l-impriżi li fil-konfront tagħhom huma imposti, mibdula jew irtirati obbligi legali speċifiċi li għandhom l-istat ta’ partijiet?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

16      Permezz ta’ l-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-kunċett ta’ utent jew ta’ impriża “milquta” [(betroffen)], skond l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas, kif ukoll dak ta’ parti “affettwata” [(betroffene)], skond l-Artikolu 16(3) ta’ din id-direttiva, għandhomx jiġu interpretati bħala li jistgħu jkopru mhux biss impriża (preċedentement) b’saħħitha fis-suq rilevanti li tkun is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ awtorità nazzjonali regolatorja meħuda fil-kuntest ta’ proċedura ta’ analiżi tas-suq prevista fl-Artikolu 16 ta’ l-istess direttiva u li tkun id-destinatarja tagħha, iżda wkoll l-utenti u l-impriżi li jikkompetu ma’ impriża bħal din (preċedentement) b’saħħitha li ma jkunux id-destinatarji ta’ din id-deċiżjoni, iżda li d-drittijiet tagħhom ikunu milquta b’mod sfavorevoli minnha.

17      Preliminarjament, għandu jingħad li, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-kawża prinċipali tirrigwarda d-dritt ta’ persuna li tkun parti f’proċedura amministrattiva mhux kontenzjuża, f’dan il-każ f’proċedura ta’ analiżi tas-suq imwettqa mit-TCK skond l-Artikolu 37 tat-TKG, li jittrasponi l-Artikolu 16 tad-Direttiva Qafas. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 4 ta’ l-imsemmija direttiva, invokat ukoll mill-qorti tar-rinviju, jirregola punt li jaqa’ taħt id-dritt amministrattiv kontenzjuż, billi dan l-Artikolu 4 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li mekkaniżmi effettivi jippermettu, fuq il-livell nazzjonali, lil kull utent jew kull impriża li tipprovdi netwerks u/jew servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, u li jkunu milquta minn deċiżjoni meħuda minn awtorità regolatorja jressqu appell quddiem korp indipendenti mill-partijiet involuti, li jista’ jkun qorti. Meta l-korp li jisma’ l-appell ma jkunx ta’ natura ġudizzjarju, huwa dejjem għandu jimmotiva d-deċiżjonijiet tiegħu bil-miktub u, minbarra dan, f’każ bħal dan, id-deċiżjoni tiegħu għandha tkun tista’ tiġi eżaminat mill-ġdid minn qorti skond l-Artikolu 234 KE.

18      Barra minn hekk, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li, skond id-dritt proċedurali Awstrijak, l-istat ta’ parti fil-kuntest ta’ proċedura ta’ analiżi tas-suq jagħti drittijiet ta’ parteċipazzjoni fl-imsemmija proċedura, bħad-dritt li jiġi kkonsultat l-inkartament tal-proċedura amministrattiva, dak li l-parti tinstema’, dak li l-parti ssir taf bir-riżultati tal-proċedura ta’ l-amministrazzjoni tal-prova u li tkun tista’ tippreżenta osservazzjonijiet dwarhom kif ukoll id-dritt li l-parti tappella kontra d-deċiżjoni meħuda fi tmiem proċedura bħal din.

19      Fid-dawl tal-kliem ta’ l-Artikolu 4 ta-Direttiva Qafas, hekk kif ġie mfakkar fil-punt 17 ta’ din is-sentenza, jeħtieġ, sabiex tingħata tweġiba għall-ewwel domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, li tiġi evalwata l-portata tal-kunċett ta’ utent jew ta’ l-impriża “milquta” minn deċiżjoni ta’ awtorità regolatorja nazzjonali skond l-imsemmi artikolu.

20      Għandu l-ewwel nett jingħad li d-Direttiva Qafas ma tiddefinixxix dan il-kunċett.

21      Skond il-Gvern Belġjan, il-fatt li, fil-verżjoni Ingliża u dik Ġermaniża ta’ din id-direttiva, l-Artikoli 4(1), u 16(3), jużaw kelma identika, jiġifieri, “affected” (milquta) u “betroffen” (affettwati) rispettivament, jindika li dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet ikopru l-istess realtà u li, konsegwentement, il-formulazzjonijiet Olandiżi “getroffen” (milquta) u “die gevolgen ondervinden” (li jsofru konsegwenzi), li jidhru, rispettivament, fl-imsemmija Artikolu 4(1), u 16(3), għandhom l-istess tifsira.

22      Il-qorti tar-rinviju tqis ukoll li, peress li l-Artikoli 4 (1) u 16(3) tad-Direttiva Qafas jużaw, fil-verżjoni Ġermaniża, l-istess espressjoni “betroffenen”, għandha tiġi rikonoxxuta l-istess portata.

23      Madankollu, ir-risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju ma tistax tiġi dedotta minn dawn il-konstatazzjonijiet.

24      Fil-fatt, diversi verżjonijiet lingwistiċi tad-Direttiva Qafas, jiġifieri l-verżjoni Ġermaniża, Ingliża, Bulgara, Daniża, Spanjola, Griega, Taljana, Latvjana, Litwana, Pollakka, Slovakka, Svediża u Ċeka, jużaw l-istess frażi fl-Artikoli 4(1) u 16(3) ta’ din id-Direttiva filwaqt li fil-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra ta’ l-istess dispożizzjonijiet jidhru żewġ termini differenti, bħal, fil-verżjoni Franċiża ta’ l-imsemmija dispożizzjonijiet, utent jew impriża “affecté(e)” u partijiet “concernées” rispettivament.

25      Issa, skond ġurisprudenza kostanti, il-verżjonijiet lingwistiċi differenti ta’ test komunitarju għandhom jiġu interpretati b’mod uniformi u, konsegwentment, fil-każ ta’ diverġenzi bejn dawn il-verżjonijiet, id-dispożizzjoni in kwistjoni għandha tiġi interpretata abbażi ta’ l-istruttura ġenerali u l-għan tal-leġiżlazzjoni li tifforma element minnha (sentenzi tat-13 ta’ April 2000, W.N., C‑420/98, Ġabra p. I‑2847, punt 21, u ta’ l-14 ta’ Ġunju 2007, Euro Tex, C‑56/06, Ġabra p. I‑4859, punt 27).

26      Ukoll skond ġurisprudenza stabbilita, jirriżulta mill-ħtiġijiet kemm ta’ l-applikazzjoni uniformi tad-dritt Komunitarju kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza li l-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju li ma jinkludi ebda referenza espliċita għal-liġi ta’ l-Istati Membri sabiex jiġi stabbilit is-sinjifikat u l-portata tagħhom għandhom normalment jingħataw, fil-Komunità kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha tiġi stabbilita fid-dawl tal-kuntest tad-dispożizzjoni u ta’ l-għan tal-leġiżlazzjoni in kwistjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-18 ta’ Jannar 1984, Ekro, 327/82, Ġabra p. 107, punt 11; tad-19 ta’ Settembru 2000, Linster, C‑287/98, Ġabra p. I-6917, punt 43, u tat-18 ta’ Ottubru 2007, Österreichischer Rundfunk, C‑195/06, Ġabra p. I-8817, punt 24).

27      B’hekk, il-portata li l-leġiżlatur Komunitarju ried jagħti lill-kunċett ta’ utent jew ta’ impriża “milquta” minn deċiżjoni ta’ awtorità nazzjonali regolatorja, skond l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas, għandha tiġi evalwata fid-dawl ta’ l-għan ta’ l-imsemmi Artikolu 4 fil-kuntest ta’ din id-direttiva.

28      Madankollu, għandu jingħad li, anki jekk jitqies li impriża li tkun f’sitwazzjoni bħal dik tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali taqa’ taħt l-Artikolu 16(3) tad-Direttiva Qafas, ma jirriżultax awtomatikament li din l-impriża tista’ taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 4(1) tagħha. Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 19 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-imsemmi Artikolu 4(1) għandu għanijiet distinti ħafna minn dawk ta’ l-imsemmi Artikolu 16(3).

29      Fil-fatt, il-konsegwenza, għal impriża, li tkun koperta mill-ewwel dispożizzjoni hi li jkollha d-dritt tappella kontra deċiżjoni meħuda minn awtorità nazzjonali regolatorja li tolqotha, filwaqt li t-tieni dispożizzjoni tagħtiha, f’każ ta’ deċiżjoni li tirtira obbligi imposti fuq l-impriża (preċedentement) b’saħħitha fis-suq rilevanti, id-dritt li tkun avżata dwar dan l-irtirar f’terminu xieraq.

30      Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 22 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas jikkostitwixxi emanazzjoni tal-prinċipju tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li huwa prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju, li jitnissel mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri u li ġie trattat fl-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (sentenza tat-13 ta’ Marzu 2007, Unibet, C‑432/05, Ġabra p. I‑2271, punt 37 u ġurisprudenza ċċitata), u li jistipula li huma l-qrati ta’ l-Istati Membri li għandhom jassiguraw il-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet li jitnisslu favur l-individwi mid-dritt Komunitarju (sentenza Unibet, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      Fis-sitwazzjoni prevista mill-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas, l-Istati Membri huma obbligati jipprovdu għal dritt ta’ appell quddiem korp ġudizzjarju sabiex jiġu protetti d-drittijiet li jitnisslu favur l-utenti u l-impriżi mill-ordinament ġuridiku Komunitarju.

32      Minn dan jirriżulta li l-ħtieġa li tingħata protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li fuqha huwa bbażat l-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas, għandha tapplika kemm għall-utenti kif ukoll għall-impriżi li fir-rigward tagħhom jistgħu jitnisslu drittijiet mill-ordinament ġuridiku Komunitarju, b’mod partikolari mid-direttivi fuq it-telekomunikazzjonijiet, u li dawn id-drittijiet tagħhom jiġu milquta minn deċiżjoni ta’ awtorità nazzjonali regolatorja.

33      Konsegwentment, jeħtieġ li jiġi stabbilit jekk favur l-utenti u l-impriżi li jikkompetu ma’ impriża (preċedentement) b’saħħitha fis-suq rilevanti jistgħux jitnisslu drittijiet mill-ordinament ġuridiku Komunitarju, b’mod partikolari mid-direttivi fuq it-telekomunikazzjonijiet, u jekk dawn id-drittijiet jistgħux jiġu milquta minn deċiżjoni meħuda minn awtorità nazzjonali regolatorja li ma jkunux id-destinatarji tagħha, sitwazzjoni li fiha huma għandhom jibbenefikaw minn dritt ta’ appell sabiex din id-deċiżjoni tiġi sottoposta għal stħarriġ ġudizzjarju.

34      Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 29 tal-konklużjonijiet tiegħu u hekk kif isostnu r-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-Kummissjoni, ċerti obbligi speċifiċi imposti fuq impriża b’saħħitha fis-suq rilevanti skond l-Artikolu 16(3) u (4), tad-Direttiva Qafas u skond id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva “Aċċess” għal, u l-interkonnessjoni ta’, networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati (Direttiva ta’ l-Aċċess) (ĠU L 108, p. 7, iktar ’il quddiem id-Direttiva “Aċċess”) imsemmijin fihom jikkostitwixxu miżuri protettivi previsti fl-interess ta’ l-utenti u ta’ l-impriżi li jikkompetu ma’ din l-impriża b’saħħitha u huma għaldaqstant kapaċi jagħtuhom drittijiet. Fost dawn il-miżuri protettivi hemm b’mod partikolari dawk li jistgħu jiġu imposti mill-awtorità regolatorja nazzjonali skond l-Artikolu 8 tad-Direttiva “Aċċess” kif ukoll l-obbligi ta’ non-diskriminazzjoni bejn il-kompetituri u l-obbligu li l-kompetituri jingħataw aċċess għall-faċilitajiet ta’ netwerks speċifiċi u għall-użu ta’ dawn, previsti, respettivament, fl-Artikolu 10 u 12 tad-Direttiva msemmija l-aħħar.

35      Għal dak li jikkonċerna, b’mod partikolari, l-imsemmija obbligi dwar l-aċċess għal faċilitajiet ta’ netwerk u għall-użu tagħhom, l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva “Aċċess” jiddisponi li “[l]-awtorità regolatorja nazzjonali tista’, skond id-dispożizzjonijiet ta’ Artikolu 8, timponi obbligi fuq operaturi biex jissodisfaw talbiet raġonevoli għall-aċċess għal, u l-użu ta’, elementi speċifiċi ta’ netwerks u faċilitajiet assoċjati, fost ħwejjeġ oħra f’sitwazzjonijiet fejn l-awtorità regolatorja nazzjonali tqis li ċ-ċaħda għall-aċċess jew termini u kondizzjonijiet mhux raġonevoli li jkollhom effett simili jfixklu t-tfaċċar ta’ suq kompetittiv sostenibbli fil-livell tal-bejgħ bl-imnut jew li ma jkunux fl-interess ta’ l-utent finali”. Bħal fil-każ ta’ l-obbligu tan-non-diskriminazzjoni previst fl-Artikolu 10 ta’ l-istess direttiva, dawn l-obbligi dwar l-aċċess tal-kompetituri għal faċilitajiet ta’ netwerks speċifiċi u għall-użu tagħhom għandhom l-għan li jagħtu dan l-aċċess lill-kompetituri kkonċernati.

36      Minn dan jirriżulta li l-utenti jew l-impriżi li jikkompetu ma’ impriża b’saħħitha fis-suq rilevanti għandhom ikunu kkunsidrati bħala benefiċjarji potenzjali tad-drittijiet korrispondenti għall-obbligi legali speċifiċi imposti minn awtorità nazzjonali regolatorja fuq din l-impriża b’saħħitha skond l-Artikolu 16 tad-Direttiva Qafas u tad-direttivi fuq it-telekomunikazzjonijiet iċċitati fiha. B’hekk, dawn l-utenti u dawn l-impriżi jistgħu jkunu kkunsidrati bħala “milquta”, skond l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas, mid-deċiżjonijiet ta’ din l-awtorità li jibdlu u jirtiraw l-imsemmija obbligi.

37      Għandu jingħad ukoll li, skond l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva Qafas, l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandhom jippromwovu l-kompetizzjoni fil-provvista tan-netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u tal-faċilitajiet u servizzi assoċjati billi fost ħwejjeġ oħra jassiguraw li ma jkun hemm ebda tgħawwiġ jew restrizzjoni tal-kompetizzjoni fis-setttur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi.

38      Issa, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 24 tal-konklużjonijiet tiegħu u hekk kif isostni l-Gvern Daniż, interpretazzjoni restrittiva ta’ l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas, fis-sens li din id-dispożizzjoni ma tagħtix dritt ta’ appell lil persuni li mhumiex id-destinatarji ta’ deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet nazzjonali regolatorji, diffiċilment tkun kompatibbli ma’ l-għanijiet ġenerali u l-prinċipji regolatorji li jitnisslu, għal dawn l-awtoritajiet, mill-Artikolu 8 ta’ l-imsemmija direttiva, b’mod partikolari ma’ l-għan tal-promozzjoni tal-kompetizzjoni.

39      Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas għandu jiġi interpretat fis-sens li għandu l-għan li jagħti dritt ta’ appell anki lil persuni li mhumiex id-destinatarji ta’ deċiżjoni meħuda minn awtorità nazzjonali regolatorja fil-kuntest ta’ analiżi tas-suq. B’hekk, hemm lok li jiġu kkunsidrati bħala “milquta” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni l-utenti u l-impriżi li jikkompetu ma’ impriża (preċedentement) b’saħħitha fis-suq ikkonċernat meta d-drittijiet ta’ dawn ikunu potenzjalment milquta minn deċiżjoni bħal din.

40      Fir-rigward, finalment, tat-tielet sentenza ta’ l-Artikolu 16(3) tad-Direttiva Qafas, din id-dispożizzjoni tipprovdi li l-partijiet “affettwati” mill-irtirar ta’ l-obbligi legali settorjali għandhom jiġu infurmati f’terminu xieraq. Issa, impriża (preċedentement) b’saħħitha fis-suq ikkonċernat hija destinatarja tad-deċiżjoni li tirtira obbligi bħal dawn b’mod li naturalment għandha tiġi avżata biha. L-istess japplika għal deċiżjonijiet li jimponu obbligi bħal dawn fuq impriża bħal din, indipendentement min-nuqqas ta’ referenza espliċita f’dan is-sens fl-Artikolu 16(4) ta’ l-imsemmija direttiva. Min-naħa l-oħra, l-avviż li l-Artikolu 16(3) ta’ l-istess direttiva jakkwista s-sinjifikat sħiħ tiegħu fir-rigward ta’ impriżi kompetitriċi li, min-naħa tagħhom, jibbenefikaw mill-obbligi li jkun ġie deċiż li għandhom jiġu rtirati. Minn dan jirriżulta li l-leġiżlatur Komunitarju, billi pprovda għan-notifika ta’ avviż bħal dan, kellu l-għan li jipproteġi l-aktar lill-kompetituri ta’ l-impriża (preċedentement) b’saħħitha fis-suq bħala partijiet “affettwati”. Minbarra dan, kieku ma kienx hekk, il-leġiżlatur Komunitarju kien juża, f’din id-dispożizzjoni, mhux il-kunċett ta’ partijiet “affettwati”, iżda dak ta’ “impriża” li jinsab fit-tieni sentenza ta’ l-istess paragrafu.

41      B’hekk, id-drittijiet tal-kompetituri ta’ impriża (preċedentement) b’saħħitha fis-suq rilevanti huma koperti mill-Artikolu 16(3) tad-Direttiva Qafas u dawn ta’ l-aħħar għandhom b’hekk jiġu kkunsidrati bħala li jaqgħu kemm taħt din id-dispożizzjoni kif ukoll taħt l-Artikolu 4(1) ta’ l-istess direttiva.

42      Minbarra dan, għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 16(6) tad-Direttiva Qafas, il-miżuri meħuda skond din id-dispożizzjoni huma suġġetti għall-proċeduri previsti b’mod partikolari fl-Artikolu 6 ta’ din id-Direttiva u li din id-dispożizzjoni ta’ l-aħħar tiprovdi b’mod partikolari d-dritt għall-partijiet interessati li jippreżentaw f’terminu raġonevoli l-kummenti tagħhom fuq l-abbozz tal-miżuri.

43      Jirriżulta minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq li l-kunċett ta’ utent jew ta’ impriża “milquta”, skond l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva “Qafas”, kif ukoll dak ta’ parti “affettwata”, skond l-Artikolu 16(3) ta’ din id-direttiva, għandhom jiġu interpretati bħala li jistgħu jkopru mhux biss impriża (preċedentement) b’saħħitha fis-suq rilevanti li tkun is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ awtorità nazzjonali regolatorja meħuda fil-kuntest ta’ proċedura ta’ analiżi tas-suq prevista fl-Artikolu 16 ta’ l-istess direttiva u li tkun id-destinatarja tagħha, iżda wkoll l-utenti u l-impriżi li jikkompetu ma’ impriża bħal din li ma jkunux id-destinatarji ta’ din id-deċiżjoni, iżda li d-drittijiet tagħhom ikunu milquta b’mod sfavorevoli minnha.

44      B’hekk, l-argument tal-Gvern Awstrijak u ta’ dak Sloven, li minn qari ta’ l-Artikolu 4(1), flimkien mat-tnax-il premessa tad-Direttiva Qafas jista’ jiġi konkluż li din id-direttiva tipprovdi għall-possibbilità ta’ appell biss għall-persuna li tkun effettivament is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ l-awtorità nazzjonali regolatorja u li tkun id-destinatarja tagħha ma jistax jintlaqa’.

45      Ċertament, l-imsemmija premessa tgħid li “[k]ull parti li hija s-suġġett ta’ deċiżjoni mill-awtorità nazzjonali regolatorja għandu jkollha d-dritt ta’ appell lil korp li jkun indipendenti mill-partijiet involuti. Dan il-korp jista’ jkun qorti”. B’hekk, din il-premessa tillimita ruħha għal referenza għall-possibbiltà, għal kwalunkwe persuna li tkun koperta minn deċiżjoni ta’ awtorità nazzjonali regolatorja, li tappella kontra din id-deċiżjoni. Issa, is-sempliċi referenza f’din il-premessa għall-possibbiltà għad-destinatarju ta’ deċiżjoni li jappella, bl-ebda mod ma timplika li appell bħal dan ikun eskluż għal dak li jirrigwarda impriżi oħra bħall-impriżi li jikkompetu ma’ l-imsemmi destinatarju.

46      Il-Gvern Awstrijak u dak Sloven isostnu wkoll li, għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet li fuqhom titratta din id-domanda preliminari, għandu jittieħed in kunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ effettività, li hu inerenti għad-dritt Komunitarju, li jinkludi wkoll l-aspett relattiv għar-rapidità ta’ l-implementazzjoni tad-deċiżjonijiet regolatorji speċifiċi. Jidher li dawn il-Gvernijiet b’hekk iridu juru li l-possibbiltà li jiġu rikonoxxuti favur il-“partijiet interessati”, skond l-Artikolu 8 tal-liġi ġenerali fuq il-proċedura amministrattiva ta’ l-1991, fil-verżjoni tagħha ippubblikata fis-sena 2004, xi drittijiet riżervati għall-“partijiet” tista’ ttawwal b’mod kunsiderevoli ż-żmien totali li tieħu l-proċedura ta’ analiżi tas-suq, filwaqt li l-awtorità nazzjonali regolatorja għandha tirreaġixxi malajr kemm jista’ jkun sabiex tikkumpensa l-iskwilibriju li jista’ jitfaċċa fi swieq fejn il-kundizzjonijiet jistgħu jinbidlu malajr.

47      Dan l-argument ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, hekk kif ġie mfakkar fil-punt 17 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas jistabbilixxi l-obbligu li jiġi pprovdut dritt ta’ appell ġudizzjarju, iżda bl-ebda mod ma jikkonċerna l-proċedura amministrattiva mhux kontenzjuża li tippreċedi t-tressiq ta’ appell bħal dan.

48      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hi li l-kunċett ta’ utent jew ta’ impriża “milquta”, skond l-Artikolu 4(1), tad-Direttiva “Qafas”, kif ukoll dak ta’ parti “affettwata” skond l-Artikolu 16(3) ta’ din id-direttiva għandhom jiġu interpretati bħala li jistgħu jkopru mhux biss impriża (preċedentement) b’saħħitha fis-suq rilevanti li tkun is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ awtorità nazzjonali regolatorja meħuda fil-kuntest ta’ proċedura ta’ analiżi tas-suq prevista fl-Artikolu 16 ta’ l-istess direttiva u li tkun id-destinatarja tagħha, iżda wkoll l-utenti u l-impriżi li jikkompetu ma’ impriża bħal din li ma jkunux id-destinatarji ta’ din id-deċiżjoni, iżda li d-drittijiet tagħhom ikunu milquta b’mod sfavorevoli minnha.

 Fuq it-tieni domanda

49      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk jirriżultax mill-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas li impriża bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, meta jkollha dritt ta’ appell kontra d-deċiżjonijiet meħuda minn awtorità nazzjonali regolatorja wara proċedura amministrattiva ta’ analiżi tas-suq għandhiex, minħabba dan il-fatt, tingħata l-istat ta’ parti fil-proċedura mhux kontenzjuża ta’ analiżi tas-suq.

50      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas ma jirregolax il-kwistjoni dwar minn huma l-partijiet fil-proċedura amministrattiva mhux kontenzjuża prevista fl-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva. Il-kliem tad-dispożizzjoni msemmija l-aħħar lanqas ma jagħti indikazzjoni fis-sens li impriża bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali għandu jkollha dritt li tipparteċipa, bħala parti, fl-imsemmija proċedura ta’ analiżi tas-suq. Fil-fatt, it-tielet sentenza ta’ l-Artikolu 16(3), tad-Direttiva Qafas hi limitata għal affermazzjoni li l-partijiet affettwati mill-irtirar ta’ l-obbligi legali speċifiċi għandhom ikunu avżati f’terminu xieraq.

51      B’hekk, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja f’dan ir-rigward, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jagħżel il-qrati kompetenti u li għandu jadotta r-regoli proċedurali li jirregolaw l-azzjonijiet ġudizzjarji intiżi għas-salvagwardja tad-drittijiet li jitnisslu favur l-individwi mill-effett dirett tad-dritt Komunitarju (ara, b’mod partikolari, is-sentenza ta’ l-14 ta’ Diċembru 1995, Peterbroeck, C‑312/93, Ġabra p. I‑4599, punt 12 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll ta’ l-24 ta’ Settembru 2002, Grundig Italiana, C‑255/00, Ġabra p. I‑8003, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52      Minn dan jirriżulta li d-dritt Komunitarju ma jimponix, a priori, fuq l-Istati Membri l-obbligu li jaċċettaw lill-utenti u l-impriżi kollha li jikkompetu ma’ impriża (preċedentement) b’saħħitha fis-suq rilevanti sabiex jipparteċipaw fi proċedura ta’ analiżi tas-suq prevista fl-Artikolu 16 tad-Direttiva Qafas bħala parti skond id-dritt proċedurali Awstrijak applikabbli, li jkollhom il-prerogattivi deskritti fil-punt 18 ta’ din is-sentenza. B’hekk huwa l-leġiżlatur nazzjonali li għandu jispeċifika jekk impriża, bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, għandhiex l-istat ta’ parti f’din il-proċedura amministrattiva mhux kontenzjuża u, jekk iva, li jiddeċidi jekk din l-impriża tistax tingħata drittijiet proċedurali oħra barra dawk espressament previsti fl-Artikolu 16 u drittijiet inerenti għall-proċedura ta’ konsultazzjoni espressament prevista fl-Artikolu 6 ta’ l-istess direttiva.

53      Konsegwentement, dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li, fil-kuntest ta’ proċedura bħal din, tirrikonoxxi l-istat ta’ parti biss fil-konfront ta’ impriżi (preċedentement) b’saħħithom fis-suq rilevanti li fir-rigward tagħhom jiġu imposti, mibdula jew irtirati xi obbligi legali speċifiċi, bħala regola, ma tmurx kontra l-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas.

54      Madankollu, għandu jiġi mfakkar li r-regoli proċedurali nazzjonali li jirregolaw l-azzjonijiet ġudizzjarji intiżi għas-salvagwardja tad-drittijiet li jitnisslu favur l-individwi mill-effett dirett tad-dritt Komunitarju ma jistgħux ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw azzjonijiet simili ta’ natura domestika (prinċipju ta’ ekwivalenza) u lanqas ma jistgħu jagħmlu l-eżerċizzju ta’ drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku Komunitarju prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli (prinċipju ta’ effettività) (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Peterbroeck, punt 12 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Grundig Italiana, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55      Għal dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ effettività, li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ssemmi sabiex titlob li jiġi rikonoxxut fil-konfront tagħha dritt li tipparteċipa fil-proċedura amministrattiva ta’ analiżi tas-suq ikkonċernat, għandu jiġi mfakkar li jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li kull każ fejn titqajjem il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tirrendix impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija lill-individwi mill-ordinament ġuridiku Komunitarju għandu jiġi analizzat billi jittieħed in kunsiderazzjoni r-rwol ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura ta’ l-iżvolġiment tagħha u l-karatteristiċi partikolari tagħha, ikkunsidrati flimkien, quddiem id-diversi qrati nazzjonali. F’din il-perspettiva, hemm lok li jittieħdu in kunsiderazzjoni, jekk ikun neċessarju, il-prinċipji li fuqhom huwa msejjes l-ordinament ġuridiku nazzjonali, bħalma huma l-ħarsien tad-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju taċ-ċertezza legali u l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Peterbroeck, iċċitata iktar ’il fuq, punt 14, u tas-7 ta’ Ġunju 2007, van der Weerd et, C‑222/05 sa C‑225/05, Ġabra p. I‑4233, punt 33).

56      Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tassigura li d-dritt proċedurali intern jissalvagwardja d-drittijiet li jitnisslu mill-ordinament ġuridiku Komunitarju favur l-utenti u l-impriżi li jikkompetu ma’ impriża (preċedentement) b’saħħitha fis-suq rilevanti b’mod li ma jkunx inqas favorevoli minn dak li bih jiġu mħarsa d-drittijiet domestiċi paragunabbli u li ma jippreġudikax l-effettività tal-protezzjoni ġuridika ta’ l-imsemmija utenti u impriżi garantita mill-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas.

57      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hi li dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li, fil-kuntest ta’ proċedura mhux kontenzjuża ta’ analiżi tas-suq, tirrikonoxxi l-istat ta’ parti biss fil-konfront ta’ impriżi (preċedentement) b’saħħithom fis-suq rilevanti li fir-rigward tagħhom jiġu imposti, mibdula jew irtirati xi obbligi legali speċifiċi, bħala regola, ma tmurx kontra l-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika li d-dritt proċedurali intern jissalvagwardja d-drittijiet li jitnisslu mill-ordinament ġuridiku Komunitarju favur l-utenti u l-impriżi li jikkompetu ma’ impriża (preċedentement) b’saħħitha fis-suq rilevanti b’mod li ma jkunx inqas favorevoli minn dak li bih jiġu mħarsa d-drittijiet paragunabbli ta’ natura domestika u li ma jippreġudikax l-effettività tal-protezzjoni ġuridika ta’ l-imsemmija utenti u impriżi garantita mill-Artikolu 4 tad-Direttiva “Qafas”.

 Fuq l-ispejjeż

58      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja, (it-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-kunċett ta’ utent jew ta’ impriża “milquta”, skond l-Artikolu 4(1), tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar [qafas] regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva [Qafas]), kif ukoll dak tal-parti “affettwata”, skond l-Artikolu 16(3) ta’ din id-direttiva, għandhom jiġu interpretati bħala li jistgħu jkopru mhux biss impriża (preċedentement) b’saħħitha fis-suq rilevanti li tkun is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ awtorità nazzjonali regolatorja meħuda fil-kuntest ta’ proċedura ta’ analiżi tas-suq prevista fl-Artikolu 16 ta’ l-istess direttiva u li tkun id-destinatarja tagħha, iżda wkoll l-utenti u l-impriżi li jikkompetu ma’ impriża bħal din li ma jkunux id-destinatarji ta’ din id-deċiżjoni, iżda li d-drittijiet tagħhom ikunu milquta b’mod sfavorevoli minnha.

2)      Dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li, fil-kuntest ta’ proċedura mhux kontenzjuża ta’ analiżi tas-suq, tirrikonoxxi l-istat ta’ parti biss fil-konfront ta’ impriżi (preċedentement) b’saħħithom fis-suq rilevanti li fir-rigward tagħhom jiġu imposti, mibdula jew irtirati xi obbligi legali speċifiċi, bħala regola, ma tmurx kontra l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2002/21. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tassigura li d-dritt proċedurali intern jissalvagwardja d-drittijiet li jitnisslu mill-ordinament ġuridiku Komunitarju favur l-utenti u l-impriżi li jikkompetu ma’ impriża (preċedentement) b’saħħitha fis-suq rilevanti b’mod li ma jkunx inqas favorevoli minn dak li bih jiġu mħarsa d-drittijiet paragunabbli ta’ natura domestika u li ma jippreġudikax l-effettività tal-protezzjoni ġuridika ta’ l-imsemmija utenti u impriżi garantita mill-Artikolu 4 tad-Direttiva 2002/21.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.