Language of document : ECLI:EU:C:2019:274

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fit-28 ta’ Marzu 2019 (1)

Kawża C197/18

Wasserleitungsverband Nördliches Burgenland,

Robert Prandl,

Gemeinde Zillingdorf,

fil-preżenza ta’:

Bundesministerin für Nachhaltigkeit und Tourismus, preċedentement Bundesminister für Land und Forstwirtschaft, Umwelt und Wasserwirtschaft

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Wien (il-Qorti Amministrattiva ta’ Vjenna, l-Awstrija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 91/676/KEE – Protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli – Riskju li jinqabżu l-valuri ta’ limitu jew il-limiti ta’ twissija – Obbligu li jiġi stabbilit programm ta’ azzjoni – Effett dirett – Drittijiet ta’ persuni kkonċernati”






I.      Introduzzjoni

1.        L-Unjoni Ewropea adottat regoli kontra t-tniġġis tal-ilma kkawżat min-nitrati sa mill‑1991, jiġifieri d-Direttiva dwar l-ilma mormi (2), li tirregola, partikolarment, il-kostruzzjoni u l-operat ta’ impjanti tat-trattament ta’ effluwenti, u d-Direttiva dwar in-nitrati (3), li tikkonċerna n-nitrati li joriġinaw mill-agrikoltura. L-għan ta’ dawn il-miżuri huwa li l-ewwel u qabel kollox jiġu protetti l-ekosistemi minn provvista eċċessiva ta’ nutrijenti. Madankollu, fl-istess ħin, in-nitrati huma assoċjati wkoll ma’ riskji għas-saħħa, partikolarment għal trabi żgħar ħafna (4). Id-Direttiva dwar l-ilma tax-xorb (5) għalhekk tinkludi valur ta’ limitu ta’ 50 mg/l nitrati, li huwa valur inkluż ukoll fid-Direttiva dwar in-nitrati.

2.        Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li huma distributur tal-ilma, individwu u komun, għalhekk qegħdin jitolbu miżuri sabiex ikun żgurat li l-ilma ta’ taħt l-art ikun fih inqas minn 50 mg/l nitrati. L-awtoritajiet kompetenti, min-naħa l-oħra, jikkontestaw li r-rikorrenti għandhom id-dritt li jitolbu tali miżuri. Huwa wkoll ikkontestat jekk hemmx bżonn ta’ miżuri ulterjuri u jekk ir-regoli rilevanti għandhomx effett dirett.

3.        Din il-kawża tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja opportunità oħra sabiex tittratta l-kwistjoni ta’ min jista’ jinvoka d-dispożizzjonijiet ambjentali tad-dritt tal-Unjoni quddiem il-qrati nazzjonali. Barra minn hekk, għall-ewwel darba ser jiġi diskuss sa fejn hija possibbli l-invokazzjoni tad-Direttiva dwar in-nitrati quddiem dawn il-qrati.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Il-Konvenzjoni ta’ Aarhus

4.        Skont il-punti 4 u 5 tal-Artikolu 2 (“Definizzjonijiet”) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus (6):

“4.      ‘il-pubbliku’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika waħda jew iktar, u, konformement mal-leġiżlazzjoni jew prattika nazzjonali, l-assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet jew il-gruppi tagħhom;

5.      ‘il-pubbliku kkonċernat’ tfisser il-pubbliku li huwa affettwat jew li jista’ jkun affettwat mid-deċiżjonijiet meħuda fil-qasam ambjentali jew li għandu interess li jrid jinvoka fir-rigward tal-proċess deċiżjonali; […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5.        L-Artikolu 3(6) tal-Konvenzjoni jikkonċerna r-relazzjoni mad-drittijiet eżistenti:

“Din il-Konvenzjoni ma teħtieġ l-ebda deroga mid-drittijiet eżistenti ta’ aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6.        L-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni jipprevedi dritt għal azzjoni:

“Barra minn dan u bla ħsara għall-proċeduri ta’ stħarriġ imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 iktar ’il fuq, kull parti għandha tiżgura li, meta jissodisfaw il-kriterji, jekk ikun hemm, stabbiliti fid-dritt nazzjonali tagħha, membri tal-pubbliku għandu jkollhom aċċess għal proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji sabiex jikkontestaw atti u ommissjonijiet minn persuni privati jew awtoritajiet pubbliċi li jiksru dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tagħha relatati mal-ambjent.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

B.      Id-dritt tal-Unjoni

1.      Id-Direttiva dwar in-nitrati

7.        Is-sitt premessa tad-Direttiva dwar in-nitrati tindirizza l-għan protettiv tad-Direttiva dwar in-nitrati:

“Billi huwa għalhekk meħtieġ, sabiex jiġu protetti s-saħħa tal-bniedem u r-riżorsi ħajjin u l-ekosistemi akwatiċi u sabiex jiġu salvagwardjati l-użi leġittimi l-oħra ta’ l-ilma, li jitnaqqas it-tniġġis ta’ l-ilma ikkawżat jew imdaħħal bin-nitrati minn sorsi agrikoli u sabiex jiġi prevenut iktar tniġġis bħal dan; […]”

8.        It-tlettax‑il premessa tad-Direttiva dwar in-nitrati tindirizza l-qafas ta’ żmien tal-miżuri ta’ protezzjoni.

“Billi huwa magħruf illi l-idroġeoloġija f’ċerti Stati Membri hija hekk illi jistgħu jgħaddu ħafna snin qabel ma miżuri ta’ protezzjoni jwasslu għal titjib fil-kwalità ta’ l-ilma; […]”

9.        L-Artikolu 1 tad-Direttiva dwar in-nitrati jistabbilixxi l-għanijiet speċifiċi tagħha:

“Din id-Direttiva għandha l-mira li:

–      tnaqqas it-tniġġis ta’ l-ilma kkawżat jew imdaħħal bin-nitrati minn sorsi agrikoli u

–      tipprevjieni aktar tniġġis minn dan.”

10.      Il-kunċett ta’ tniġġis huwa ddefinit fl-Artikolu 2(j) tad-Direttiva dwar in-nitrati bħala:

“[…]l-iskarigu, b’mod dirett jew indirett, tal-komponenti tan-nitroġenu minn sorsi agrikoli fl-ambjent akwatiku, li r-riżultati tiegħu huma hekk illi jikkaġunaw perikli għall-ħajja tal-bniedem, ħsara għar-riżorsi ħajjin u għall-ekosistemi ta’ l-ilma, ħsara għall-amenitajiet jew interferenza fuq l-użi l-oħra leġittimi ta’ l-ilma”.

11.      Skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar in-nitrati, l-Istati Membri għandhom, bħala prinċipju, jiddeterminaw żoni vulnerabbli:

“L-ilmijiet effettwati bit-tniġġis u l-ilmijiet li jistgħu jiġu effettwati bit-tniġġis jekk ma titteħidx azzjoni skond l-Artikolu 5 għandhom jiġu identifikati mill-Istati Membri skond il-kriterji stabbiliti f’l-Anness I.”

12.      Madankollu, l-Artikolu 3(5) tad-Direttiva dwar in-nitrati jipprovdi eċċezzjoni għal dan:

“L-Istati Membri għandhom ikunu eżentati mill-obbligu li jidentifikaw żoni vulnerabbli speċifiċi, jekk jistabbilixxu u japplikaw il-programmi ta’ azzjoni msemmija fl-Artikolu 5 skond din id-Direttiva fit-territorju kollu tagħhom.”

13.      Skont it-talba għal deċiżjoni preliminari, l-Awstrija tagħmel użu mid-deroga prevista fl-Artikolu 3(5) tad-Direttiva dwar in-nitrati.

14.      L-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar in-nitrati jirregola l-hekk imsejħa programmi ta’ azzjoni:

“1.      […] [L]-Istati Membri għandhom, bl-iskop li jilħqu l-għanijiet speċifikati fl-Artikolu 1, jistabbilixxu programmi ta’ azzjoni rigward iż-żoni nnominati vulnerabbli.

2.      […]

3.      […]

4.      Il-programmi ta’ azzjoni għandhom jiġu implimentati fi żmien erba’ snin minn meta jiġu stabbiliti u għandhom jikkonsistu mill-miżuri obbligatorji li ġejjin:

(a)      il-miżuri f’L-Anness III;

(b)      dawk il-miżuri li l-Istati Membri jkunu stabbilew fil-kodiċi/jiet ta’ prattika agrikola tajba stabbiliti skond l-Artikolu 4, għajr dawk li posthom ikun ġie meħud mill-miżuri f’l-Anness III.

5.      L-Istati Membri għandhom barra minn hekk jieħdu, fil-qafas tal-programmi ta’ azzjoni, dawk il-miżuri addizzjonali jew azzjonijiet imsaħħa li jqisu li huma meħtieġa jekk, fil-bidu jew fid-dawl ta’ l-esperjenza miksuba fl-implimentazzjoni tal-programmi ta’ azzjoni, ikun jidher biċ-ċar illi l-miżuri msemmija fil-paragrafu 4 ma jkunux biżżejjed għalbiex jinkisbu l-miri speċifikati fl-Artikolu 1. Fil-għażla ta’ dawn il-miżuri jew azzjonijiet, l-Istati Membri għandhom iqisu l-effiċjenza tagħhom u l-ispejjeż tagħhom fejn għandhom x’jaqsmu l-miżuri preventivi l-oħra possibbli.

6.      L-Istati Membri għandhom ifasslu u jimplimentaw programmi ta’ monitoraġġ xieraq sabiex jivvalutaw l-effiċjenza tal-programmi ta’ azzjoni stabbiliti skont dan l-Artikolu.

L-Istati Membri li japplikaw l-Artikolu 5 fit-territorju tagħhom kollu għandhom jimmonitorjaw il-kontenut tan-nitrat fl-ilma (l-ilma tal-wiċċ u ta’ taħt l-art) f’lokalitajiet magħżula għall-kejl li jagħmluha possibbli li jiġi stabbilit l-ammont tat-tniġġis min-nitrat fl-ilmijiet minn sorsi agrikoli.

7.      L-Istati Membri għandhom jirrevedu u jekk meħtieġ jikkorreġu l-programmi ta’ azzjoni tagħhom, inkluża kull miżura addizzjonali meħuda skond il-paragrafu 5, mill-inqas kull erba’ snin. Għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni b’ kull tibdil fil-programmi ta’ azzjoni.”

15.      L-Artikolu 10(1) tad-Direttiva dwar in-nitrati jirregola l-obbligu ta’ rappurtar tal-Istati Membri:

“L-Istati Membri għandhom, rigward il-perjodu taż-żmien ta’ erba’ snin wara n-notifika ta’ din id-Deċiżjoni u rigward kull perjodu taż-żmien ta’ erba’ snin li jiġu wara, jissottometti rapport lill-Kummissjoni li jkun fih it-tagħrif deskritt fil-qosor f’L-Anness V.”

16.      L-Anness I għad-Direttiva dwar in-nitrati jistabbilixxi l-kriterji għad-definizzjoni ta’ żoni vulnerabbli. Il-punt A(2) jikkonċerna l-ilma ta’ taħt l-art:

“jekk l-ilma ta’ taħt l-art ikunx fih jew le aktar minn 50 mg/l nitrati jew jistax ikun fih jew le aktar minn 50 mg/l nitrati jekk ma titteħidx l-azzjoni skond l-Artikolu 5”.

17.      Skont il-punt 4(e) tal-Anness V għad-Direttiva dwar in-nitrati, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni l-previżjonijiet tagħhom dwar l-effettività tal-programmi ta’ azzjoni tagħhom:

“is-suppożizzjonijiet magħmula mill-Istati Membri dwar iż-żmien li fih l-ilmijiet identifikati skond l-Artikolu 3(1) ikunu x’aktarx mistennija jwieġbu għall-miżura fil-programm ta’ azzjoni, flimkien ma’ indikazzjoni tal-livell ta’ inċertezza imdaħħla f’dawn is-suppożizzjonijiet”.

2.      Id-Direttiva dwar l-ilma tax-xorb

18.      L-Artikolu 5(1) u (2) tad-Direttiva dwar l-ilma tax-xorb jirregola l-istandards minimi għall-ilma tax-xorb:

“(1)      L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu valuri applikabbli għall-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem għall-parametri mniżżla fl-Anness I.

(2)      Il-valuri stabbiliti skond il-paragrafu 1 m’għandhomx ikunu anqas stretti minn dawk dikjarati fl-Anness I. […]”

19.      Skont il-parti B tal-Anness I tad-Direttiva dwar l-ilma tax-xorb, il-valur ta’ limitu għan-nitrati huwa 50 mg/l.

3.      Id-Direttiva Qafas dwar l-ilma

20.      L-Artikolu 4(1)(b)(ii) tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma (7) jippreċiża l-għanijiet ambjentali relatati mal-ilma ta’ taħt l-art:

“L-Istati Membri jridu jipproteġu, jiżviluppaw u jsaħħu l-korpi kollha ta’ l-ilma ta’ taħt l-art, jiżguraw bilanċ bejn estrazzjoni u charge mill-ġdid ta’ l-ilma ta’ taħt l-art, bil-mira għal ksib ta’ stat tajjeb ta’ l-ilma ta’ taħt l-art mhux aktar tard minn 15‑il sena wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, skond mad-disposizzjonijiet imniżżla fl-Anness V, bla ħsara għall-applikazzjoni ta’ estensjonijiet determinati skond paragrafu 4 u għall-applikazzjoni ta’ paragrafi 5, 6 u 7 mingħajr preġudizzju għal paragrafu 8 ta’ dan l-Artikolu u bla ħsara għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu11(3)(j).”

21.      L-Artikolu 4(1)(ċ) tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma jinkludi sistema speċjali għal żoni protetti:

“L-Istati Membri jridu jikkonformaw ma’ kull standard u ma’ l-għanijiet mhux aktar tard minn 15 il‑sena wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, sakemm ma’ jkunx speċifikat mod ieħor fil-leġislazzjoni Komunitarja taħt liema, l-oqsma protetti individwali jkunu twaqqfu.”

22.      L-Artikolu 4(4) tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma jippermetti li t-termini stabbiliti fl-Artikolu 4(1) jiġu estiżi sa 12‑il sena.

4.      Id-Direttiva dwar l-ilma ta’ taħt l-art

23.      L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar l-ilma ta’ taħt l-art (8) jispeċifika meta massa ta’ ilma ta’ taħt l-art tkun f’kundizzjoni tajba.

“Massa jew grupp ta’ mases ta’ l-ilma ta’ taħt l-art għandu jkun ikkunsidrat li jkun fi stat kimiku tajjeb meta:

a)      […]

b)      il-valuri ta’ l-istandards tal-kwalità ta’ l-ilma ta’ taħt l-art imniżżla fl-Anness I u l-valuri ta’ limitu rilevanti stabbiliti skond l-Artikolu 3 u l-Anness II ma jinqabżux fi kwalunkwe punt ta’ monitoraġġ f’dak il-massa, jew grupp ta’ mases ta’ l-ilma ta’ taħt l-art; jew

ċ)      […]”

24.      Il-punt 1 tal-Anness I tad-Direttiva dwar l-ilma ta’ taħt l-art jistabbilixxi standard tal-kwalità ta’ ilma ta’ taħt l-art ta’ 50 mg/l nitrati.

C.      Id-dritt Awstrijak

25.      L-użu ta’ ilma ta’ taħt l-art huwa rregolat mill-Artikolu 10(1) tal-Wasserrechtsgesetz (il-Liġi dwar id-drittijiet marbuta mal-ilma) b’tali mod li s-sid tal-art ma jeħtieġ ebda approvazzjoni mill-awtorità tad-drittijiet tal-ilma għall-użu tal-ilma ta’ taħt l-art għall-bżonnijiet domestiċi u ekonomiċi, jekk dan jittella’ biss minn stazzjonijiet tal-ippumpjar jew tal-ġbir bi bramel imħaddma bl-idejn jew jekk l-estrazzjoni tkun fi proporzjon xieraq mal-artijiet tas-sid.

III. Il-fatti u t-talba għal deċiżjoni preliminari

26.      Il-Wasserleitungsverband Nördliches Burgenland, Robert Prandl u l-Gemeinde Zillingdorf (il-Komun ta’ Zillingdorf, l-Awstrija) ressqu talba lill-Bundesministerium für Land und Forstwirtschaft, Umwelt und Wasserwirtschaft (il-Ministeru Federali għall-Agrikoltura u għall-Forestrija, għall-Ambjent u għall-Ġestjoni tal-Ilma, l-Awstrija) ta’ dak iż-żmien sabiex jiġi emendat il-programm ta’ azzjoni adottat għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva dwar in-nitrati fil-forma ta’ regolament nazzjonali sabiex ikun konformi mad-Direttiva dwar in-nitrati u sabiex tkun żgurata l-protezzjoni mogħtija minn din id-direttiva, b’mod partikolari għas-saħħa tal-bniedem, fl-użu ta’ ilma ta’ taħt l-art mill-mases ta’ ilma ta’ taħt l-art fejn jinsabu l-bjar tat-tliet partijiet.

27.      Il-Wasserleitungsverband Nördliches Burgenland hija r-raba’ l-ikbar distributur tal-ilma fl-Awstrija. Hija tipprovdi servizzi korrispondenti ta’ provvista tal-ilma, billi għandha iktar minn 45 distributur tal-ilma attivi, jiġifieri bjar u sorsi, u tipprovdi fuq medja annwali lil madwar 160 000 persuna. Il-Wasserleitungsverband Nördliches Burgenland hija korp irregolat bid-dritt pubbliku, jiġifieri assoċjazzjoni ta’ diversi komuni. Permezz ta’ regolament nazzjonali, din l-assoċjazzjoni hija obbligata twettaq il-kompitu li tipprovdi l-ilma lill-pubbliku, inkluż il-ġbir tal-imposti fuq l-ilma f’żona speċifika. Is-sidien ta’ artijiet b’bini fiż-żona tal-provvista tagħha huma bħala prinċipju obbligati jqabbdu l-bini tagħhom man-netwerk tal-provvista tal-ilma. Din l-assoċjazzjoni hija awtorizzata wkoll li, permezz tal-ħruġ ta’ regolament, tiġbor imposti għall-provvista tal-ilma (tal-kwalità tal-ilma tax-xorb). Hija għandha tieħu miżuri sabiex tnaqqas il-konċentrazzjoni ta’ nitrati fl-ilma ta’ taħt l-art imtella’ sabiex jintuża bħala ilma tax-xorb għal inqas minn 50 mg/l qabel jiġi ddistribwit lill-konsumaturi.

28.      Robert Prandl, individwu f’Niederösterreich, bħalissa jkopri d-domanda tiegħu għal ilma mhux għax-xorb mill-bir tad-dar f’art li hija l-proprjetà tiegħu. Huwa ma jużax dan l-ilma għax-xorb minħabba l-konċentrazzjonijiet għoljin ta’ nitrati. Għalhekk, huwa jirċievi l-ammont kollu tal-ilma tax-xorb minn distributur pubbliku tal-ilma.

29.      Il-Komun ta’ Zillingdorf jinsab f’Niederösterreich u jopera bir tal-ilma mhux għax-xorb għal skopijiet komunali. Il-bir kien oriġinarjament bir tal-ilma tax-xorb, li, madankollu, minħabba l-livell għoli ta’ nitrati, ġie ddegradat bħala bir bl-ilma mhux għax-xorb.

30.      Il-konċentrazzjoni ta’ nitrati ta’ 50 mg/l fl-ilma ta’ taħt l-art fid-data tat-talba kienet inqabżet b’iktar minn 100 % u bħalissa dan huwa l-każ f’punti tal-kejl individwali tal-Wasserleitungsverband. Il-bir domestiku ta’ Robert Prandl kellu konċentrazzjoni ta’ nitrati ta’ 59 mg/l fid-data tat-talba iżda, f’Diċembru 2017, din kienet taħt il-50 mg/l. Ma huwiex ikkontestat li l-konċentrazzjonijiet ivarjaw u għalhekk ma jistax jiġi preżunt li l-konċentrazzjoni ta’ 50 mg/l ma hijiex ser tinqabeż b’mod permanenti. Fid-data tat-talba, il-bir tal-komun kellu livell ta’ nitrati ta’ 71 mg/l, li f’Diċembru 2017 baqa’ għoli bħal qabel.

31.      Bla dubju l-ebda ilma b’konċentrazzjoni ta’ nitrati ta’ iktar minn 50 mg/l ma jintuża direttament bħala ilma tax-xorb. Ma humiex magħrufa perikoli oħra immedjati għas-saħħa li jirriżultaw miż-żieda ta’ konċentrazzjonijiet preżenti tan-nitrati tas-sorsi tal-ilma indikati.

32.      Lanqas ma huwa kkontestat li l-miżuri sabiex jintlaħqu l-għanijiet tad-Direttiva dwar in-nitrati kienu u qegħdin jiġu stabbiliti mill-programm ta’ azzjoni skont l-Artikolu 5(4) tad-Direttiva dwar in-nitrati. Huwa stabbilit ukoll li l-konċentrazzjonijiet ta’ nitrati fl-ilma ta’ taħt l-art fiż-żoni ddelimitati mit-tliet rikorrenti kienu u għadhom kostantement għoljin matul ċertu perijodu ta’ żmien.

33.      F’Niederösterreich jeżisti l-obbligu li wieħed ikun konness man-netwerk pubbliku tal-provvista tal-ilma. Madankollu, l-użu ta’ bir domestiku minn Robert Prandl ikun permess mingħajr awtorizzazzjoni taħt id-dritt nazzjonali b’ċerti restrizzjonijiet legali. Il-provvista tal-ilma ta’ Robert Prandl u tal-Komun ta’ Zillingdorf ma saritx mill-Wasserleitungsverband, iżda minn distributuri pubbliċi tal-ilma oħra. Ma hemm l-ebda riskju immedjat għas-saħħa minħabba konċentrazzjonijiet ogħla ta’ nitrati.

34.      It-talba tat-tliet rikorrenti ġiet miċħuda permezz tad-deċiżjoni li issa ġiet ikkontestata quddiem il-Verwaltungsgericht Wien (il-Qorti Amministrattiva ta’ Vjenna, l-Awstrija) fuq bażi li t-talba kienet inammissibbli minħabba nuqqas ta’ drittijiet pubbliċi suġġettivi jew nuqqas ta’ inċidenza diretta. F’dan il-kuntest, il-Verwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva) għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi li ġejjin:

“L-Artikolu 288 TFUE moqri flimkien mal-Artikolu 5(4) jew mad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 5(5) u tal-punt 2 tal-Anness I tad-[Direttiva dwar in-nitrati] għandu jiġi interpratat fis-sens li:

a)      distributur pubbliku tal-ilma, li jipprovdi servizzi marbuta mal-użu tal-ilma u li, filwaqt li jagħmel dan, qabel jikkunsinna l-ilma għax-xorb lil konsumaturi (suġġett għal obbligu ta’ konnessjoni), jittratta dan l-ilma, li huwa jiġbor minn bjar li huma għad-dispożizzjoni tiegħu għall-finijiet ta’ ġbir ta’ ilma u li għandhom livelli ta’ konċentrazzjoni ta’ nitrati għolja, sabiex jikseb livelli ta’ konċentrazzjoni ta’ nitrati fl-ilma ta’ inqas minn 50 mg/l qabel il-kunsinna lill-konsumaturi, u li huwa marbut li jiddistribwixxi l-ilma f’żona territorjali ddeterminata, huwa direttament ikkonċernat, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (f’dan il-każ minn traspożizzjoni possibbilment insuffiċjenti tad-[Direttiva dwar in-nitrati]), sa fejn huwa għandu, minħabba pjanijiet ta’ azzjoni allegatament insuffiċjenti (peress li l-valur ta’ 50 mg/l ta’ konċentrazzjoni ta’ nitrati fl-ilma huwa eċċedut fit-territorju ta’ dan id-distributur tal-ilma), jadotta miżuri ta’ trattament tal-ilma, u għalhekk għandu drittijiet suġġettivi fl-ambitu tad-Direttiva dwar in-nitrati li jippermettulu

a.1)      li jimmodifika programm ta’ azzjoni nazzjonali diġà adottat għall-finijiet tat-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar in-nitrati (konformement mal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva dwar in-nitrati) b’tali mod li miżuri iktar stretti jiġu adottati, bil-għan li jintlaħqu l-miri stabbiliti fl-Artikolu 1 tad-Direttiva dwar in-nitrati, u, konkretament, jintlaħaq valur ta’ konċentrazzjoni ta’ nitrati fl-ilma sotterran ta’ 50 mg/l bħala massimu f’kull punt ta’ ġbir?

a.2)      li jieħu miżuri supplimentari jew azzjonijiet imsaħħa (fis-sens tal-Artikolu 5(5) tad-Direttiva dwar in-nitrati) bil-għan li jintlaħqu l-miri stabbiliti fl-Artikolu 1 tad-Direttiva dwar in-nitrati, u, konkretament, jintlaħaq valur ta’ konċentrazzjoni ta’ nitrati fl-ilma sotterran ta’ 50 mg/l bħala massimu f’kull punt ta’ ġbir?

b)      konsumatur li huwa legalment awtorizzat juża l-ilma minn bir domestiku tiegħu fl-ambitu tal-konsum minnu stess, u li, minħabba valuri għolja ta’ konċentrazzjoni ta’ nitrati, ma jużax dan l-ilma (fil-mument tat-talba li fuqha hija bbażata l-proċedura fil-kawża prinċipali huwa ma setax jagħmel użu minnu u matul din il-proċedura għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, huwa ċertament jista’ jagħmel użu minnu, iżda huwa inkontestabbli li huwa mistenni li l-konċentrazzjoni ta’ nitrati fl-ilma terġa’ tiżdied u teċċedi l-50 mg/l), iżda jikseb l-ilma minn distributur pubbliku, huwa direttament ikkonċernat, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (f’dan il-każ minn traspożizzjoni insuffiċjenti tad-[Direttiva dwar in-nitrati]), sa fejn, minħabba pjanijiet ta’ azzjoni allegatament insuffiċjenti, u l-valur tal-konċentrazzjoni ta’ nitrati fl-ilma jeċċedi l-50 mg/l fl-ilma tal-punt ta’ ġbir tiegħu (bir domestiku), huwa ma jistax jagħmel użu mid-dritt mogħti lilu mil-liġi, b’mod limitat, li juża l-ilma sotterran tal-proprjetà tiegħu, u għalhekk għandu drittijiet suġġettivi fl-ambitu tad-Direttiva dwar in-nitrati li jippermettulu

b.1)      li jimmodifika programm ta’ azzjoni nazzjonali diġà adottat għall-finijiet tat-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar in-nitrati (konformement mal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva dwar in-nitrati) b’tali mod li miżuri iktar stretti jiġu adottati, bil-għan li jintlaħqu l-miri stabbiliti fl-Artikolu 1 tad-Direttiva dwar in-nitrati, u, konkretament, jintlaħaq valur ta’ konċentrazzjoni ta’ nitrati fl-ilma sotterran ta’ 50 mg/l bħala massimu f’kull punt ta’ ġbir?

b.2)      li jieħu miżuri supplimentari jew azzjonijiet imsaħħa (fis-sens tal-Artikolu 5(5) tad-Direttiva dwar in-nitrati) bil-għan li jintlaħqu l-miri stabbiliti fl-Artikolu 1 tad-Direttiva dwar in-nitrati, u, konkretament, jintlaħaq valur ta’ konċentrazzjoni ta’ nitrati fl-ilma sotterran ta’ 50 mg/l bħala massimu f’kull punt ta’ ġbir?

c)      komun, [li,] bħala entità pubblika, minħabba valuri ta’ konċentrazzjoni ta’ nitrati fl-ilma li jeċċedu l-50 mg/l, juża jew jippermetti l-użu ta’ bir komunali li huwa jisfrutta għal finijiet ta’ provvista ta’ ilma tax-xorb biss bħala sors ta’ ilma mhux għax-xorb – mingħajr ma dan jaffettwa l-provvista ta’ ilma għax-xorb – huwa direttament ikkonċernat, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (f’dan il-każ minn traspożizzjoni possibbilment insuffiċjenti tad-[Direttiva dwar in-nitrati], minħabba pjanijiet ta’ azzjoni insuffiċjenti f’dan ir-rigward), sa fejn, billi l-valur ta’ konċentrazzjoni ta’ nitrati fl-ilma jeċċedi l-50 mg/l fis-sors fejn dan huwa miġbur, użu bħala ilma tax-xorb ma huwiex possibbli, u għalhekk għandu drittijiet suġġettivi fl-ambitu tad-Direttiva Nitrati li jippermettulu

c.1)      li jimmodifika programm ta’ azzjoni nazzjonali diġà adottat għall-finijiet tat-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar in-nitrati (konformement mal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva dwar in-nitrati) b’tali mod li miżuri iktar stretti jiġu adottati, bil-għan li jintlaħqu l-miri stabbiliti fl-Artikolu 1 tad-Direttiva dwar in-nitrati, u, konkretament, jintlaħaq valur ta’ konċentrazzjoni ta’ nitrati fl-ilma sotterran ta’ 50 mg/l bħala massimu f’kull punt ta’ ġbir?

c.2)       li jieħu miżuri supplimentari jew azzjonijiet imsaħħa (fis-sens tal-Artikolu 5(5) tad-Direttiva dwar in-nitrati) bil-għan li jintlaħqu l-miri stabbiliti fl-Artikolu 1 tad-Direttiva dwar in-nitrati, u, konkretament, jintlaħaq valur ta’ konċentrazzjoni ta’ nitrati fl-ilma sotterran ta’ 50 mg/l bħala massimu f’kull punt ta’ ġbir?

Filwaqt li jitqies li f’kull wieħed minn dawn it-tliet każijiet, il-protezzjoni tas-saħħa tal-konsumaturi hija żgurata, fil-każijiet b) u c), permezz tal-ġbir tal-ilma mingħand distributuri kummerċjali (b’obbligu jew dritt ta’ konnessjoni) jew, fil-każ a), permezz ta’ miżuri ta’ trattament xierqa.”

35.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-Wasserleitungsverband Nördliches Burgenland, minn Robert Prandl u mill-Komun ta’ Zillingdorf flimkien bħala rikorrenti fil-kawża prinċipali, kif ukoll mir-Repubblika tal-Awstrija, mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u mill-Kummissjoni Ewropea. Dawn, flimkien mar-Repubblika tal-Polonja, ħadu sehem ukoll fis-seduta li nżammet fis‑6 ta’ Frar 2019.

IV.    Analiżi legali

36.      It-talba għal deċiżjoni preliminari tfittex li tiċċara jekk it-tliet rikorrenti fil-kawża prinċipali, impriża pubblika li tipprovdi l-ilma tax-xorb, komun li jopera bir, u individwu li huwa sid ta’ bir, jistgħux jitolbu lill-awtoritajiet kompetenti sabiex jieħdu azzjonijiet abbażi tad-Direttiva dwar in-nitrati li jmorru lil hinn mill-programm ta’ azzjoni nazzjonali eżistenti għall-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar in-nitrati sabiex tinkiseb konċentrazzjoni ta’ nitrati fl-ilma ta’ taħt l-art ta’ inqas minn 50 mg/l.

37.      Għal dan il-għan ser niddiskuti, fl-ewwel lok, sa fejn ir-rikorrenti jistgħu jinvokaw, bħala prinċipju, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar in-nitrati u mbagħad ser neżamina, fit-tieni lok, il-kundizzjonijiet li taħthom tista’ ssir talba għal miżuri iktar estensivi sabiex jiġi żgurat tnaqqis korrispondenti fil-konċentrazzjoni tan-nitrati.

A.      Fuq l-invokazzjoni tad-Direttiva dwar in-nitrati

38.      Fir-rigward tad-dritt tat-tliet rikorrenti fil-kawża prinċipali li jinvokaw id-Direttiva dwar in-nitrati, l-Awstrija u l-Pajjiżi l-Baxxi jargumentaw li l-livell tan-nitrati fil-bjar ma joħloq l-ebda riskju konkret għas-saħħa, peress li l-provvista pubblika tal-ilma tipprovdi biżżejjed ilma tax-xorb, li ma fihx livelli ta’ nitrati eċċessivi. Bħall-Polonja, huma jwissu kontra li tiġi permessa actio popularis.

39.      Dan l-argument ma huwiex wieħed konvinċenti.

40.      Fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni relatati mal-modalitajiet għal stħarriġ ġudizzjarju, l-ordinament ġuridiku nazzjonali ta’ kull Stat Membru huwa meħtieġ jirregola dawn il-modalitajiet skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali bil-kundizzjoni iżda li dawn ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk il-modalitajiet applikabbli għal sitwazzjonijiet interni simili (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni ma għandux isir prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli (prinċipju ta’ effettività) (9).

41.      F’dan il-każ, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ effettività huwa deċiżiv. Dan peress li ma jkunx kompatibbli mal-effett vinkolanti li l-Artikolu 288 TFUE jattribwixxi lid-direttivi jekk jiġi eskluż, bħala prinċipju, li l-persuni kkonċernati jistgħu jinvokaw obbligu impost minn direttiva (10). Mill-inqas, il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li huma direttament ikkonċernati minn ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ direttiva għandhom, għaldaqstant, ikunu jistgħu jitolbu lill-awtoritajiet kompetenti josservaw l-obbligi rilevanti – possibbilment billi jressqu kawża quddiem il-qrati kompetenti (11).

42.      Ir-rekwiżit li wieħed ikun ikkonċernat jiżgura li l-possibbiltà tal-invokazzjoni ta’ dispożizzjonijiet direttament applikabbli ta’ direttiva ma tispiċċax f’actio popularis.

43.      Fil-kawża prinċipali, l-inċidenza diretta tar-rikorrenti diġà tirriżulta mill-fatt li l-livell tan-nitrati fl-ilma ta’ taħt l-art jaffettwa ħażin l-użu leġittimu tal-bjar tagħhom. Barra minn hekk, ir-riskju għas-saħħa kkawżat mil-livell tan-nitrati, għall-inqas fil-konfront ta’ Robert Prandl, jagħti lok għal inċidenza diretta.

a)      Fuq l-ostakolu għall-użu tal-bjar

44.      Sa issa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward ta’ persuni fiżiċi, li l-kunsiderazzjonijiet li jirrigwardaw l-inċidenza diretta huma partikolarment rilevanti għal direttiva intiża għall-protezzjoni tas-saħħa tal-popolazzjoni jew tas-saħħa pubblika (12). Id-Direttiva dwar in-nitrati taqsam dan l-għan skont is-sitt premessa tagħha u l-Artikolu 2(j) tagħha (13). Madankollu, l-inċidenza primarja tar-rikorrenti f’dan il-każ hija bbażata biss indirettament fuq il-protezzjoni tas-saħħa pubblika.

45.      Dan huwa possibbli minħabba li l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat biss li l-kunsiderazzjonijiet għall-invokazzjoni tad-dispożizzjonijiet ambjentali tad-dritt tal-Unjoni japplikaw b’mod partikolari għal dispożizzjonijiet imfassla sabiex jipproteġu s-saħħa. Is-sentenza Folk, fejn ksur tad-drittijiet tas-sajd kien biżżejjed sabiex jiġġustifika l-invokazzjoni tad-Direttiva dwar ir-responsabbiltà ambjentali (14) moqrija flimkien mad-Direttiva Qafas dwar l-ilma (15), turi li, minbarra din l-inċidenza, hemm il-possibbiltà ta’ forom oħra.

46.      Fil-kawża prinċipali, it-tliet rikorrenti huma direttament ikkonċernati minħabba li, skont ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, huma intitolati li jużaw il-bjar tagħhom għall-ilma tax-xorb, iżda ma jistgħux jeżerċitaw dan id-dritt mingħajr trattament ulterjuri tal-ilma. Fil-fatt, l-ilma li fih iktar minn 50 mg/l nitrati ma jistax jintuża bħala ilma tax-xorb skont il-valur ta’ limitu stabbilit, għal raġunijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa, mill-Artikolu 5 u mill-parti B tal-Anness I tad-Direttiva dwar l-ilma tax-xorb.

47.      Il-fatt li din l-inċidenza hija koperta mill-għan protettiv tad-Direttiva dwar in-nitrati u għalhekk għandha tkun legalment rilevanti, jirriżulta, b’mod partikolari, mill-Artikolu 2(j). Skont din id-dispożizzjoni, id-Direttiva hija mfassla sabiex tevita ostakoli għall-użu leġittimu tal-ilma.

48.      Skont ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, l-użu ta’ bjar għall-estrazzjoni tal-ilma tax-xorb huwa leġittimu. Kuntrarjament għall-opinjoni tal-Awstrija, f’dan ir-rigward wieħed ma għandu bżonn l-ebda dritt sabiex ikun jista’ jtella’ ilma ta’ taħt l-art ta’ kwalità tal-ilma tax-xorb minn kullimkien. Anki t-terminu “rechtmäßig” kif użat fil-verżjoni Ġermaniża u Olandiża tad-Direttiva juri saħansitra li l-ostakolu għall-użu awtorizzat tal-ilma għandu jiġi evitat, jiġifieri li l-ebda dritt infurzabbli b’mod obbligatorju ma huwa meħtieġ. Il-verżjoni Franċiża u Ingliża huma saħansitra iktar ċari għax jużaw it-termini “légitime” u “legitimate”. Dawn il-verżjonijiet lingwistiċi jinftiehmu bħala li jirreferu għal użu ġġustifikat tal-ilma.

49.      Barra minn hekk, il-punt A(1) tal-Anness I għad-Direttiva dwar in-nitrati, fejn il-valur ta’ limitu tan-nitrati għad-determinazzjoni ta’ għadajjar naturali tal-ilma ħelu vulnerabbli huwa ddeterminat b’riferiment għad-Direttiva dwar il-kwalità meħtieġa għall-ilma tal-wiċċ li huwa maħsub għall-estrazzjoni tal-ilma tax-xorb fl-Istati Membri (16), li issa tħassret, juri li l-użu tal-ilma bħala ilma tax-xorb huwa kopert mill-għan protettiv tad-Direttiva dwar in-nitrati (17).

50.      Għaldaqstant, huwa biżżejjed li l-użu bħala ilma tax-xorb ikun permess sabiex ikun ikkonċernat minn ksur possibbli tad-Direttiva dwar in-nitrati, li jaffettwa l-użu tal-ilma ta’ taħt l-art bħala ilma tax-xorb. Fil-każ ta’ tali inċidenza, il-persuna kkonċernata għandha bħala prinċipju tkun intitolata li titlob li jkun hemm konformità mad-Direttiva dwar in-nitrati.

51.      Ma huwiex rilevanti jekk wieħed, bħall-Wasserleitungsverband, jistax jgħaddi kwalunkwe spejjeż addizzjonali lil terzi. Dan peress li anki din in-neċessità hija ostakolu għall-użu permessibbli tal-ilma ta’ taħt l-art.

52.      Barra minn hekk, konsegwenza tal-ħtieġa li tiġi pprovata l-inċidenza hija li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma jistgħux jitolbu b’mod ġenerali konformità mad-Direttiva dwar in-nitrati fl-Awstrija, iżda biss sa fejn l-ilma ta’ taħt l-art użat minnhom huwa kkonċernat. Għalhekk jidher dubjuż jekk Robert Prandl jew il-Komun ta’ Zillingdorf humiex ikkonċernati mill-kwalità tal-massa ta’ ilma ta’ taħt l-art ta’ Parndorfer Platte, li fl-osservazzjonijiet tagħhom ippreżentati b’mod konġunt mal-Wasserleistungsverband hija deskritta bħala li għandha livell partikolarment għoli ta’ tniġġis.

b)      Fuq il-protezzjoni tas-saħħa

53.      Ir-riskju għas-saħħa kkawżat mil-livell tan-nitrati, għall-inqas fil-konfront ta’ Robert Prandl, jiġġustifika wkoll inċidenza diretta.

54.      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma qisitx li riskju inkonfutabbli konkret għas-saħħa huwa kundizzjoni preliminari f’dan ir-rigward. Dan huwa partikolarment evidenti fis-sentenza Stichting Natuur en Milieu et, li kienet tikkonċerna l-limiti massimi nazzjonali ta’ emissjonijiet għal ċerti inkwinanti. Il-kwistjoni ta’ jekk ksur ta’ dawn il-limiti massimi huwiex assoċjat ma’ riskju għas-saħħa tiddependi mid-distribuzzjoni ta’ inkwinanti (18). Madankollu, indipendentement minn dan, il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat li hemm individwi kkonċernati direttament li jistgħu jinforzaw il-konformità ma’ dawn il-limiti massimi (19).

55.      Ma nara l-ebda raġuni għaliex għandi nkun iktar restrittiva minn din il-ġurisprudenza fir-rigward tal-preżunzjoni ta’ inċidenza diretta. Skont l-Artikolu 3(3) TUE, l-Artikolu 37 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 191(2) TFUE, il-politika ambjentali tal-Unjoni għandha l-għan li tikseb livell għoli ta’ protezzjoni. B’mod konformi ma’ din l-aħħar dispożizzjoni, din il-politika hija bbażata fuq il-prinċipji ta’ prekawzjoni u ta’ prevenzjoni. Għaldaqstant, ikun inkompatibbli li l-eżekuzzjoni ġudizzjarja tad-dritt ambjentali tal-Unjoni tkun tiddependi minn riskju konkret u inkonfutabbli. Dan għaliex f’tali każ ikun hemm lok ta’ tħassib li l-ħsara għas-saħħa tkun diġà seħħet qabel ikun hemm eżekuzzjoni effettiva.

56.      Konsegwentement, għall-inqas persuni fiżiċi, bħalma huwa Robert Prandl fil-kawża prinċipali, huma intitolati li jinvokaw id-Direttiva dwar in-nitrati fir-rigward tat-tniġġis tal-ilma ta’ taħt l-art li jikkonċernahom.

57.      Il-Wasserleitungsverband u l-komun, min-naħa l-oħra, huma persuni ġuridiċi, u b’hekk ma humiex ikkonċernati direttament minn riskji possibbli għas-saħħa. Huwa minnu li, b’mod partikolari fir-rigward tal-komun, għandu jiġi preżunt li skont id-dritt nazzjonali dan għandu l-kompitu li jipproteġi s-saħħa tar-residenti tiegħu. Il-Wasserleitungsverband jista’ jkollha kompiti simili fir-rigward tal-konsumaturi tagħha. Madankollu, ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma jinkludi l-ebda informazzjoni, u għalhekk ma jagħmilx sens li din l-idea tiġi eżaminata b’mod iktar approfondit.

c)      Fuq il-Konvenzjoni ta’ Aarhus

58.      Din l-interpretazzjoni tal-kunċett tal-inċidenza diġà tirriżulta direttament mill-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni. Madankollu, tali interpretazzjoni tikkostitwixxi wkoll traspożizzjoni korretta tal-obbligi li joħorġu mill-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, flimkien mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Skont l-Artikolu 9(3), kull parti għandha tiżgura li, meta jissodisfaw il-kriterji, jekk ikun hemm, stabbiliti fid-dritt nazzjonali tagħha, membri tal-pubbliku għandu jkollhom aċċess għal proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji sabiex jikkontestaw atti u ommissjonijiet minn awtoritajiet pubbliċi li jiksru dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tagħha relatati mal-ambjent. L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 jipprovdi li kull persuna li d-drittijiet jew il-libertajiet tagħha ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni jiġu miksura għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti.

59.      Dan id-dritt jiġi mċaħħad minn kwalunkwe effett utli, anki saħansitra mis-sustanza tiegħu stess, jekk kellu jiġi aċċettat li, permezz tal-impożizzjoni ta’ tali kriterji stabbiliti fid-dritt nazzjonali, ċerti kategoriji ta’ “membri tal-pubbliku”, a fortiori “membri tal-pubbliku kkonċernat” li jissodisfaw ir-rekwiżiti imposti fl-Artikolu 2(5) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, jiġu mċaħħda minn kull dritt għal azzjoni legali (20).

60.      Skont l-Artikolu 2(5) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, il-pubbliku kkonċernat huwa l-pubbliku affettwat jew li jista’ jiġi affettwat mid-deċiżjonijiet meħuda fil-qasam ambjentali jew li għandu interess li jrid jinvoka fir-rigward tal-proċess deċiżjonali. F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 2(4), il-pubbliku jikkonsisti f’persuni fiżiċi u/jew ġuridiċi.

61.      Għar-raġunijiet diġà esposti, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali huma kollha kkonċernati mit-tniġġis tal-ilma ta’ taħt l-art minħabba l-bjar tagħhom u għalhekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(5) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

62.      Għall-finijiet ta’ kompletezza, għandu jiġi nnotat li l-eżistenza tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus bl-ebda mod ma tista’ tinftiehem bħala restrizzjoni fuq il-possibbiltà li jiġi invokat id-dritt ambjentali tal-Unjoni. Dan għaliex skont l-Artikolu 3(6), il-Konvenzjoni ma teżiġi ebda deroga mid-drittijiet eżistenti ta’ aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali. Għalhekk, ir-riferiment magħmul fl-Artikolu 9(3) għall-kriterji stabbiliti mid-dritt nazzjonali ma jiġġustifikax ir-restrizzjoni tal-invokazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

d)      Konklużjoni intermedja

63.      Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li distributur pubbliku tal-ilma, individwu u komun bħala korp pubbliku jistgħu, bħala prinċipju, jinvokaw id-Direttiva dwar in-nitrati sa fejn huma kkonċernati mit-tniġġis tal-ilma ta’ taħt l-art bin-nitrati, pereżempju, peress li huma mxekkla milli jużaw il-bjar tagħhom stess għall-estrazzjoni leġittima tal-ilma tax-xorb.

B.      Fuq id-dritt għal miżuri sabiex tinżamm il-konformità mal-valur ta’ 50 mg/l nitrati fl-ilma ta’ taħt l-art

64.      Madankollu, ma huwiex iddeterminat jekk ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jistgħux jinvokaw dritt għal miżuri sabiex tinżamm il-konformità mal-valur ta’ 50 mg/l nitrati fl-ilma ta’ taħt l-art.

65.      Fil-każijiet kollha fejn id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva jidhru, mill-perspettiva tal-kontenut tagħhom, inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi, l-individwi jistgħu jinvokawhom quddiem il-qrati nazzjonali kontra l-Istat Membru, meta dan ikun naqas milli jittrasponi d-direttiva fid-dritt nazzjonali fit-termini previsti jew meta jkun ittrasponieha b’mod inkorrett (21). B’mod partikolari, preċiżjoni suffiċjenti tista’ tkun nieqsa jekk id-dispożizzjonijiet inkwistjoni jagħtu lok għal marġni ta’ diskrezzjoni. F’tali każijiet, madankollu, jeżisti mill-inqas dritt li jsir stħarriġ ġudizzjarju dwar jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-applikazzjoni tagħha humiex fil-limiti tal-marġni ta’ diskrezzjoni ddefiniti mid-direttiva (22).

66.      Kif tenfasizza l-Awstrija, jekk id-direttiva ġietx implimentata korrettement jew le ma jagħmilx differenza. F’każ ta’ implimentazzjoni korretta, il-persuni kkonċernati għandhom ikunu jistgħu jinvokaw il-liġi tat-traspożizzjoni, jew, fil-każ ta’ implimentazzjoni ħażina, dawn għandhom ikunu jistgħu jinvokaw għall-inqas id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-direttiva. Barra minn hekk, ir-rikorrenti huma, għall-inqas, tal-opinjoni li d-Direttiva dwar in-nitrati ma ġietx applikata b’mod korrett.

67.      L-Artikolu 5(4) kif ukoll l-Artikolu 4 u l-Annessi II u III tad-Direttiva dwar in-nitrati jinkludu rekwiżiti mandatorji li, għall-inqas parzjalment, ma joħolqux marġni ta’ diskrezzjoni. Bħala eżempju għandha tissemma l-limitazzjoni fuq il-kwantità massima ta’ fertilizzant li jista’ jiġi applikat għal kull ettaru prevista fil-punt 1(2) tal-Anness III (23). Billi, bħala prinċipju, il-persuni kkonċernati mit-tniġġis tan-nitrati jistgħu jinvokaw id-Direttiva, huma għandhom ikunu jistgħu jitolbu l-eżekuzzjoni ta’ dawn il-limiti u rekwiżiti simili.

68.      Madankollu, it-talba għal deċiżjoni preliminari tfittex li tistabbilixxi jekk jeżistix id-dritt li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali jitolbu miżuri li jiżguraw konċentrazzjoni ta’ nitrati fl-ilma ta’ taħt l-art taħt il-50 mg/l.

69.      Dritt bħal dan jista’ jirriżulta mill-Artikolu 5(4) u (5) tad-Direttiva dwar in-nitrati. L-Artikolu 5(4) jipprovdi li l-programmi ta’ azzjoni, li l-kontenut tagħhom huwa stabbilit fl-Anness III kif ukoll fl-Artikolu 4 u fl-Anness II, għandhom jiġu implimentati fiż-żoni vulnerabbli u fit-territorju Awstrijak kollu. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 5(5) l-Istati Membri għandhom jieħdu, fil-qafas tal-programmi ta’ azzjoni, dawk il-miżuri addizzjonali jew azzjonijiet imsaħħa li jqisu li huma meħtieġa jekk, fil-bidu jew fid-dawl tal-esperjenza miksuba fl-implimentazzjoni tal-programmi ta’ azzjoni, ikun jidher biċ-ċar li l-miżuri msemmija fl-Artikolu 5(4) ma humiex ser ikunu biżżejjed sabiex jintlaħqu l-għanijiet speċifikati fl-Artikolu 1.

70.      B’mod partikolari, il-partijiet ikkonċernati ma jaqblux dwar jekk il-valur għandux ikun inqas minn 50 mg/l nitrati, iżda wkoll dwar il-qafas ta’ żmien u d-diskrezzjoni li jgawdu minnha l-Istati Membri.

1.      Il-valur ta’ 50 mg/l nitrati

71.      L-Awstrija u l-Pajjiżi l-Baxxi jikkontestaw li d-Direttiva dwar in-nitrati tistabbilixxi obbligu sabiex jiġi pprevenut tniġġis ta’ ilma ta’ taħt l-art li jaqbeż il-50 mg/l jew li tniġġis ogħla eżistenti jitnaqqas b’tali mod li dan il-valur ma jinqabiżx.

a)      Ir-responsabbiltà tal-agrikoltura

72.      Huwa minnu li l-miżuri skont id-Direttiva dwar in-nitrati ma jindirizzawx il-livell tan-nitrati fl-ilma b’mod ġenerali. Dan peress li, skont l-Artikolu 1, it-tniġġis tal-ilma kkawżat jew ikkaġunat min-nitrati minn sorsi agrikoli għandu jitnaqqas u tniġġis tal-ilma ta’ dan it-tip għandu jiġi evitat.

73.      Konsegwentement, jekk il-livell tan-nitrati ma jkunx attribwibbli għall-agrikoltura, l-ebda miżura ma tista’ tittieħed skont id-Direttiva dwar in-nitrati. Madankollu, it-tniġġis ma għandux għalfejn ikun ikkawżat esklużivament mill-agrikoltura (24). Pjuttost, ikunu diġà meħtieġa li jittieħdu miżuri jekk l-iskariku ta’ komponenti tan-nitroġenu ta’ oriġini agrikola jikkontribwixxi b’mod sinjifikattiv għat-tniġġis (25). Fil-passat, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkunsidrat bħala sinjifikattiv li l-agrikoltura ta’ Wallonien kienet tammonta għal 19 % tan-nitroġenu totali fil-baċir tal-Meuse u għal 17 % ta’ dak fl-Escaut, żewġt ixmajjar li jinfdu fil-Baħar tat-Tramuntana ewtrofikat (26). Dan juri li anki l-kontribuzzjonijiet relattivament limitati mill-agrikoltura għal tniġġis tan-nitroġenu huma biżżejjed sabiex iwasslu għal obbligi taħt id-Direttiva dwar in-nitrati.

74.      Bl-applikazzjoni ta’ programmi ta’ azzjoni mill-Awstrija skont l-Artikolu 5(4) tad-Direttiva dwar in-nitrati diġà jirriżulta li l-iskariku tan-nitroġenu mill-agrikoltura Awstrijaka jikkontribwixxi b’mod sinjifikattiv għal-livell tan-nitrati fl-ilma ta’ taħt l-art fiż-żona li fiha r-rikorrenti fil-kawża prinċipali joperaw il-bjar tagħhom. Dan għaliex mingħajr kontribuzzjonijiet sinjifikattivi mill-agrikoltura, tali applikazzjoni ma kinitx tkun meħtieġa.

b)      Il-livell tan-nitrati permissibbli fl-ilma ta’ taħt l-art

75.      Jekk l-agrikoltura tikkontribwixxi b’mod sinjifikattiv għal-livell tan-nitrati, kemm l-Artikolu 3(1) u l-punt A(2) tal-Anness I tad-Direttiva dwar in-nitrati, kif ukoll id-definizzjoni ta’ tniġġis skont l-Artikolu 2(j) moqri flimkien mad-Direttiva dwar l-ilma tax-xorb iwasslu għall-konklużjoni li livell ta’ nitrati fl-ilma ta’ taħt l-art ta’ iktar minn 50 mg/l huwa meqjus bħala tniġġis. F’dan il-każ, l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar in-nitrati.

76.      Skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar in-nitrati, ilmijiet affettwati mit-tniġġis jew li x’aktarx jiġu affettwati jekk ma jittieħdu l-ebda miżuri skont l-Artikolu 5 għandhom jiġu identifikati mill-Istati Membri skont il-kriterji stabbiliti fl-Anness I. Dan japplika, skont il-punt A(2) tal-Anness I tad-Direttiva dwar in-nitrati, jekk l-ilma ta’ taħt l-art fih jew jista’ jkun fih iktar minn 50 mg/l nitrati u (27) l-ebda miżura ma tittieħed skont l-Artikolu 5.

77.      Madankollu, jekk żona li fiha iktar minn 50 mg/l nitrati fl-ilma ta’ taħt l-art titqies bħala kkontaminata, allura dan it-tniġġis għandu jiġi evitat jew eliminat skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva dwar in-nitrati.

78.      Barra minn hekk, l-Artikolu 2(j) tad-Direttiva dwar in-nitrati jiddefinixxi t-tniġġis bħala skariku, b’mod dirett jew indirett, tal-komponenti tan-nitroġenu minn sorsi agrikoli fl-ambjent akwatiku, li r-riżultati tiegħu huma tali li jikkaġunaw perikoli għall-ħajja tal-bniedem, ħsara għar-riżorsi ħajjin u għall-ekosistemi tal-ilma, ħsara għall-amenitajiet jew interferenza fuq l-użi l-oħra leġittimi tal-ilma.

79.      Livell ta’ nitrati ta’ iktar minn 50 mg/l fl-ilma ta’ taħt l-art għandu għalhekk jitqies bħala tniġġis, sempliċement minħabba li jxekkel l-użu leġittimu ta’ bjar għall-estrazzjoni tal-ilma tax-xorb. Dan peress li skont l-Artikolu 5 u l-parti B tal-Anness I tad-Direttiva dwar l-ilma tax-xorb japplika limitu ta’ 50 mg/l nitrati għall-ilma tax-xorb.

80.      Id-distinzjoni ppreżentata mill-Awstrija bejn l-ilma naturali u l-ilma tax-xorb ma tqajjimx dubju dwar din il-konklużjoni.

81.      Huwa minnu li d-Direttiva dwar in-nitrati ma tistabbilixxix id-dritt għall-użu tal-ilma ta’ taħt l-art bħala ilma tax-xorb mingħajr restrizzjoni. Fil-fatt, id-Direttiva dwar in-nitrati ma fiha l-ebda rekwiżit dwar inkwinanti oħra jew dwar il-livelli ta’ nitrati li ma humiex attribwibbli għall-agrikoltura.

82.      Madankollu, kif diġà ġie osservat, id-Direttiva dwar in-nitrati għandha l-għan li tiżgura li l-estrazzjoni tal-ilma tax-xorb ma tkunx imwaqqfa minħabba l-livell tan-nitrati fl-ilmijiet rispettivi (28), għall-inqas sa fejn dan ikun attribwibbli l-iktar għall-agrikoltura.

83.      Din l-interpretazzjoni tad-Direttiva dwar in-nitrati hija msaħħa mill-fatt li l-Artikolu 4(2) u l-punt 1 tal-Anness I tad-Direttiva dwar l-ilma ta’ taħt l-art jistabbilixxu wkoll valur massimu ta’ 50 mg/l nitrati sabiex l-ilma ta’ taħt l-art ikun fi stat tajjeb. Huwa minnu li l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar l-ilma ta’ taħt l-art isemmi wkoll standards alternattivi sabiex l-ilma ta’ taħt l-art ikun fi stat tajjeb. Barra minn hekk, it-termini estiżi sabiex jinkiseb dan l-istatus b’mod konformi mal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma għadhom ma skadewx. Madankollu, il-kriterju tad-Direttiva dwar l-ilma ta’ taħt l-art juri wkoll li l-valur li hemm fid-Direttiva dwar in-nitrati sabiex jiġi stabbilit it-tniġġis għandu jkun wieħed sinjifikattiv.

84.      Konsegwentement, il-miżuri sabiex tiġi implimentata d-Direttiva dwar in-nitrati għandhom jimmiraw li jipprevjenu jew jeliminaw livell ta’ nitrati fl-ilma ta’ taħt l-art ta’ iktar minn 50 mg/l, jekk l-iskariku ta’ komponenti tan-nitroġenu minn sorsi agrikoli jikkontribwixxi b’mod sinjifikattiv għal dan it-tniġġis.

2.      Il-qafas ta’ żmien

85.      L-Awstrija, madankollu, targumenta wkoll li ma huwiex ċar sa meta għandhom jintlaħqu l-għanijiet tal-Artikolu 1 tad-Direttiva dwar in-nitrati.

86.      Huwa minnu li d-Direttiva dwar in-nitrati ma tistipula ebda terminu sa meta t-tniġġis eżistenti għandu jitnaqqas b’tali mod li jiġi inqas mil-livell tal-valur imsemmi u li, barra minn hekk, ma jkunx hemm ir-riskju li jinqabeż mill-ġdid. Termini bħal dawn jirriżultaw pjuttost mill-Artikolu 4(1) u (4) tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma moqrija flimkien mad-Direttiva dwar l-ilma ta’ taħt l-art, termini dawn li, minħabba l-prorogi permessibbli, għadhom ma skadewx.

87.      Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li rekwiżiti temporali vinkolanti fir-rigward tal-istat tal-ilma ta’ taħt l-art jistgħu wkoll ikunu assoċjati ma’ diffikultajiet li fil-prattika ma jkunux jistgħu jingħelbu. Dan minħabba li t-tlettax‑il premessa tad-Direttiva dwar in-nitrati diġà tistipula li minħabba l-kundizzjonijiet ġeoloġiċi lokali, jistgħu jgħaddu s-snin sabiex il-kwalità tal-ilma titjieb permezz tal-miżuri protettivi. Fatturi oħra bħall-ammont rispettiv ta’ preċipitazzjoni jew ta’ evaporazzjoni huma wkoll importanti (29).

88.      Madankollu, għalkemm id-Direttiva dwar in-nitrati ma tispeċifikax sa meta għandhom jintlaħqu l-għanijiet tal-Artikolu 1, hija madankollu tinkludi regoli obbligatorji dwar meta għandhom jittieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jinkisbu dawn l-għanijiet. Dan l-obbligu jiskatta mal-ewwel programm ta’ azzjoni jew abbażi tal-esperjenza miksuba fl-implimentazzjoni tal-programmi ta’ azzjoni, jiġifieri ladarba jkun iddeterminat li l-azzjoni hija meħtieġa (30). Ma hemm l-ebda diskrezzjoni fir-rigward ta’ dan il-mument.

89.      Barra minn hekk, l-Artikolu 5(7) tad-Direttiva dwar in-nitrati jistabbilixxi l-qafas temporali li fih l-Istati Membri għandhom jevalwaw l-esperjenza msemmija iktar ’il fuq. Dan l-artikolu jistabbilixxi li l-Istati Membri għandhom jirrevedu l-programmi ta’ azzjoni tagħhom mill-inqas kull erba’ snin u jkomplu jagħmlu hekk jekk meħtieġ. F’dan il-kuntest u lil hinn mill-Artikolu 5(4) tad-Direttiva dwar in-nitrati, huma għandhom jieħdu miżuri addizzjonali jew azzjonijiet imsaħħa skont l-Artikolu 5(5), jekk dawn ikunu meħtieġa (31).

90.      Jekk ma jinstab l-ebda titjib fis-sitwazzjoni matul din ir-reviżjoni perijodika, skont il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jiġi konkluż li l-programmi ta’ azzjoni ma humiex biżżejjed (32). F’tali każ, l-Istati Membri ma jistgħux jistennew sakemm ma jkun hemm l-ebda dubju raġonevoli dwar il-ħtieġa għal miżuri addizzjonali jew azzjonijiet imsaħħa (33). Kif tosserva l-Kummissjoni, dan huwa iktar u iktar minnu jekk it-tniġġis ikun ippersista għal żmien twil.

91.      Teżisti l-iktar l-iktar diskrezzjoni fir-rigward tal-miżuri rispettivi kif ukoll – b’rabta ma’ dan – tad-data li fiha għandhom jintlaħqu l-għanijiet tal-Artikolu 1 tad-Direttiva dwar in-nitrati.

92.      Madankollu, l-Istati Membri għandhom jeżerċitaw din id-diskrezzjoni u għandhom jispeċifikaw liema miżuri addizzjonali ser jieħdu u meta għandhom jintlaħqu dawn l-għanijiet. Dan għaliex, skont l-Artikolu 10(1) u l-punt 4(e) tal-Anness V tad-Direttiva dwar in-nitrati, huma għandhom jippreżentaw quddiem il-Kummissjoni, kull erba’ snin, rapport li jkun fih, inter alia, il-previżjonijiet tagħhom tal-perijodu li matulu l-ilmijiet vulnerabbli huma mistennija jirrispondu għall-programm ta’ azzjoni.

93.      Għaldaqstant, kull erba’ snin, l-Istati Membri għandhom jirrevedu b’mod effettiv jekk il-programmi ta’ azzjoni eżistenti għall-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar in-nitrati humiex biżżejjed sabiex jipprevjenu jew jeliminaw livell ta’ nitrati fl-ilma ta’ taħt l-art ta’ iktar minn 50 mg/l u għandhom jieħdu kwalunkwe miżura addizzjonali jew azzjoni msaħħa li hija meħtieġa, meta jidher li dan ma huwiex il-każ.

3.      L-evalwazzjoni tal-programmi ta’ azzjoni

94.      Madankollu, sabiex jiġi eżaminat jekk il-programm ta’ azzjoni eżistenti huwiex biżżejjed, hija meħtieġa previżjoni tal-impatt tiegħu fuq il-livell tan-nitrati fl-ilma ta’ taħt l-art. Barra minn hekk, jista’ jkun meħtieġ ukoll li jiġi stmat liema miżuri addizzjonali huma meħtieġa.

a)      Fuq l-istandard tar-reviżjoni

95.      Mit-tlettax‑il premessa tad-Direttiva dwar in-nitrati, li diġà ssemmiet, jirriżulta li evalwazzjoni b’rabta mal-ilma ta’ taħt l-art ma hijiex dejjem faċli, għaliex, minħabba l-kundizzjonijiet ġeoloġiċi lokali, jistgħu jgħaddu s-snin sakemm titjieb il-kwalità tal-ilma bil-miżuri protettivi. Kif barra minn hekk diġà ntqal, fatturi oħra bħall-ammont rispettiv ta’ preċipitazzjoni jew ta’ evaporazzjoni jista’ jkollhom ukoll rwol importanti (34).

96.      Id-dritt tal-Unjoni jippermetti marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ li għandu jingħata lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fl-evalwazzjoni ta’ kwistjonijiet kumplessi bħal dawn, kif diġà ddikjarajt reċentement fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Craeynest (35). Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet ukoll marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar in-nitrati (36).

97.      B’kuntrast mal-kwistjoni fil-kawża Craeynest, li tikkonċerna l-kwalità tal-arja (37), fil-kawża preżenti ma jidhirx li t-tniġġis tal-ilma ta’ taħt l-art min-nitrati jwassal għal riskji serji għas-saħħa tal-bniedem jew għal għanijiet komparabbli ta’ protezzjoni ambjentali fl-Unjoni. Għalhekk, ma hemm l-ebda restrizzjoni fuq il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-awtoritajiet kompetenti.

98.      Madankollu, fl-eżerċizzju ta’ din id-diskrezzjoni, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw l-għan tad-Direttiva dwar in-nitrati, li huwa li jitnaqqas it-tniġġis tal-ilmijiet min-nitrati b’oriġini agrikola (38). Huma għandhom jiżguraw ukoll li l-għanijiet tal-politika ambjentali tal-Unjoni jintlaħqu skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 191(1) u (2) TFUE (39).

99.      Għalkemm l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri tippermetti lill-qrati nazzjonali jissuġġettaw tali deċiżjonijiet diskrezzjonali għal stħarriġ strett (40), id-dritt tal-Unjoni ma jobbligahomx li jagħmlu hekk. Bħala prinċipju, huwa biżżejjed jekk l-istħarriġ ġudizzjarju jkun limitat għal żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u għal żbalji proċedurali (41). Barra minn hekk, għandu jiġi eżaminat ukoll jekk l-awtoritajiet kompetenti eżaminawx bir-reqqa u imparzjalment l-aspetti rilevanti kollha tal-każ individwali (42).

b)      Fuq l-eżami tal-aspetti rilevanti

100. Fil-kawża preżenti, il-kjarifika tal-aspetti rilevanti kollha għandha sinjifikat partikolari. F’dan ir-rigward, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(6) tad-Direttiva dwar in-nitrati tinkludi dispożizzjonijiet rilevanti, li jobbligaw lill-Istati Membri jistabbilixxu u jimplimentaw programmi ta’ monitoraġġ xierqa sabiex ikunu jistgħu jevalwaw l-effettività tal-programmi ta’ azzjoni.

101. Dan ifisser, b’mod partikolari, li l-Istati Membri ma jistgħux jillimitaw ruħhom għal kejl tal-ilma ta’ taħt l-art jekk, minħabba kundizzjonijiet ġeoloġiċi u klimatiċi, dan il-kejl ma jkunx adattat sabiex juri, fi ħdan iċ-ċiklu ta’ reviżjoni ta’ erba’ snin, jekk il-programmi ta’ azzjoni humiex effettivi (43). Għalkemm id-dritt tal-Unjoni ma jirrikjedix li l-Istati Membri jagħmlu l-impossibbli, huma għandhom, jekk ikun hemm bżonn, jużaw minn tal-inqas metodi ta’ kejl alternattivi magħrufa li huma effettivi u għandhom jagħmlu sforz xieraq sabiex jiżviluppaw metodi ġodda adattati meta dawn ikunu għadhom nieqsa. Għaldaqstant, ir-rapport Awstrijak dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar in-nitrati jiddeskrivi proġett pilota għat-teħid ta’ kampjuni tal-hekk imsejħa ilmijiet tad-drenaġġ (44). Barra minn hekk, jistgħu jiġu kkunsidrati mudelli ta’ kalkoli jew ta’ kejl fil-ħamrija ’l fuq mil-livell tal-ilma ta’ taħt l-art.

102. Huwa minnu li fl-istabbiliment ta’ dawn il-metodi u tal-evalwazzjoni tar-riżultati tagħhom hemm ukoll marġni ta’ diskrezzjoni, peress li din hija kwistjoni xjentifika kumplessa. Madankollu, il-qrati nazzjonali għandhom mill-inqas ikunu jistgħu jeżaminaw jekk fl-aħħar mill-aħħar l-awtoritajiet kompetenti humiex jużaw dawn il-metodi u jekk tali metodi kif ukoll ir-riżultati tagħhom humiex xjentifikament plawżibbli.

c)      Fuq il-motivazzjoni tal-programm ta’ azzjoni

103. Il-qorti nazzjonali jkollha teżamina wkoll jekk il-motivazzjoni tal-programm ta’ azzjoni tindirizzax id-dubji kollha, xjentifikament iġġustifikati, dwar jekk il-programm huwiex biżżejjed permezz ta’ stqarrijiet li jinftiehmu u, b’mod partikolari, li huma konsistenti.

104. Kif indikat korrettement il-Kummissjoni, fl-evalwazzjoni tal-programm ta’ azzjoni mill-awtoritajiet kompetenti, kwalunkwe valuri li jaqbżu l-50 mg/l nitrati fl-ilma ta’ taħt l-art, it-tul tagħhom kif ukoll ix-xejra tagħhom huma partikolarment importanti. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mistħarreġ l-argument imressaq mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali li, minkejja l-programmi ta’ azzjoni li ilhom jeżistu mill‑2003, il-livell tan-nitrati fl-ilma ta’ taħt l-art ma tjiebx u, f’xi każijiet, saħansitra ddeterjora.

105. Punt ieħor li jistħoqqlu l-attenzjoni huwa l-eċċess ta’ nitroġenu li, skont ir-rapport Awstrijak dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar in-nitrati, ilu mill‑2007 jammonta għal medja ta’ 30 kg għal kull ettaru fis-sena (45). Tali eċċess għall-inqas prima facie jmur kontra l-Artikolu 5(4) u l-punt 1(3) tal-Anness III tad-Direttiva dwar in-nitrati. Skont dawn id-dispożizzjonijiet, l-Istati Membri għandhom jillimitaw l-applikazzjoni tal-fertilizzanti fuq żoni agrikoli, bil-għan li jkun hemm bilanċ bejn il-ħtieġa stmata tan-nitroġenu tal-pjanti u l-provvista tan-nitroġenu tal-pjanti mill-ħamrija u mill-fertilizzazzjoni. Eċċess ta’ nitroġenu ma tantx jista’ jitqies bħala bilanċ.

106. Madankollu, ir-rekwiżiti tal-motivazzjoni tal-programm ta’ azzjoni ma għandhomx jitħalltu mal-kwistjoni ta’ jekk l-evalwazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti hijiex konvinċenti. Bħala prinċipju, ir-rekwiżiti tal-motivazzjoni jkunu diġà ssodisfatti jekk ir-raġunijiet jippermettu li jitwettaq l-eżami ta’ jekk l-evalwazzjoni hijiex manifestament żbaljata.

d)      Fuq il-konstatazzjoni ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni

107. Finalment, fir-rigward tal-konstatazzjoni ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma żviluppat ebda definizzjoni ġenerali. Madankollu, mill-ġurisprudenza jirriżulta li deċiżjoni ma tkunx ivvizzjata b’tali żball jekk tista’ tittieħed “raġonevolment” (46). Min-naħa l-oħra, kontradizzjonijiet manifesti jew nuqqas ta’ elementi li jsostnu l-konklużjonijiet jistgħu jkunu r-raġuni għal żball manifest (47). Huwa wkoll possibbli li tali evalwazzjoni tiġi miċħuda billi jintwera li ma hijiex kredibbli jew hija implawżibbli (48).

e)      Konklużjoni intermedja

108. Bħala konklużjoni, għandu jiġi nnotat li l-qrati nazzjonali għandhom ikunu jistgħu jistħarrġu l-evalwazzjoni tal-effettività tal-programmi ta’ azzjoni u d-deċiżjoni dwar jekk jittiħdux jew le miżuri addizzjonali jew azzjonijiet imsaħħa, għall-inqas fir-rigward ta’ żbalji manifesti, kif ukoll jekk l-awtoritajiet kompetenti rrispettawx il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom kif ukoll ir-rekwiżiti proċedurali, b’mod partikolari l-obbligu ta’ motivazzjoni, u jekk eżaminawx l-aspetti rilevanti kollha.

V.      Konklużjoni

109. Għaldaqstant, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti r-risposta li ġejja għad-domandi preliminari magħmula:

1)      Distributur pubbliku tal-ilma, individwu u komun bħala korp pubbliku jistgħu, bħala prinċipju, jinvokaw id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE tat‑12 ta’ Diċembru 1991 dwar il-protezzjoni ta’ l-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli, sa fejn huma kkonċernati mit-tniġġis tal-ilma ta’ taħt l-art bin-nitrati, pereżempju, peress li huma mxekkla milli jużaw il‑bjar tagħhom stess għall-estrazzjoni leġittima tal-ilma tax-xorb.

2)      Il-miżuri li jittrasponu d-Direttiva 91/676 għandu jkollhom l-għan li jipprevjenu jew li jeliminaw livell ta’ nitrati fl-ilma ta’ taħt l-art ta’ iktar minn 50 mg/l meta l-iskariku ta’ komponenti tan-nitroġenu ta’ oriġini agrikola jikkontribwixxi b’mod sinjifikattiv għat-tniġġis.

3)      Kull erba’ snin, l-Istati Membri għandhom jirrevedu b’mod effettiv jekk il‑programmi ta’ azzjoni eżistenti għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 91/676 humiex biżżejjed sabiex jipprevjenu jew jeliminaw livell ta’ nitrati fl-ilma ta’ taħt l-art ta’ iktar minn 50 mg/l u għandhom jieħdu kwalunkwe miżura addizzjonali jew azzjoni msaħħa li hija meħtieġa, meta jidher li dan ma huwiex il-każ.

4)      Il-qrati nazzjonali għandhom ikunu jistgħu jistħarrġu l-evalwazzjoni tal‑effettività tal-programmi ta’ azzjoni u d-deċiżjoni dwar jekk jittiħdux jew le miżuri addizzjonali jew azzjonijiet imsaħħa, għall-inqas fir-rigward ta’ żbalji manifesti, kif ukoll jekk l-awtoritajiet kompetenti rrispettawx il-limiti tas‑setgħa diskrezzjonali tagħhom kif ukoll ir-rekwiżiti proċedurali, b’mod partikolari l-obbligu ta’ motivazzjoni, u jekk eżaminawx l-aspetti rilevanti kollha.


1      Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2      Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE tal‑21 ta’ Mejju 1991 dwar it-trattament ta’ l-ilma urban mormi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 26).


3      Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE tat‑12 ta’ Diċembru 1991 dwar il-protezzjoni ta’ l-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 68).


4      Umweltbundesamt (l-Uffiċċju Federali għall-Ambjent, il-Ġermanja) (https://www.umweltbundesamt.de/faqs-zu-nitrat-im-grund-trinkwasser#textpart-4).


5      Direttiva tal-Kunsill 98/83/KE tat‑3 ta’ Novembru 1998 dwar il-kwalità ta’ l-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 90), kif ġiet emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni (UE) 2015/1787 tas‑6 ta’ Ottubru 2015 li temenda l-Annessi II u III tad-Direttiva tal-Kunsill 98/83/KE dwar il-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem (ĠU 2015, L 260, p. 6).


6      Il-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali tal‑1998 (ĠU 2005, L 124, p. 4), approvata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE tas‑17 ta’ Frar 2005 (ĠU 2005, L 124, p. 1).


7      Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2000 li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika ta’ l-ilma (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 5, p. 275) kif emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2014/101/UE tat‑30 ta’ Ottubru 2014 (ĠU 2014, L 311, p. 32).


8      Direttiva 2006/118/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2006 dwar il-protezzjoni ta’ l-ilma ta’ taħt l-art kontra t-tniġġiż u d-deterjorament (ĠU 2006, L 372, p. 19) kif emendata bid-Direttiva 2014/80/UE tal-Kummissjoni tal‑20 ta’ Ġunju 2014 (ĠU 2014, L 182, p. 52).


9      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Diċembru 1976, Rewe-Zentralfinanz u Rewe-Zentral (33/76, EU:C:1976:188, punt 5); tas‑27 ta’ Ġunju 2013, Agrokonsulting (C‑93/12, EU:C:2013:432, punti 35 u 36); u tat‑22 ta’ Frar 2018, INEOS Köln (C‑572/16, EU:C:2018:100, punt 42).


10      Ara s-sentenzi tas‑7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging (C‑127/02, EU:C:2004:482, punt 66); tal‑25 ta’ Lulju 2008, Janecek (C‑237/07, EU:C:2008:447, punt 37); tat‑8 ta’ Novembru 2016, Lesoochranárske zoskupenie VLK (C‑243/15, EU:C:2016:838, punt 44); u tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Protect Natur-, Arten- Landschaftsschutz Umweltorganisation (C‑664/15, EU:C:2017:987, punt 34).


11      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2008, Janecek (C‑237/07, EU:C:2008:447, punt 39), u tas‑26 ta’ Mejju 2011, Stichting Natuur en Milieu et (C‑165/09 sa C‑167/09, EU:C:2011:348, punt 100).


12      Sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2008, Janecek (C‑237/07, EU:C:2008:447, punt 37); tas‑26 ta’ Mejju 2011, Stichting Natuur en Milieu et (C‑165/09 sa C‑167/09, EU:C:2011:348, punt 94); u tad‑19 ta’ Novembru 2014, ClientEarth (C‑404/13, EU:C:2014:2382, punt 55).


13      Ara wkoll is-sentenza tad‑29 ta’ April 1999, Standley et (C‑293/97, EU:C:1999:215, punt 34).


14      Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ April 2004 dwar ir-responsabbiltà ambjentali f’dak li għandu x’jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 8, p. 357) fil-verżjoni emendata bid-Direttiva 2009/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2009 (ĠU 2009, L 140, p. 114).


15      Sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2017 (C‑529/15, EU:C:2017:419, punti 47 sa 49).


16      Direttiva tal‑Kunsill 75/440/KEE tas‑16 ta’ Ġunju 1975 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 17).


17      Sentenza tad‑29 ta’ April 1999, Standley et (C‑293/97, EU:C:1999:215, punt 34).


18      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Craeynest (C‑723/17, EU:C:2019:168, punti 68 et seq., partikolarment punt 85).


19      Sentenza tas‑26 ta’ Mejju 2011, Stichting Natuur en Milieu et (C‑165/09 sa C‑167/09, EU:C:2011:348, punti 94 u 99 sa 103).


20      Sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Protect Natur-, Arten- und Landschaftsschutz Umweltorganisation (C‑664/15, EU:C:2017:987, punt 46).


21      Sentenzi tad‑19 ta’ Jannar 1982, Becker (8/81, EU:C:1982:7, punt 25); tal‑24 ta’ Jannar 2012, Dominguez (C‑282/10, EU:C:2012:33, punt 33), u tas‑6 ta’ Novembru 2018, Bauer u Willmeroth (C‑569/16 u C‑570/16, EU:C:2018:871, punt 70).


22      Sentenzi tal‑24 ta’ Ottubru 1996, Kraaijeveld et (C‑72/95, EU:C:1996:404, punt 56); tas‑7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelsbeschermingvereniging (C‑127/02, EU:C:2004:482, punt 66); tal‑25 ta’ Lulju 2008, Janecek (C‑237/07, EU:C:2008:447, punt 46); tas‑26 ta’ Mejju 2011 Stichting Natuur en Milieu et (C‑165/09 sa C‑167/09, EU:C:2011:348, punti 100 sa 103); tal‑5 ta’ Settembru 2012, Rahman et (C‑83/11, EU:C:2012:519, punt 25); kif ukoll tat‑8 ta’ Novembru 2016, Lesoochranárske zoskupenie VLK (C‑243/15, EU:C:2016:838, punt 44).


23      Sentenzi tat‑2 ta’ Ottubru 2003, Il‑Kummissjoni vs L‑Olanda (C‑322/00, EU:C:2003:532, punt 113), u tal‑4 ta’ Settembru 2014, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑237/12, EU:C:2014:2152, punt 129).


24      Sentenzi tad‑29 ta’ April 1999, Standley et (C‑293/97, EU:C:1999:215, punt 30); tat‑8 ta’ Settembru 2005, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑416/02, EU:C:2005:511, punt 69); u tat‑22 ta’ Settembru 2005, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (C‑221/03, EU:C:2005:573, punt 84).


25      Sentenzi tad‑29 ta’ April 1999, Standley et (C‑293/97, EU:C:1999:215, punt 35), u tat‑22 ta’ Settembru 2005, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (C‑221/03, EU:C:2005:573, punt 87).


26      Sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2005, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (C‑221/03, EU:C:2005:573, punt 86).


27      Kif juri l-kuntest tal-Artikolu 3(1) u kif huwa kkonfermat b’mod partikolari mill-verżjonijiet bl-Ingliż u bil-Franċiż tal-punt A(2) tal-Anness I, l-“und” fil-verżjoni Ġermaniża għandha tinftiehem li tfisser “falls” (“jekk”).


28      Ara l-punti 46 sa 50 iktar ’il fuq.


29      Skont rapport tal-Ministeru Federali għall-Agrikoltura u għall-Forestrija, għall-Ambjent u għall-Ġestjoni tal-Ilma tar-Repubblika tal-Awstrija, Grundwasseralter in Österreich - mittlere Verweilzeiten in ausgewählten Grundwasserkörpern (verżjoni ta’ Diċembru 2015, https://www.bmnt.gv.at/wasser/wasserqualitaet/grundwasseralter.html), iż-żmien medju ta’ residenza tal-ilma ta’ taħt l-art fiż-żoni affettwati msemmija fil-kawża prinċipali huwa xi kultant bejn 11 u 25 sena, xi kultant anki 25 sa 50 sena.


30      Sentenzi tat‑2 ta’ Ottubru 2003, Il‑Kummissjoni vs L‑Olanda (C‑322/00, EU:C:2003:532, punti 166), u tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑543/16, mhux ippubblikata, EU:C:2018:481, punt 53).


31      Ir-riferiment tal-verżjoni Ġermaniża għall-Artikolu 5 fl-intier tiegħu huwa manifestament żbaljat.


32      Sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑543/16, mhux ippubblikata, EU:C:2018:481, punt 61).


33      Sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑543/16, mhux ippubblikata, EU:C:2018:481, punti 63 u 64).


34      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 29.


35      C‑723/17, EU:C:2019:168, punti 41 et seq. Dwar dan, ara, partikolarment, is-sentenzi tal‑21 ta’ Jannar 1999, Upjohn (C‑120/97, EU:C:1999:14, punt 35), u tad‑9 ta’ Ġunju 2005, HLH Warenvertrieb u Orthica (C‑211/03, C‑299/03 u C‑316/03 sa C‑318/03, EU:C:2005:370, punt 76).


36      Sentenzi tad‑29 ta’ April 1999, Standley et (C‑293/97, EU:C:1999:215, punti 37 u 39); tat‑2 ta’ Ottubru 2003, Il‑Kummissjoni vs L‑Olanda (C‑322/00, EU:C:2003:532, punt 46); tas‑27 ta’ Ġunju 2002, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑258/00, EU:C:2002:400, punt 53); u tal‑4 ta’ Settembru 2014, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑237/12, EU:C:2014:2152, punt 30).


37      Dwar dan ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Craeynest (C‑723/17, EU:C:2019:168, punti 47, 48 u 53 et seq.).


38      Sentenzi tas‑27 ta’ Ġunju 2002, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑258/00, EU:C:2002:400, punt 53); tat‑2 ta’ Ottubru 2003, Il‑Kummissjoni vs L‑Olanda (C‑322/00, EU:C:2003:532, punt 46); u tal‑4 ta’ Settembru 2014, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑237/12, EU:C:2014:2152, punt 30).


39      Sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2014, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑237/12, EU:C:2014:2152, punt 30); ara wkoll is-sentenza tat‑2 ta’ Ottubru 2003, Il‑Kummissjoni vs L‑Olanda (C‑322/00, EU:C:2003:532, punt 45).


40      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil‑kawża Craeynest (C‑723/17, EU:C:2019:168, punt 39).


41      Sentenzi tal‑21 ta’ Jannar 1999, Upjohn (C‑120/97, EU:C:1999:14, punt 35), u tad‑9 ta’ Ġunju 2005, HLH Warenvertrieb u Orthica (C‑211/03, C‑299/03 u C‑316/03 sa C‑318/03, EU:C:2005:370, punt 76). Ara fid-dettal dwar dan il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Craeynest (C‑723/17, EU:C:2019:168, punti 38 sa 51).


42      Sentenzi tad‑9 ta’ Marzu 2010, ERG et (C‑379/08 u C‑380/08, EU:C:2010:127, punt 61); tat‑22 ta’ Novembru 2012, M. (C‑277/11, EU:C:2012:744, punt 88); tat‑18 ta’ Lulju 2013, FIFA vs Il‑Kummissjoni (C‑204/11 P, EU:C:2013:477, punt 20, u C‑205/11 P, EU:C:2013:478, punt 21); tal‑5 ta’ Novembru 2014, Mukarubega (C‑166/13, EU:C:2014:2336, punt 48); u tal‑11 ta’ Diċembru 2014, Boudjlida (C‑249/13, EU:C:2014:2431, punt 38).


43      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑543/16, mhux ippubblikata, EU:C:2018:481, punti 67 u 68).


44      Ministeru Federali għall-Agrikoltura u għall-Forestrija, għall-Ambjent u għall-Ġestjoni tal-Ilma tar-Repubblika tal-Awstrija, EU Nitratrichtlinie 91/676/EWG - Österreichischer Bericht 2016, pp. 58 u 59.


45      Iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 44, pp. 40 u 41.


46      Sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2002, Omega Air et (C‑27/00 u C‑122/00, EU:C:2002:161, punt 72).


47      Sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2007, Spanja vs Lenzing (C‑525/04 P, EU:C:2007:698, punt 60).


48      Sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2018, Lubrizol France vs Il‑Kunsill (C‑223/17 P, mhux ippubblikata, EU:C:2018:442, punt 39).