Language of document : ECLI:EU:F:2012:183

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tieni Awla)

12 ta’ Diċembru 2012

Kawża F‑12/10 DEP

Petrus Kerstens

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Proċedura — Intaxxar tal-ispejjeż — Rappreżentazzjoni ta’ istituzzjoni minn wieħed mill-aġenti tagħha — Spejjeż li jistgħu jinġabru — Spejjeż indispensabbli — Kunċett — Spejjeż ta’ trasport, ta’ akkomodazzjoni u allowance ta’ kuljum mogħti lill-aġent”

Suġġett: Talba għall-intaxxar tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru li permezz tagħha l-Kummissjoni Ewropea ressqet quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, abbażi tal-Artikolu 92(1) tar-Regoli tal-Proċedura, wara s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-8 ta’ Marzu 2012, Kerstens vs Il-Kummissjoni, F‑12/10

Deċiżjoni: L-ammont tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru mill-Kummissjoni fil-Kawża F‑12/10, Kerstens vs Il-Kummissjoni, huwa stabbilit għal EUR 348.52. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha sostnuti abbażi ta’ din il-proċedura ta’ tassazzjoni tal-ispejjeż.

Sommarju

1.      Proċedura ġudizzjarja — Spejjeż — Taxxa — Spejjeż li jistgħu jinġabru — Spejjeż indispensabbli sostnuti mill-partijiet — Spejjeż ta’ trasferiment u ta’ soġġorn tal-aġenti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni — Kundizzjonijiet għar-rimbors

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikoli 91(b) u 92)

2.      Proċedura ġudizzjarja — Spejjeż — Taxxa — Spejjeż li jistgħu jinġabru — Spejjeż indispensabbli sostnuti mill-partijiet — Kunċett — Remunerazzjoni ta’ uffiċjal inkarigat li jirrappreżenta l-istituzzjoni quddiem il-qrati tal-Unjoni — Esklużjoni

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 91(b))

3.      Proċedura ġudizzjarja — Spejjeż — Taxxa — Kontestazzjoni tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru ta’ istituzzjoni rrappreżentata minn wieħed mill-aġenti tagħha — Limiti

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 91(b))

1.      Mill-Artikolu 91(b) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jirriżulta li l-ispejjeż li jistgħu jinġabru huma biss, minn naħa, dawk sostnuti għall-finijiet tal-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u, min-naħa l-oħra, dawk li kienu indispensabbli għal dawn il-finijiet. Għalhekk, il-fatt li l-ispejjeż sostnuti huma jew ma humiex koperti mill-baġit tal-istituzzjoni kkonċernata ma jikkostitwixxix kriterju li jista’ jippermetti li tiġi ddeterminata n-natura li jistgħu jinġabru jew le tagħhom. Madankollu, huma biss l-ispejjeż separabbli mill-attività interna ta’ istituzzjoni, bħal pereżempju l-ispejjeż ta’ trasferiment u ta’ soġġorn meħtieġa mill-proċedura, li jidħlu fil-kunċett ta’ spejjeż indispensabbli sostnuti għall-finijiet tal-proċedura.

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-ispejjeż sostnuti minn istituzzjoni jistgħux joħolqu, jekk ikun il-każ, krediti favur din l-istituzzjoni fil-konfront ta’ terz ikkundannat għall-ispejjeż fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja, għandha ssir distinzjoni bejn l-ispejjeż separabbli mill-attività interna tal-istituzzjoni u dawk li ma humiex. F’dan ir-rigward, għalkemm huwa minnu li l-parti mill-baġit allokat għas-servizz legali ta’ istituzzjoni għall-ispejjeż ta’ missjoni tal-persunal tagħha matul sena għandha tkopri, fost l-oħrajn, l-ispejjeż sostnuti għat-trasferimenti lejn il-Lussemburgu għall-ħtiġijiet ta’ rappreżentazzjoni tal-istituzzjoni fi proċeduri ġudizzjarji, xorta jibqa’ l-fatt li, jekk fl-aħħar tal-proċedura r-rikorrent jiġi kkundannat għall-ispejjeż, ċerti spejjeż sostnuti mill-istituzzjoni u kkunsidrati bħala indispensabbli għall-finijiet tal-proċedura għandhom jingħataw lura lill-imsemmi baġit, u din hija r-raġuni għalfejn l-imsemmija istituzzjoni hija obbligata li titlob ir-rimbors mingħand il-parti telliefa u, jekk ikun hemm bżonn, tibda l-proċedura prevista fl-Artikolu 92 tar-Regoli tal-Proċedura. Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li l-ispejjeż ta’ trasport, ta’ akkomodazzjoni u l-allowances ta’ kuljum mogħtija lill-aġent ta’ istituzzjoni jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rimbors abbażi tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru. Bl-istess mod, l-użu ta’ aġenzija tal-ivvjaġġar ma huwiex irraġonevoli peress li jiffaċilita għall-amministrazzjoni l-immaniġġar tal-ispejjeż tal-aġenti u jippermettilha li jonqsu l-ispejjeż.

Barra minn hekk, l-ispejjeż separabbli mill-attività interna ta’ istituzzjoni ma jistgħux ikollhom natura fissa. Fil-fatt, tali natura twassal biex tippermetti lill-istituzzjoni kkonċernata li tiġbor fi ħdanha l-ispejjeż interni, bħal pereżempju l-ispejjeż tas-segreterija jew l-ispejjeż amministrattivi, li ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ rimbors abbażi tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru.

(ara l-punti 24, 25, 27, 29, 30 u 41)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 26 ta’ Novembru 2004, BEI vs De Nicola, C‑198/02 P(R)‑DEP, punt 20

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 23 ta’ Marzu 2012, Kerstens vs Il-Kummissjoni, T‑266/08 P‑DEP, punti 13 u 21

2.      L-ispejjeż marbuta mal-attività ta’ uffiċjal ma jistgħux jitqiesu bħala spejjeż sostnuti għall-finijiet tal-proċedura u għalhekk li jistgħu jinġabru. Fil-fatt, meta l-istituzzjonijiet jiġu rrappreżentati minn wieħed mill-uffiċjali tagħhom, il-kontropartita għall-eżekuzzjoni tal-inkarigi kollha ta’ dan l-uffiċjal hija r-remunerazzjoni statutorja li tiġi allokata lilu. Dan l-uffiċjal, suġġett għal statut li jirregola s-sitwazzjoni pekunjarja tiegħu, għandu l-missjoni li jagħti pariri u li jassisti lill-istituzzjoni tiegħu u li jeżegwixxi l-inkarigi mogħtija lilu fil-qasam tal-attivitajiet tiegħu, li jinkludi, minbarra r-rappreżentazzjoni quddiem il-qrati tal-Unjoni, id-difiża tal-interessi tal-istituzzjoni li huwa jirrappreżenta.

(ara l-punt 26)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 7 ta’ Settembru 1999, Il-Kummissjoni vs Sveriges Betodlares u Henrikson, C‑409/96 P‑DEP, punt 12

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: Kerstens vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 13, 19 u 21

3.      F’kawża bejn l-Unjoni u l-aġenti tagħha, rikorrent ma huwiex obbligat jiddetermina kif l-aġent li jirrappreżenta l-konvenut quddiem il-qorti tal-Unjoni jivvjaġġa għal missjoni u t-tul ta’ tali missjoni, bil-kundizzjoni li l-ispejjeż li l-konvenuta titlob ir-rimbors tagħhom ikunu indispensabbli fis-sens tal-Artikolu 91(b) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

(ara l-punt 36)