Language of document : ECLI:EU:F:2008:114

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
(It-Tieni Awla)

11 ta’ Settembru 2008

Kawża F-135/07

Daniele Smadja

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Reklutaġġ – Ħatra – Klassifikazzjoni fi skala – Ħatra mill-ġdid tar-rikorrenti fl-istess pożizzjoni wara l-annullament tal-ewwel ħatra tagħha minn sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza – Prinċipju ta’ proporzjonalità – Prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi – Dmir ta’ premura”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu D. Smadja titlob, b’mod partikolari, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-21 ta’ Diċembru 2006, li tiffissa l-klassifikazzjoni tagħha fil-grad A*15, skala 1, b’anzjanità fl-iskala għall-1 ta’ Novembru 2005, wara l-ħatra ġdida tagħha, fil-15 ta’ Novembru 2005, bħala Direttur tad-Direttorat B “Relazzjonijiet multilaterali u drittijiet tal-bniedem” tad-Direttorat Ġenerali “Relazzjonijiet esterni”, wara l-annullament tal-ewwel ħatra tagħha għall-istess pożizzjoni bis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tad-29 ta’ Settembru 2005, Napoli Buzzanca vs Il‑Kummissjoni (T‑218/02, ĠabraSP p. I‑A‑267 u II‑1221).

Deċiżjoni: Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Diċembru 2006, li tiffissa l-klassifikazzjoni tar-rikorrenti fil-grad A*15, skala 1, b’anzjanità fl-iskala għall-1 ta’ Novembru 2005, hija annullata. Il-Kummissjoni hija kkundannata għall-ispejjeż kollha.

Sommarju

Uffiċjali – Rikors – Sentenza ta’ annullament – Effetti – Annullament, minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni, taċ-ċaħda ta’ kandidatura u tal-ħatra tal-kandidat magħżul – Ħatra mill-ġdid tal-kandidat magħżul wara l-motivazzjoni taċ-ċaħda

(Artikolu 233 KE)

Meta l-amministrazzjoni teżegwixxi sentenza ta’ annullament, hija għandha l-obbligu li, filwaqt li tirrispetta l-awtorità tar-res judicata, tikkonforma ruħha mal-prinċipji ta’ dritt Komunitarju, b’mod partikolari mal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, kif ukoll mad-dmir ta’ premura, li jimplika b’mod partikolari li l-awtorità kompetenti għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jistgħu jiddeterminaw id-deċiżjoni tagħha u li b’hekk tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss l-interessi tas-servizz, iżda wkoll dawk tal-uffiċjal ikkonċernat.

B’hekk, ladarba sentenza tkun annullat iċ-ċaħda ta’ kandidatura u, minħabba f’hekk, il-ħatra tal-kandidat magħżul minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni, mingħajr ma tifformula ebda lment mill-aspett tal-legalità interna kontra dan tal-aħħar, u ladarba l-amministrazzjoni, wara li tkun bdiet proċeduri ġodda u tat deċiżjoni motivata ġdida ta’ ċaħda fir-rigward tal-kandidat eliminat, tkun iddeċidiet li terġa’ taħtar il-kandidat magħżul, iżda li tagħtih klassifikazzjoni ferm inqas baxxa minn dik mogħtija fl-ewwel ħatra, minħabba bidla li fil-frattemp tkun saret fir-Regolamenti tal-Persunal, hija l-amministrazzjoni li għandha l-obbligu li tfittex soluzzjoni li, filwaqt li tirrispetta l-awtorita tar-res judicata, tippermetti li jiġi evitat tnaqqis fil-klassifikazzjoni tal-kandidat magħżul, liema tnaqqis jikkostitwixxi konsegwenza eċċessiva tal-annullament tal-ħatra inizjali tiegħu, fid-dawl tan-natura tal-irregolarità mwettqa, attribwibbli lill-amministrazzjoni u ssanzjonata mill-qorti, tal-interessi tas-servizz, kif ukoll tal-interess leġittimu ta’ dan il-kandidat li l-klassifikazzjoni tiegħu ma titnaqqasx minħabba din l-irregolarità. B’hekk, l-amministrazzjoni tista’, mingħajr ma tippreġudika l-awtorità tar-res judicata u l-effetti tas-sentenza ta’ annullament, billi toħloq retroattività fl-effetti tal-ħatra ġdida għad-data tal-ħatra inizjali, tiggarantixxi lill-kandidat magħżul il-klassifikazzjoni, ogħla, li kellu fil-jum meta ngħatat is-sentenza. Fin-nuqqas li tadotta t-tali soluzzjoni jew kull miżura oħra ta’ natura li tikkonċilja l-interessi tas-servizz u l-interess leġittimu tal-kandidat, l-amministrazzjoni tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità kif ukoll id-dmir ta’ premura tagħha.

(ara l-punti 35 sa 37, 39, 40 u 45 sa 49)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 5 ta’ Ġunju 1980, Oberthür vs Il‑Kummissjoni, 24/79, Ġabra p. 1743, punt 13; 6 ta’ Lulju 1993, Il‑Kummissjoni vs Albani et, C‑242/90 P, Ġabra p. I‑3839, punti 13 u 14; 29 ta’ Ġunju 1994, Klinke vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, C‑298/93 P, Ġabra p. I‑3009, punt 38; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 20 ta’ Ġunju 1990, Burban vs Il‑Parlament, T‑133/89, Ġabra p. II‑245, punt 27; 12 ta’ Mejju 1998, Wenk vs Il‑Kummissjoni, T‑159/96, ĠabraSP p. I‑A‑193 u II‑593, punt 121; 1 ta’ Ġunju 1999, Rodríguez Pérez et vs Il‑Kummissjoni, T‑114/98 u T‑115/98, ĠabraSP p. I‑A‑97 u II‑529, punt 32; 13 ta’ Marzu 2002, Martínez Alarcón et vs Il‑Kummissjoni, T‑357/00, T‑361/00, T‑363/00 u T‑364/00, ĠabraSP p. I‑A‑37 u II‑161, punt 97; 31 ta’ Marzu 2004, Girardot vs Il‑Kummissjoni, T‑10/02, ĠabraSP p. I‑A‑109 u II‑483, punt 86; 29 ta’ Settembru 2005, Napoli Buzzanca vs Il‑Kummissjoni, T‑218/02, ĠabraSP p. I‑A‑267 u II‑1221; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 28 ta’ Ġunju 2007, Da Silva vs Il‑Kummissjoni, F‑21/06, Ġabra p. I‑0000, punt 80